Statistika dwar l-enerġija rinnovabbli

Aqbeż għal: navigazzjoni , fittex


Data estratta f’Jannar 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: April 2021.

Punti ewlenin

Fl-2018, l-enerġija rinnovabbli kienet tirrappreżenta 18.9 % tal-enerġija kkonsmata fl-UE, fi triqitha lejn il-mira tal-2020 ta’ 20 %.

Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli użata fl-attivitajiet tat-trasport fl-UE laħaq 8.3 % fl-2018.

Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, 2018
(% tal-konsum finali gross tal-enerġija)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)

Li nsiru l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050 huwa l-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final), l-aktar pakkett ta’ miżuri ambizzjuż li jista’ jippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej jibbenefikaw minn tranżizzjoni ekoloġika sostenibbli.

L-użu tal-enerġija rinnovabbli għandu ħafna benefiċċji potenzjali, inkluż tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u dipendenza mnaqqsa fuq is-swieq tal-karburanti fossili (b’mod partikolari, iż-żejt u l-gass). It-tkabbir tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jista’ wkoll jistimula l-impjiegi fl-UE, permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi f’teknoloġiji ekoloġiċi ġodda.

Dan l-artiklu jipprovdi statistika riċenti dwar is-sehem ta’ enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’mod ġenerali u fi tliet setturi ta’ konsum (il-konsum gross tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ u t-trasport) fl-Unjoni Ewropea (UE). Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jinkludu l-enerġija mir-riħ, l-enerġija solari (termali, fotovoltajka u kkonċentrata), l-idroenerġija, l-enerġija mill-marea, l-enerġija ġeotermali, is-sħana ambjentali maqbuda minn pompi tas-sħana, il-bijokarburanti u l-parti rinnovabbli tal-iskart.

Artiklu sħiħ

Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli kważi rdoppja bejn l-2004 u l-2018

L-UE tfittex li jkollha sehem ta’ 20 % tal-konsum finali gross tal-enerġija tagħha minn sorsi rinnovabbli sal-2020; din il-mira hija distribwita bejn l-Istati Membri tal-UE bi pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali mfassla sabiex iwittu t-triq għall-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli f’kull wieħed mill-Istati Membri. L-Illustrazzjoni 1 turi l-aktar data riċenti disponibbli għas-sehem ta’ enerġiji rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u l-miri li ġew stabbiliti għall-2020. Is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija kien ta’ 18.9 % fl-UE fl-2018, meta mqabbel ma’ 9.6 % fl-2004.

Dan l-iżvilupp pożittiv kien imħeġġeġ mill-miri li jorbtu legalment sabiex jiżdied is-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli ppromulgati mid-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Filwaqt li l-UE b’mod ġenerali tinsab fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-miri tagħha tal-2020, xi Stati Membri ser ikollhom bżonn jagħmlu sforzi addizzjonali sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward taż-żewġ miri ewlenin: is-sehem ġenerali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija (ara l-Illustrazzjoni 1) u s-sehem speċifiku tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport (li qed jiġi trattat aktar ’il quddiem f’dan l-artiklu, ara l-Illustrazzjoni 2 u t-Tabella 4).

Illustrazzjoni 1: Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, 2018
(% tal-konsum finali gross tal-enerġija)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)


B’aktar minn nofs (54.6 %) l-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tagħha, l-Iżvezja kellha bil-bosta l-ogħla sehem fost l-Istati Membri tal-UE fl-2018, qabel il-Finlandja (41.2 %), il-Latvja (40.3 %), id-Danimarka (36.1 %) u l-Awstrija (33.4 %). Fit-tarf oppost tal-iskala, l-aktar proporzjonijiet baxxi ta’ sorsi rinnovabbli kienu rreġistrati fin-Netherlands (7.4 %), f’Malta (8.0 %), fil-Lussemburgu (9.1 %) u fil-Belġju (9.4 %). Meta mqabbla mal-aktar data riċenti disponibbli għall-2018, il-miri għal Franza u n-Netherlands jeħtieġu li jżidu is-sehem tagħhom tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija b’mill-inqas 6.4 u 6.6 punti perċentwali, rispettivament. B’kuntrast ma’ dan, tnax mill-Istati Membri diġà qabżu l-mira tagħhom għall-2020; il-punt sa fejn il-miri nqabżu kien partikolarment kbir — fil-medda ta’ bejn 5.0 u 8.0 punti perċentwali — fil-Kroazja, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fl-Estonja.

It-Tabella 1 tippreżenta data għall-pajjiżi rapportaturi kollha, kif ukoll il-valuri tat-trajettorja indikattiva.

Tabella 1: Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, 2004-2018
(% tal-konsum finali gross tal-enerġija)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)

Il-bqija tas-sejbiet statistiċi ta’ dan l-artiklu jittrattaw l-iżviluppi mill-2004 sal-2018 fis-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fi tliet setturi ta’ konsum: il-konsum gross tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ u t-trasport.

L-enerġija mir-riħ hija l-aktar sors importanti ta’ elettriku rinnovabbli

Ir-regoli tal-kontabbiltà fid-Direttiva 2009/28/KE jippreskrivu li l-elettriku ġġenerat mill-idroenerġija u mill-enerġija mir-riħ għandu jkun normalizzat sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet annwali tat-temp (l-idro huwa normalizzat matul l-aħħar 15-il sena u r-riħ matul l-aħħar 5 snin). Dan l-artiklu jippreżenta r-riżultati li japplikaw għal dawn ir-regoli tal-kontabbiltà.

It-tkabbir fl-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli matul il-perjodu mill-2008 sal-2018 jirrifletti fil-biċċa l-kbira espansjoni fi tliet sorsi ta’ enerġija rinnovabbli madwar l-UE, prinċipalment l-enerġija mir-riħ, iżda wkoll l-enerġija solari u l-bijokarburanti solidi (inkluż l-iskart rinnovabbli). Fl-2018 l-enerġija mir-riħ kienet l-akbar sors uniku għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli fl-UE. Tabilħaqq, l-ammont ta’ elettriku ġġenerat mill-idro kien relattivament simili għal-livell irreġistrat għaxar snin qabel. B’kuntrast ma’ dan, il-kwantità ta’ elettriku ġġenerat fl-UE mix-xemx u mit-turbini tar-riħ fl-2018 kienet 15.5-il darba u 2.9 darbiet ogħla milli kienet fl-2008. It-tkabbir fl-elettriku mill-enerġija solari kien drammatiku, billi żdied minn 7.4 TWh biss fl-2008 għal 115.0 TWh fl-2018.

Hemm varjazzjoni sinifikanti bejn l-Istati Membri tal-UE. Fl-Awstrija (73.1 %), fl-Iżvezja (66.2 %) u fid-Danimarka (62.4 %), mill-inqas tlieta minn kull ħamsa tal-elettriku kollu kkonsmat kien iġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli — l-aktar bħala riżultat tal-idroenerġija u l-enerġija mir-riħ — filwaqt li aktar minn nofs l-elettriku użat fil-Latvja (53.5 %) u fil-Portugall (52.2 %) ġie minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Min-naħa l-oħra, f’Ċipru (9.4 %), fil-Lussemburgu (9.1 %), fl-Ungerija (8.3 %) u f’Malta (7.1 %) is-sehem tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli kien inqas minn 10 % (ara t-Tabella 2).

Tabella 2: Is-sehem tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-konsum gross tal-elettriku, 2004-2018
(%)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)

Aktar minn waħda minn kull ħamsa tal-enerġija użata għat-tisħin u għat-tkessiħ minn sorsi rinnovabbli

Fl-2018, l-enerġija rinnovabbli kienet tikkostitwixxi 21.1 % tal-użu totali tal-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ fl-UE. Din hija żieda sinifikanti mill-11.7 % fl-2004. Iż-żidiet fis-setturi industrijali, fis-servizzi u fl-unitajiet domestiċi (is-settur tal-bini) kkontribwew għal dan it-tkabbir. L-enerġija mis-sħana ajrutermali, ġeotermali u idrotermali maqbuda mill-pompi tas-sħana titqies sal-punt irrapportat mill-pajjiżi. Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-tisħin u fit-tkessiħ huwa ppreżentat fit-Tabella 3.

Tabella 3: Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-tisħin u fit-tkessiħ, 2004-2018
(%)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)

8.3 % tal-enerġija rinnovabbli użata fl-attivitajiet tat-trasport fl-2018

L-UE qablet li tistabbilixxi mira komuni ta’ 10 % għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli (inklużi l-bijokarburanti likwidi, l-idroġenu, il-bijometan, l-elettriku ekoloġiku, eċċ.) użata fis-settur tat-trasport sal-2020.

Is-sehem medju tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport żdied minn 1.5 % fl-2004 għal 8.3 % fl-2018. Fost l-Istati Membri tal-UE, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-karburanti għat-trasport kien ivarja minn livelli għoljin ta’ 29.7 % fl-Iżvezja, 14.9 % fil-Finlandja u 9.8 % fl-Awstrija għal inqas minn 4.0 %, fil-Kroazja (3.9 %), fil-Greċja (3.8 %), fl-Estonja (3.3 %) u f’Ċipru (2.7 %), ara l-Illustrazzjoni 2.

Illustrazzjoni 2: Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, 2018
(% tal-konsum finali gross tal-enerġija)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)

Fi wħud mill-Istati Membri tal-UE, kien hemm assorbiment rapidu fl-użu tal-enerġija rinnovabbli bħala karburant tat-trasport. Dan kien partikolarment minnu fl-Irlanda, fil-Lussemburgu, f’Malta, fin-Netherlands, fil-Finlandja u fl-Iżvezja.

Aktar dettalji dwar is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport jistgħu jinstabu fit-Tabella 4.

Tabella 4: Is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport, 2004-2018
(% tal-konsum finali gross tal-enerġija)
Sors: Eurostat (nrg_ind_ren)

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

L-istatistika ppreżentata f’dan l-artiklu hija bbażata fuq id-data kkompilata f’konformità mar-regoli tal-kontabbiltà stipulati fid-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u kkalkolata abbażi tal-istatistika dwar l-enerġija koperta mir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija, kif emendat l-aħħar f’Novembru 2017 mir-Regolament (UE) Nru 2017/2010. Id-Direttiva 2009/28/KE se tintuża sas-sena ta’ referenza 2020. Minn dik is-sena ’l quddiem, il-kalkolu tas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli se jsegwi r-regoli tal-kontabbiltà stipulati fid-Direttiva 2018/2001/UE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Id-data hija disponibbli għall-Istati Membri tal-UE kollha, kif ukoll għar-Renju Unit, in-Norveġja, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, l-Albanija, it-Turkija u l-Kosovo*. B’mod ġenerali, id-data hija kompleta, riċenti u komparabbli b’mod affidabbli fil-pajjiżi kollha.

Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija huwa identifikat bħala indikatur ewlieni għall-kejl tal-progress skont l-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan l-indikatur jista’ jitqies bħala stima għall-finijiet ta’ monitoraġġ tad-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli — madankollu, is-sistema statistika f’xi pajjiżi għal teknoloġiji speċifiċi tal-enerġija rinnovabbli għadha mhijiex żviluppata għalkollox sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva; pereżempju, l-enerġija tas-sħana ambjentali għall-pompi tas-sħana mhijiex irrapportata minn ħafna pajjiżi.

Il-kalkoli kollha jqisu dispożizzjonijiet speċifiċi kif stabbiliti fid-Direttiva 2009/28/KE wara l-emendar tagħha mid-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Aspett importanti li għandu jitqies meta tiġi interpretata d-data huwa r-reviżjonijiet statistiċi. L-aħħar data għall-2005 turi varjazzjoni żgħira fir-rigward tad-data disponibbli matul it-tħejjija u l-adozzjoni tad-Direttiva fis-snin 2007-2008. Il-bidliet huma dovuti għal reviżjonijiet fis-settijiet ta’ data trażmessi mill-pajjiżi rapportaturi b’rispons għall-kwestjonarji annwali dwar l-enerġija. Minħabba r-reviżjoni tad-data għall-konsum tal-bijomassa fl-unitajiet domestiċi, id-data aġġornata għall-Kroazja tindika li l-konsum tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli huwa ogħla mill-mira tal-2020 sa mill-2004 (l-ewwel sena li għaliha l-valuri huma disponibbli). Iżda l-Kroazja mhijiex l-uniku każ. Bħala konsegwenza tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, il-pajjiżi qegħdin jimmonitorjaw ħafna aktar mill-qrib il-flussi tal-prodotti tal-enerġija rinnovabbli fl-ekonomiji tagħhom. Każ sinifikanti ħafna huwa l-konsum tal-bijomassa, fejn il-pajjiżi qegħdin iniedu stħarriġiet aktar dettaljati ġodda li jippermettulhom jaqbdu aktar data dwar il-konsum finali tal-enerġija tal-bijomassa. Bħala konsegwenza, bosta pajjiżi qegħdin jirrevedu d-data tagħhom li twassal għal żieda fis-sehem tagħhom tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (eż. il-Kroazja, Franza, il-Litwanja u l-Ungerija).

Il-konsum finali gross tal-enerġija huwa definit fid-Direttiva 2009/28/KE dwar l-Enerġija Rinnovabbli bħala l-prodotti tal-enerġija kkonsenjati għal skopijiet ta’ enerġija lill-industrija, it-trasport, l-unitajiet domestiċi, is-servizzi (inklużi s-servizzi pubbliċi), l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd, inkluż il-konsum tal-elettriku u tas-sħana mill-fergħa tal-enerġija għall-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana u inkluż it-telf tal-elettriku u tas-sħana fid-distribuzzjoni u t-trażmissjoni.

Il-produzzjoni tal-enerġija minn skart muniċipali mhux rinnovabbli tnaqqset mill-kontribuzzjoni tal-bijomassa għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tat-tisħin. Il-konsum għat-trasport bil-pipelines ġie inkluż fil-konsum gross finali tal-enerġija, f’konformità mal-klassifikazzjoni settorjali tar-Regolament dwar l-Istatistika dwar l-Enerġija. Sabiex jitjiebu l-preċiżjoni u l-konsistenza mal-istatistika nazzjonali fil-kalkolu tal-ishma tal-enerġija rinnovabbli, intużaw valuri kalorifiċi nazzjonali, fejn disponibbli, għall-konverżjoni tal-kwantitajiet tal-prodotti tal-enerġija kollha fl-unitajiet tal-enerġija, minflok il-valuri kalorifiċi prestabbiliti.

Data għall-perjodu 2004-2010: Id-Direttiva 2009/28/KE kienet għadha ma teżistix jew inkella ġiet adottata biss riċentement. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, din ma ġietx ippromulgata f’leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-valuri f’dawn is-snin ma jintużaw għal ebda kejl tal-konformità leġiżlattiva mat-trajettorja indikattiva definita fil-parti B tal-Anness I tad-Direttiva. Id-Direttiva 2009/28/KE dwar l-Enerġija Rinnovabbli tistipula li huma biss il-bijokarburanti u l-bijolikwidi li jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà li għandhom jingħaddu għall-miri. Kien deċiż li, għas-snin 2004-2010, il-bijokarburanti u l-bijolikwidi kollha għandhom jingħaddu lejn in-numeratur tas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Data għall-2011 ’il quddiem: Il-konformità mal-Artikolu 17 (Il-kriterji tas-sostenibbiltà għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi) għandha tiġi vvalutata fir-rigward tal-Artikolu 18 (Il-verifika tal-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi). Mis-sena ta’ referenza 2011, il-pajjiżi għandhom jirrapportaw bħala konformi biss dawk il-bijokarburanti u l-bijolikwidi li għalihom tkun tista’ tintwera bis-sħiħ il-konformità kemm mal-Artikolu 17 kif ukoll mal-Artikolu 18. Huma biss il-bijokarburanti u l-bijolikwidi konformi rrapportati li jingħaddu lejn l-ishma rispettivi ta’ sorsi rinnovabbli. F’xi pajjiżi, il-konsum tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi fil-perjodu 2011-2015 ma kienx iċċertifikat bħala konformi (sostenibbli) minħabba l-implimentazzjoni tard tad-Direttiva 2009/28/KE. Filwaqt li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli b’mod ġenerali ilu jiżdied mill-2004, bejn l-2010 u l-2011, is-sehem tagħha fit-trasport naqas. Dan jista’ jiġi attribwit parzjalment għan-nuqqas totali ta’ bijokarburanti konformi rrapportati minn bosta pajjiżi tal-UE (il-pajjiżi rrapportaw xi użu ta’ bijokarburanti, iżda xejn jew ftit ħafna minnu kien konformi fl-2011). Billi xi pajjiżi għadhom ma implimentawx bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, xi bijokarburanti u bijolikwidi mhumiex meqjusa bħala konformi (sostenibbli) fil-perjodu 2011-2015.

Is-sehem tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli huwa definit bħala l-proporzjon bejn l-elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-konsum gross nazzjonali tal-elettriku. Kif stipulat fid-Direttiva 2009/28/KE dwar l-Enerġija Rinnovabbli, il-konsum gross finali tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli huwa l-elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Dan jinkludi impjanti tal-idroenerġija (minbarra l-elettriku tal-idroenerġija prodott minn impjanti tal-ħażna ppompjata bl-użu ta’ ilma li qabel kien ippompjat għat-telgħa), kif ukoll l-elettriku ġġenerat minn bijokarburanti solidi/skart u minn installazzjonijiet tar-riħ, tax-xemx u ġeotermali. Id-Direttiva tesiġi wkoll li l-produzzjoni tal-elettriku mill-idroenerġija u mill-enerġija mir-riħ tkun normalizzata. Minħabba r-rekwiżit ta’ normalizzazzjoni ta’ 15-il sena għall-produzzjoni tal-idroenerġija u d-disponibbiltà tal-istatistika dwar l-enerġija (għall-UE, li tibda mill-1990), serje kronoloġiċi twal ta’ dan l-indikatur mhumiex disponibbli.

Għall-iskop tal-kalkolu tas-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fit-tisħin u fit-tkessiħ, il-konsum finali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli huwa definit bħala l-konsum finali tal-enerġija rinnovabbli fl-industrija, fl-unitajiet domestiċi, fis-servizzi, fl-agrikoltura, fil-forestrija u fis-sajd għal skopijiet ta’ tisħin u tkessiħ, flimkien mat-tisħin distrettwali prodott minn sorsi rinnovabbli. Il-konsum finali totali għat-tisħin u t-tkessiħ huwa l-konsum finali tal-prodotti tal-enerġija kollha, minbarra l-elettriku, għal skopijiet oħrajn minbarra t-trasport, flimkien mal-konsum tas-sħana għall-użu proprju fl-impjanti tal-elettriku u tas-sħana u t-telf tas-sħana fin-netwerks. Għal definizzjoni aktar dettaljata, jekk jogħġbok ara l-manwal tal-għodda SHARES.

Is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli f’karburant ikkonsmat mit-trasport jiġi kkalkolat abbażi tal-istatistika dwar l-enerġija, skont il-metodoloġija kif deskritta fid-Direttiva 2009/28/KE. Il-kontribuzzjoni tal-bijokarburanti likwidi kollha hija inkluża fil-kalkolu għal dan l-indikatur sal-2010. Mill-2011, id-data għall-bijokarburanti likwidi fit-trasport saret ristretta biss għall-bijokarburanti likwidi konformi mad-Direttiva 2009/28/KE (fi kliem ieħor li jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà).

Kuntest

Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet bosta strateġiji dwar l-enerġija għal ekonomija aktar sigura, sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Minbarra l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli x’aktarx li jirriżulta fi provvisti tal-enerġija aktar siguri, diversità akbar fil-provvista tal-enerġija, inqas tniġġis tal-arja, kif ukoll il-possibbiltà għall-ħolqien tal-impjiegi fis-settur ambjentali u fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.

Il-pakkett tal-klima u l-enerġija 2020 adottat f’Diċembru 2008 ipprovda stimolu ulterjuri sabiex l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli jiżdied għal 20 % tal-konsum totali tal-enerġija sal-2020, filwaqt li talab għal tnaqqis kemm tal-konsum tal-enerġija kif ukoll tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’20 %. Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli stabbiliet mira ġenerali madwar l-UE sabiex jiġi derivat sehem ta’ 20 % tal-konsum tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli sal-2020, filwaqt li s-sorsi rinnovabbli għandhom jikkostitwixxu wkoll sehem ta’ 10 % tal-karburanti użati fis-settur tat-trasport sal-istess data. Id-Direttiva tbiddel il-qafas legali għall-promozzjoni tal-elettriku rinnovabbli, tirrikjedi li l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali juru kif l-enerġiji rinnovabbli ser jiġu żviluppati f’kull Stat Membru tal-UE, toħloq mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, u tistabbilixxi kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti likwidi (wara t-tħassib fuq l-effetti negattivi potenzjali tagħhom fuq il-prezzijiet tal-għelejjel, il-provvista tal-ikel, il-protezzjoni tal-foresti, il-bijodiversità, l-ilma u r-riżorsi tal-ħamrija). F’Lulju 2014, ġie adottat rapport dwar is-sostenibbiltà tal-bijokarburanti solidi u tal-gass użati għall-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ (SWD(2014) 259).

Fis-6 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Komunikazzjoni bit-titlu, “L-enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija” (COM(2012) 271 final), li tiddeskrivi l-għażliet għal politika dwar l-enerġija rinnovabbli għall-perjodu wara l-2020. Il-Komunikazzjoni talbet ukoll għal approċċ Ewropew aktar ikkoordinat fit-twaqqif u fir-riforma tal-iskemi ta’ appoġġ u ż-żieda fl-użu tan-negozjar tal-enerġija rinnovabbli fost l-Istati Membri tal-UE. F’Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea ressqet ġabra ta’ miri dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 bl-għan li tinkoraġġixxi l-investiment privat fl-infrastruttura u fit-teknoloġiji b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Waħda mill-miri ewlenin proposti hija li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli jilħaq mill-inqas 27 % sal-2030. Dawn l-objettivi jitqiesu bħala pass biex jintlaħqu l-miri tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2050 imressqa fil-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (COM (2011) 112 final).

Fi Frar 2015, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet il-pjanijiet tagħha għal strateġija qafas għal unjoni tal-enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem f’Komunikazzjoni (COM(2015) 80 final). Il-Komunikazzjoni tipproponi ħames dimensjonijiet għall-istrateġija, li waħda minnhom hija d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija.

Fil-11 ta’ Diċembru 2018, l-UE adottat id-Direttiva 2018/2001/UE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Il-qafas regolatorju ġdid jinkludi mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli għall-UE għall-2030 ta’ 32 % bi klawżola ta’ reviżjoni biex din il-mira tiżdied sal-2023. Dan ser jikkontribwixxi ħafna għall-prijorità politika tal-Kummissjoni kif espressa mill-President Juncker fl-2014 sabiex l-Unjoni Ewropea ssir l-aqwa fid-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mas-sorsi rinnovabbli. Dan ser jippermetti lill-Ewropa żżomm ir-rwol ta’ tmexxija tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fit-tranżizzjoni għal enerġija nadifa u fl-issodisfar tal-miri stabbiliti mill-Ftehim ta’ Pariġi.

Li nsiru l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050 huwa l-akbar objettiv u opportunità ta’ żminijietna. Biex dan jinkiseb, fil-11 ta’ Diċembru 2019 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final), l-aktar pakkett ta’ miżuri ambizzjuż li jista’ jippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej jibbenefikaw minn tranżizzjoni ekoloġika sostenibbli. Il-miżuri akkumpanjati minn pjan direzzjonali inizjali ta’ politiki ewlenin, ivarjaw minn tnaqqis ambizzjuż tal-emissjonijiet sa investiment f’riċerka u innovazzjoni avvanzati biex jiġi ppreservat l-ambjent naturali tal-Ewropa. Fuq kollox, il-Patt Ekoloġiku Ewropew jwitti t-triq għal tranżizzjoni li tkun xierqa u soċjalment ġusta. Huwa mfassal b’tali mod li ma jħalli l-ebda individwu jew reġjun jibqa’ lura fit-trasformazzjoni l-kbira li għandna quddiemna.

Il-Patt Ekoloġiku huwa parti integrali mill-istrateġija tal-Kummissjoni biex timplimenta l-Aġenda 2030 u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-NU, u l-prijoritajiet l-oħra mħabbra fil-linji gwida politiċi tal-President von der Leyen. Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni se tiffoka mill-ġdid il-proċess ta’ koordinazzjoni makroekonomika tas-Semestru Ewropew biex tintegra l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, biex tpoġġi s-sostenibbiltà u l-benesseri taċ-ċittadini fil-qalba tal-politika ekonomika u biex fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika u tal-azzjoni tal-UE jitpoġġew l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.

Aċċess dirett għal
Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Legislation
Viżwalizzazzjonijiet
Links esterni





Energy statistics - main indicators (t_nrg_ind)
Energy statistics - quantities (t_nrg_quant)
Energy statistics - quantities, annual data (nrg_quanta)

Noti

* Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.