Sajd

Infiq pubbliku fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura

Infiq pubbliku fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura

Infiq pubbliku fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura

Is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura huwa sottomess għar-regoli dwar il-kompetizzjoni biss sa fejn ikun determinat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Għalhekk, l-infiq pubbliku jista' jiġi kategorizzat kif ġej:

1. permezz tal-istrument finanzjarju tal-UE – il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)

2. permezz ta’ għajnuna mill-Istat, jiġifieri għajnuna mogħtija mill-pajjiżi tal-UE biex l-industrija tas-sajd u l-akkwakultura għajr il-finanzjament tal-FEMS fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-TFUE.

Għal aktar tagħrif dwar id-delimitazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji, jekk jogħġbok ara l-preżentazzjoni.

Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat lis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura

Fil-prinċipju, l-għajnuna mill-Istat mhix kompatibbli mas-suq intern ħlief għal każijiet speċifiċi bħal:

  • għajnuna de minimis (i.e. ammonti li jkunu tant ċkejknin li x'aktarx ma jkollhomx impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni);
  • ċerti tipi ta’ sussidji li ma jfixklux il-kompetizzjoni, koperti minn Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija tas-Sajd u tal-Akkwakultura.

Jekk l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet speċifiċi ma jkun applikabbli, kull stat membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe skema ta’ għajnuna mill-istat li jixtieq jistabbilixxi jew kwalunkwe għajnuna mill-Istat li għandu l-intenzjoni jagħti, u ma jistax jimplimenta l-iskema jew l-għotja tal-għajnuna qabel ma l-Kummissjoni tiddikjara li tikkonforma mat-Trattat. (Ara Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1589 tal-Kunsill u l-Artikolu 2 tar-Regolament 794/2004 tal-Kummissjoni).

Waqt li tkun qed tinvestiga l-każijiet ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tista’ tipproċessa d-dejta personali. Għal aktar tagħrif jekk jogħġbok ara l-istqarrija ta' privatezza speċifika.

Kif issir in-notifika?

L-għajnuna trid tiġi informata elettronikament permezz ta' SANI2, permezz tar-Rappreżentanzi Permanenti għall-UE tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru jrid ilesti kemm il-folja dwar l-Informazzjoni Ġenerali u l-folja dwar l-Informazzjoni Supplimentari għall-għajnuna tal-Istat għas-settur tas-sajd u l-akkwakultura.

N.B.: Attwalment SANI2 ma jinkludix folja dwar l-Informazzjoni Supplimentari għall-għajnuna għas-settur tas-sajd u l-akkwakultura. L-Istati Membri huma mitluba jniżżlu l-folja dwar l-Informazzjoni Supplimentari provviżorja minn dan is-sit web u jew jehmżuha man-notifika ta' SANI2 jew jibagħtuha direttament lil mare-aidesdetat@ec.europa.eu.

Formoli ta' notifika

Il-folja dwar l-Informazzjoni Ġenerali

Il-folja dwar l-Informazzjoni Ġenerali ġiet emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2282 tas-27 ta' Novembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 fir-rigward tal-formoli ta' notifika u l-iskedi ta' informazzjoni (ĠU L 325, 10.12.2015, p. 1–180).

  • Il-folja dwar l-Informazzjoni Ġenerali (ippubblikata għal finijiet ta' informazzjoni biss u mingħajr l-ebda preġudizzju għat-test uffiċċjali kif ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali)

Il-folja dwar l-Informazzjoni Supplimentari provviżorja tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

Attwalment il-Kummissjoni qed tipprepara l-adozzjoni ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 fir-rigward tal-folja dwar l-Informazzjoni Supplimentari provviżorja għall-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura L-adozzjoni hija ppjanata għall-ħarifa 2016, wara l-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna tal-Istat.

Jekk jogħġbok ibgħat il-mistoqsijiet jew suġġerimenti li jista' jkollok dwar il-verżjoni provviżorja tal-folja lil mare-aidesdetat@ec.europa.eu.

X’inhuma l-konsegwenzi jekk stat membru jonqos milli jinnotifika?

Jekk stat membru jdaħħal fis-seħħ skema ta' għajnuna mill-istat jew għotjiet ta' għajnuna individwali mingħajr ma jinnotifika lill-Kummissjoni jew mingħajr ma jikseb l-approvazzjoni tal-iskema jew l-għajnuna nnotifikata, l-għajnuna mill-istat jew skema ta' għajnuna mill-istat tiġi kkunsidrata illegali (ara Artikolu 1, punt (f) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589). Barra minn hekk, il-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali fil-prinċipju jintalbu jħallsu lura l-għajnuna. (ara Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament)

Meta m'hemmx bżonn ta' notifika?

Ċerti tipi ta' għajnuna mill-istat lis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura jitqiesu kompatibbli mas-suq intern, u għalhekk m'għandhomx bżonn jistennew l-approvazzjoni mill-Kummissjoni qabel ma jimplimentaw l-iskema ta' għajnuna. Notifika mhix meħtieġa f’każ ta’:

1. tipi ta' għajnuna koperti b'regolament ta' eżenzjoni kollettiva (Regolament tal-Kummissjoni 1388/2014  - ir-regolament ta' eżenzjoni kollettiva applikabbli għas-settur ġie adottat fis-16.12.2014 u daħal fis-seħħ fl-01.01.2015).

2. għajnuna de minimis (Regolament tal-Kummissjoni 717/2014; Ara aktar ’l isfel).

Madankollu, kull stat membru jrid iħejji rapport annwali dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija matul is-sena, inkluża l-għajnuna li taqa' taħt ir-regoli de minimis. Ir-rapport għandu jiġi sottomess f'format elettroniku sat-30 ta' Ġunju (ara l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni 794/2004; l-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa hi spjegata fl-Anness III C f'dan ir-Regolament).

Kien hemm każ il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE meta stat membru ma bagħatx ir-rapporti annwali fi żmien l-iskadenza (ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Jannar 2006 - il-Kummissjoni v il-Lussemburgu (Każ C-69/05))

Ir-regoli tal-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

Għajnuna mill-Istat li ma taqbiżx ċertu limitu fuq perjodu ta’ żmien hija meqjusa li ma tkunx tissodisfa l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) TFUE. Din hija l-hekk imsejħa għajnuna de minimis. Ir-Regolament tal-Kummissjoni 717/2014 (li jieħu post ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007) jistipola limitu ta' €30,000 għal kull benefiċjarju fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin. Barra minn hekk, kull stat membru jrid jirrispetta l-ammont kumulattiv massimu stipulat fl-anness tar-Regolament De minimis (l-hekk imsejjaħ limitu massimu nazzjonali) filwaqt li jippermetti għajnuna lill-impriżi attivi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Għajnuna de minimis mogħtija lill-impriżi kollha fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fuq tliet snin ma tistax taqbeż 2.5% tal-ammont annwali ta’ qbid, proċessar u l-fatturat tal-akkwakultura għal kull stat membru.

L-għajnuna de minimis b'mod partikolari:

a. għandha tiġi ġestita b'mod trasparenti;
b. ma tistax tintuż għax-xiri ta’ bastimenti tas-sajd, għall-modernizzazzjoni jew is-sostituzzjoni ta’ magni prinċipali jew anċillari ta’ bastimenti tas-sajd jew għal operazzjonijiet li jżidu l-kapaċità tas-sajd ta’ bastiment jew tagħmir li jżid il-ħila ta’ bastiment li jsib il-ħut jew kwalunkwe operazzjonijiet ineliġibbli taħt ir-Regolament tal-FEMS;
c. ma tistax taqbeż il-limitu ta' €30,000 għal kwalunkwe perjodu ta' tliet snin tat-taxxa.

Din il-lista ta’ kundizzjonijiet mhijiex eżawrjenti.

L-istati membri għandhom jimplimentaw miżuri ta' kontroll, li jagħmluha possibbli jivverifikaw li r-regoli ġew imħarsa.

Dokumenti ta’ referenza legali importanti fis-settur