Il-kontijiet nazzjonali u l-PDG

Aqbeż għal: navigazzjoni , fittex


Data estratta f’Awwissu 2019.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Jannar 2021.

Il-verżjoni Ingliża hija aktar riċenti.

Punti ewlenin

Il-PDG fl-EU-28 żdied fl-2018, għas-sitt sena konsekuttiva; iż-żieda rreġistrata fiż-żona tal-euro kienet il-ħames żieda konsekuttiva.

Żviluppi strutturali diverġenti matul l-aħħar 10 snin fl-EU-28: naqas is-sehem tal-kostruzzjoni mill-valur miżjud totali, u żdied dak tas-servizzi għan-negozji.

Fl-2018, l-ekonomija tal-EU-28 irreġistrat ir-raba’ żieda annwali konsekuttiva fl-investiment.

Tkabbir reali tal-PDG, 2008-2018

Il-kontijiet nazzjonali huma s-sors ta’ għadd ta’ indikaturi ekonomiċi magħrufa sew li huma ppreżentati f’dan l-artiklu. Il-prodott domestiku gross (PDG) huwa l-kejl l-aktar użat għad-daqs globali ta’ ekonomija, filwaqt li indikaturi dderivati minnu bħall-PDG kull abitant (per capita) — pereżempju, f’euro jew aġġustat għad-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet (kif espressi fi standards tal-kapaċità tal-akkwist, PPS) — jintużaw ħafna biex isir paragun ta’ standards tal-għajxien, jew biex tiġi mmonitorjata l-konverġenza jew id-diverġenza ekonomika fl-Unjoni Ewropea (UE).

Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ komponenti speċifiċi tal-PDG u l-indikaturi relatati, bħal dawk għall-output ekonomiku, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, il-konsum jew l-investimenti domestiċi (privati u pubbliċi) , kif ukoll data dwar id-distribuzzjoni tal-introjtu u t-tfaddil, jistgħu jipprovdu għarfien utli dwar il-muturi ewlenin tal-attività ekonomika u għalhekk ikunu l-bażi għat-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politiki speċifiċi tal-UE.

Artiklu sħiħ

Żviluppi għall-PDG fl-EU-28: tkabbir mill-2013

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija wasslet għal reċessjoni severa fl-EU-28 fl-2009 (ara l-Illustrazzjoni 1), segwita minn irkupru fl-2010. Il-kriżi bdiet qabel fil-Ġappun u fl-Istati Uniti, b’rati annwali negattivi ta' bidla fil-PDG (f’termini reali) irreġistrati diġà fl-2008, li ggravaw fl-2009, qabel reġgħu lura fl-2010. B’kuntrast, l-output ekonomiku fiċ-Ċina baqa’ jikber b’pass relattivament mgħaġġel matul il-kriżi (kważi 10 % kull sena), u naqas xi ftit fis-snin ta’ wara, iżda baqa’ konsiderevolment ogħla mill-ekonomiji l-oħra murija fl-Illustrazzjoni 1.

Il-kriżi diġà kienet tidher fl-EU-28 fl-2008, meta kien hemm tnaqqis konsiderevoli fir-rata ta’ żieda għall-PDG li kien segwit minn tnaqqis fil-PDG reali ta’ 4.3 % fl-2009. L-irkupru fl-EU-28 ra l-indiċi tal-PDG (ibbażat fuq volumi inkatenati) jiżdied bi 2.1 % fl-2010 u kien hemm żieda oħra ta’ 1.7 % fl-2011. Sussegwentement, il-PDG naqas b’0.4 % fl-2012, qabel ma ġew irreġistrati rati ta’ tibdil dejjem aktar pożittivi fl-2013 (0.3 %), l-2014 (1.8 %) u l-2015 (2.3 %). Mill-2015 ‘il quddiem, it-tkabbir kien relattivament stabbli, bejn 2.0 % u 2.5 % kull sena sal-2018.

Fiż-żona tal-euro (EA-19), ir-rati korrispondenti ta’ tibdil kienu simili ħafna għal dawk fl-EU-28 sal-2011, filwaqt li r-reċessjoni fl-2012 kienet akbar (-0.9 %) milli fil-EU-28 u din ġiet sostnuta fl-2013 (-0.2 %). Matul il-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2018, it-tkabbir fil-PDG reali fiż-żona tal-euro kien xi ftit aktar dgħajjef minn dak fl-EU-28 kollha kemm hi.

Illustrazzjoni 1: Rata ta’ bidla fil-PDG reali, 2008-2018
(% tibdil imqabbel mas-sena ta’ qabel)
Sors: Eurostat (naida_10_gdp)

Fl-UE, it-tkabbir tal-PDG reali varja b’mod konsiderevoli, kemm tul iż-żmien kif ukoll bejn l-Istati Membri tal-UE (ara Tabella 1). Wara reċessjoni fl-Istati Membri kollha ħlief fil-Polonja fl-2009, it-tkabbir ekonomiku reġa’ lura fi 23 Stat Membru fl-2010 (u l-PDG ma nbidilx fi Spanja), filwaqt li fl-2011 ġie rreġistrat tkabbir f’24 Stat Membru. Madanakollu, fl-2012 dan l-iżvilupp inbidel, hekk kif nofs (14) l-Istati Membri rrapportaw espansjoni ekonomika, filwaqt li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-livell tal-attività ekonomika fil-Bulgarija u l-output naqas fil-bqija tal-Istati Membri. Wara dan, il-maġġoranza tal-Istati Membri reġgħu rreġistraw tkabbir, bin-numru ta' pajjiżi li rreġistraw rata ta’ tibdil pożittiva jilħaq 17-il Stat Membru fl-2013 u jogħla għal 25 fl-2014 u 27 fl-2015 u fl-2016, filwaqt li t-28 Stat Membru kollha rreġistraw rata ta’ tibdil pożittiva fl-2017 (l-ewwel darba li seħħ dan mill-2007 ’l hawn) u fl-2018. L-uniku Stat Membru b’rata ta’ tibdil negattiva fl-2015 u l-2016 kien il-Greċja, li rreġistra tnaqqis ta’ 0.4 % u 0.2 % wara tkabbir ta’ 0.7 % fl-2014 u sitt tnaqqisiet wara xulxin fl-output ekonomiku tul is-snin mill-2008 sal-2013.

Tabella 1: Rata ta’ bidla fil-PDG reali, 2008-2018
Sors: Eurostat (naida_10_gdp)

L-ogħla rati ta’ tkabbir annwali għall-PDG reali fl-2018 ġew irreġistrati fl-Irlanda (8.2 %) u f’Malta (6.7 %), filwaqt li l-aktar rati baxxi ta’ tibdil kienu rreġistrati fil-Finlandja, fi Franza (it-tnejn 1.7 %), fid-Danimarka (1.5 %), fil-Ġermanja, fir-Renju Unit, fil-Belġju (kollha 1.4 %) u fl-Italja (0.9 %).

It-tkabbir annwali medju tal-PDG kien inqas minn 1.0 % matul l-aħħar għaxar snin fl-EU-28 u 0.8 % fiż-żona tal-euro

Il-Polonja konsistentement irreġistrat rati pożittivi ta’ tibdil matul il-perjodu muri fit-Tabella 1, kif għamlu l-Albanija, il-Kosovo [1] (data mill-2008 sal-2017) u ċ-Ċina (data mill-2008 sal-2016) fost il-pajjiżi murija fit-tabella li mhumiex membri. Għad-disa’ darba konsekuttiva, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Litwanja, Malta, is-Slovakkja u r-Renju Unit irreġistraw rata annwali ta’ tibdil pożittiva fl-2018; dan kien ukoll il-każ fin-Norveġja, fl-Iżvizzera u fl-Istati Uniti, filwaqt li t-Turkija rreġistrat it-tmien rata ta’ tibdil annwali pożittiva konsekuttiva fl-2017.

L-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija naqqsu l-prestazzjoni ġenerali tal-ekonomiji tal-Istati Membri tal-UE meta jiġu analizzati żviluppi matul dawn l-aħħar għaxar snin. Ir-rati ta’ tkabbir annwali medji tal-EU-28 u ż-żona tal-euro (EA-19) bejn l-2008 u l-2018 kienu ta’ 1.0 % u 0.8 % rispettivament (ara it-Tabella 1). L-ogħla tkabbir fost l-Istati Membri, skont dan il-kejl, ġie rreġistrat fl-Irlanda (tkabbir annwali medju ta’ 5.0 %), segwita minn Malta (4.8 %) u l-Polonja (3.4 %). B’kuntrast, l-iżvilupp globali tal-PDG reali kien negattiv matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2018 fil-Greċja, l-Italja, u l-Kroazja.

Fl-2018, il-Ġermanja kienet responsabbli għal madwar 20 % tal-PDG tal-EU-28 f’termini ta’ PPS

Il-paraguni bejn pajjiż u ieħor ħafna drabi jsiru permezz ta’ standards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS) li jaġġustaw il-valuri biex jikkunsidraw id-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet bejn il-pajjiżi. Kun af li d-data murija fl-Illustrazzjonijiet 2 u 3 u fit-Tabella 2 hija fi prezzijiet kurrenti u m’għandhiex tintuża għall-kalkolu tar-rati tat-tibdil minħabba l-inflazzjoni u l-fluttwazzjoni fir-rata tal-kambju.

Fl-2018, il-PDG fl-EU-28 laħaq il-15.9 triljun f’PPS (15 900 biljun f’PPS) — kun af li għall-EU-28, PPS wieħed huwa ugwali għal euro; Intant, il-PDG tal-EU-28 f’PPS baqa’ ‘l quddiem minn dak għall-Istati Uniti matul kull sena tal-perjodu mill-2008 sal-2018 (kif jidher fl-Illustrazzjoni 2) [2]. Ta’ min jinnota li ċ-Ċina storikament kellha livell ta’ output ekonomiku aktar baxx mill-EU-28 jew l-Istati Uniti, iżda din is-sitwazzjoni nbidlet bit-trasformazzjoni rapida u l-espansjoni kontinwa tal-ekonomija Ċiniża. Fl-2013, il-PDG taċ-Ċina għall-ewwel darba kien laħaq il-livell irreġistrat fl-Istati Uniti u fl-2015 l-output ekonomiku taċ-Ċina laħaq livell li kien ogħla minn dak irreġistrat fl-EU-28 (sitwazzjoni li ġiet sostnuta fiċ-Ċina sal-lum).

Illustrazzjoni 2: PDG fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2008-2018
(PPS f’biljuni)
Sors: Eurostat (prc_ppp_ind)

Iż-żona tal-euro tirrappreżenta 70.5 % tal-PDG tal-EU-28 fl-2018 (meta mkejjel f’termini tal-PPS), tnaqqis minn 72.2 % fl-2008. Fl-2018, it-total tal-ħames l-akbar ekonomiji fost l-Istati Membri tal-UE (il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Italja u Spanja) jirrappreżenta ftit inqas minn żewġ terzi (66.4 %) tal-PDG tal-EU-28, li kien 1.5 punti perċentwali inqas mis-sehem tagħhom għaxar snin qabel (fl-2008). Il-Ġermanja waħedha tirrappreżenta 19.9 % tal-PDG tal-EU-28 fl-2018, żieda minn 18.9 % fl-2008.

Fl-2018, il-PDG per capita kien ta’ medja ta’ EUR 30 900 fost l-EU-28

Sabiex jiġu evalwati l-istandards tal-għajxien, spiss jintuża l-PDG per capita, jiġifieri, aġġustat skont id-daqs ta’ ekonomija f’termini tal-popolazzjoni tagħha. Fl-2018, il-PDG per capita medju għall-EU-28 (f’termini ta’ prezzijiet kurrenti) kien ta’ EUR 30.9 elf. Il-valuri espressi fil-PPS ġew aġġustati għad-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet fost il-pajjiżi. Il-pożizzjoni relattiva tal-pajjiżi individwali tista’ tiġi espressa permezz ta’ paragun mal-medja tal-EU-28, b’din li se tkun issettjata għal 100 (ara n-naħa tal-lemin tat-Tabella 2). Ibbażat fuq dan il-kejl, l-ogħla valur fost l-Istati Membri tal-UE ġie rreġistrat fil-Lussemburgu, fejn il-PDG per capita f’termini ta’ PPS kien madwar 2.5 drabi ogħla mill-medja tal-EU-28 fl-2018 (ħaġa li hi parzjalment spjegata mill-importanza tal-ħaddiema transfruntiera mill-Belġju, Franza u l-Ġermanja). Min-naħa l-oħra, il-PDG per capita f’termini ta’ PPS kien inqas minn nofs il-medja tal-EU-28 fil-Bulgarija.

Tabella 2: PDG fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2008 u 2016-2018
Sors: Eurostat (prc_ppp_ind)

L-iżvilupp taċ-ċifri ta’ PPS matul l-aħħar għaxar snin jissuġġerixxi li saret xi konverġenza fi standards tal-għajxien. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004, l-2007 jew l-2013 avvanzaw minn pożizzjoni aktar baxxa mill-medja tal-EU-28 fl-2008 għal waħda eqreb tal-medja tal-EU-28 fl-2018, minkejja xi ostakli mhux mistennija matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija. Il-Kroazja, is-Slovenja u Ċipru kienu eċċezzjonijiet: Il-Kroazja baqgħet l-istess distanza mill-medja tal-EU-28 matul dan il-perjodu; Is-Slovenja kompliet taħt il-medja tal-EU-28 (kif għamlu l-Greċja u l-Portugall fost l-Istati Membri tal-UE-15) — ara l-Illustrazzjoni 3; u ċ-Ċipru mxiet minn pożizzjoni ogħla mill-medja tal-EU-28 għal pożizzjoni taħt l-istess medja (u l-istess għamlu l-Italja u Spanja fost l-Istati Membri tal-UE-15). Filwaqt li l-Irlanda, il-Ġermanja, l-Awstrija, id-Danimarka u l-Belġju avvanzaw fuq il-medja tal-EU-28, meta tqabbel is-sitwazzjoni fl-2018 ma’ dik fl-2008, diversi Stati Membri tal-UE-15 oħra — in-Netherlands, il-Finlandja, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit, l-Iżvezja u Franza — niżlu minn pożizzjoni ogħla mill-medja tal-EU-28 fl-2008 għal waħda eqreb (iżda xorta ogħla) tal-medja tal-EU-28 fl-2018.

Illustrazzjoni 3: PDG per capita fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2008 u 2018
(EU-28 = 100; ibbażat fuq PPS per capita)
Sors: Eurostat (prc_ppp_ind)

Valur miżjud gross fl-UE skont l-attività ekonomika

Madwar tliet kwarti tal-valur miżjud totali tal-EU-28 fl-2018 kien iġġenerat fis-settur tas-servizzi

Meta wieħed iħares lejn il-PDG mill-perspettiva tal-output, it-Tabella 3 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-importanza relattiva ta’ 10 attivitajiet ekonomiċi (kif imkejla minn NACE Rev. 2) f’termini tal-kontribut tagħhom għall-valur miżjud gross totali fi prezzijiet bażiċi kurrenti. Bejn l-2008 u l-2018, is-sehem tal-industrija tal-valur miżjud tal-EU-28 naqas b’0.3 punti perċentwali għal 19.5 %, għalkemm baqa’ ftit akbar min-negozji ta’ distribuzzjoni, trasport, servizzi ta’ akkomodazzjoni u ikel, li s-sehem tagħhom tal-valur miżjud gross totali kien identiku fl-2008 u fl-2018 (19.1 %). B’kuntrast, l-amministrazzjoni pubblika, l-edukazzjoni u s-saħħa raw is-sehem tagħhom tal-valur miżjud totali jiżdied b’0.4 punti perċentwali biex jilħaq 18.5 % fl-2018. L-akbar attivitajiet li jmiss fl-2018 (kif imkejla mill-valur miżjud gross) kienu servizzi professjonali, xjentifiċi, tekniċi, amministrattivi u ta’ appoġġ — minn hawn ‘il quddiem, servizzi għan-negozji — (11.2 %; li s-sehem tagħhom żdied b’0.9 punti bejn l-2008 u l-2018), l-attivitajiet immobiljari (11.1 %; tnaqqis ta’ 0.1 punti), segwiti mill-kostruzzjoni (5.6 %; tnaqqis ta’ 0.8 punti), servizzi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni (5.1 %; żieda ta’ 0.2 punti) u s-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni (4.8 %; tnaqqis ta’ 0.4 punti). L-iżgħar kontribuzzjonijiet ġew mill-arti, id-divertiment u servizzi oħra (3.4 %; l-ebda tibdil) u l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd (1.6 %; tnaqqis ta’ 0.1 punti).

Tabella 3: Valur miżjud gross fi prezzijiet bażiċi, 2008 u 2018
(% sehem tal-valur miżjud gross totali)
Sors: Eurostat (nama_10_a10)

Is-servizzi kkontribwixxew 73.2 % tal-valur miżjud gross totali tal-EU-28 fl-2018 imqabbla ma’ 72.2 % fl-2008. L-importanza relattiva tas-servizzi kienet partikolarment għolja fil-Lussemburgu, f'Malta, f'Ċipru, fi Franza, fir-Renju Unit, fil-Greċja, fin-Netherlands, fil-Belġju, fil-Portugall u fid-Danimarka li jirrappreżentaw aktar minn tliet kwarti tal-valur miżjud totali. B’kuntrast għal dan, is-sehem tas-servizzi kien qrib tlieta minn ħamsa fl-Irlanda, is-Slovakkja u ċ-Ċekja (li kollha kemm huma rreġistraw ishma relattivament għoljin għall-industrija).

Żviluppi diverġenti ta’ attivitajiet ekonomiċi matul l-aħħar deċenju

It-tibdil strutturali huwa, tal-inqas parzjalment, riżultat ta’ fenomeni bħal tibdil teknoloġiku, żviluppi fil-prezzijiet relattivi, esternalizzazzjoni u globalizzazzjoni, li spiss iwasslu biex attivitajiet ta’ manifattura u xi servizzi (dawk li jistgħu jiġu pprovduti b’mod remot, bħal online jew permezz ta’ ċentri telefoniċi) jiġu rilokati għal reġjuni b’kost lavorattiv irħas, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Barra minn hekk, diversi attivitajiet kienu affettwati b’mod partikolari mill-kriżi finanzjarja u minn ekonomika dinjija u l-effetti li segwewha. L-industrija esperjenzat l-agħar reċessjoni — il-valur miżjud tal-EU-28 naqas b’11.4 % f’termini ta’ volum — bejn l-2008 u l-2009 (fejn diġà kien naqas ftit bejn l-2007 u l-2008) . L-output industrijali tal-EU-28 naqas bi 2.3 % oħra bejn l-2011 u l-2013, qabel ma kiber b’pass relattivament mgħaġġel fl-erba’ snin ta’ wara (b’żidiet annwali ta’ bejn 2.5 % u 3.1 %) u b’pass aktar moderat (1.8 %) fl-2018. Il-kostruzzjoni esperjenzat l-agħar u l-itwal reċessjoni, bl-output naqas bi 18.1 % fl-EU-28 bejn l-2008 u l-2013 (fejn diġà kien naqas fl-2008), bl-output li naqas kull sena matul dan il-perjodu: intant, iż-żieda ta’ 1.3 % irreġistrata għall-kostruzzjoni fl-2014 kienet l-ewwel tkabbir annwali f’seba’ snin u din ġiet segwita minn tkabbir ta’ bejn 1.6 % u 4.2 % fl-2018. Is-servizzi tan-negozji kif ukoll negozji ta’ distribuzzjoni, trasport, servizzi ta’ akkomodazzjoni u ikel ukoll esperjenzaw tnaqqis relattivament kbir fil-valur tal-EU-28 miżjud fl-2009, tnaqqis ta’ 7.0 % u 5.8 % rispettivament, iżda wara rreġistraw rati annwali ta’ tibdil pożittivi kull sena sal-2018 (bl-eċċezzjoni ta’ tnaqqis żgħir ta’ 0.1 % għan-negozji ta’ distribuzzjoni, trasport, servizzi ta’ akkomodazzjoni u ikel fl-2013). Wara stabbiltà relattiva (l-ebda tibdil) fl-2009, l-output mill-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd fl-EU-28 naqas bi 3.9 % fl-2010 u reġa’ naqas fl-2012 b’5.5 %; wara t-tkabbir ta’ 3.8 % fl-2013 u 6.1 % fl-2014, l-output mill-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd naqas b’0.9 % fl-2015 u reġa’ naqas fl-2016 qabel ma reġa’ żdied fl-2017 (żieda ta’ 2.1 %) u l-2018 (żieda ta’ 0.6 %). Tnejn mill-attivitajiet ippreżentati fl-Illustrazzjonijiet 4 u 5 ma rreġistrawx tnaqqis annwali fil-valur miżjud fl-ebda sena matul il-perjodu kkonċernat; attivitajiet immobiljari; amministrazzjoni pubblika, difiża, edukazzjoni, is-saħħa tal-bnedmin u attivitajiet ta’ assistenza soċjali. Huwa interessanti li wieħed jinnota li minkejja l-valur miżjud għall-attivitajiet immobiljari tal-EU-28 li kull sena żdied matul il-perjodu kkunsidrat (għalkemm b’pass relattivament dgħajjef), is-sehem globali tal-attivitajiet immobiljari fil-valur miżjud gross totali naqas bi ftit.

Fl-2018, l-attivitajiet kollha flu-EU-28 irrapportaw tkabbir fil-valur miżjud gross tagħhom meta mqabbel mal-2017. L-attivitajiet bl-akbar tkabbir kienu attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni (4.7 %), il-kostruzzjoni (3.6 %) u s-servizzi tan-negozji (3.3 %).

Illustrazzjoni 4: Żviluppi għall-valur miżjud gross reali, EU-28, 2008-2018
(2010 = 100)
Sors: Eurostat (nama_10_a10)


Illustrazzjoni 5: Żviluppi għall-valur miżjud gross reali, EU-28, 2008-2018
(2010 = 100)
Sors: Eurostat (nama_10_a10)

Produttività lavorattiva

Sabiex jiġu eliminati l-effetti tal-inflazzjoni, il-produttività lavorattiva għal kull persuna impjegata tista’ tiġi kkalkolata permezz ta’ data aġġustata għal tibdil fil-prezzijiet. Analiżi tal-produttività lavorattiva għal kull persuna impjegata f’termini reali (ibbażata fuq tibdil f’volumi inkatenati) matul il-perjodu ta’ 10 snin mill-2008 sal-2018 turi żidiet għall-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ekonomiċi fl-EU-28, bl-akbar żidiet fil-produttività rreġistrati għall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd (żieda globali ta’ 28.0 %), is-servizzi ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni (17.5 %) u l-industrija (16.3 %) — ara Illustrazzjoni 6. Kun af li paragun preċiż tal-livelli tal-produttività lavorattiva f’termini reali bejn l-attivitajiet jista’ jiġi analizzat biss għas-sena ta’ referenza 2010 minħabba n-nonaddittività tal-volumi inkatenati.

Illustrazzjoni 6: Produttività lavorattiva reali, EU-28, 2008, 2013 u 2018
(elf EUR kull persuna impjegata)
Sors: Eurostat (nama_10_a10) u (nama_10_a10e)

Aktar data dwar l-iżvilupp tal-produttività lavorattiva reali mkejla jew għal kull persuna impjegata jew għal kull siegħa xogħol tidher fit-Tabella 4. Il-produttività lavorattiva għal kull persuna impjegata żdiedet, f’termini reali, bejn l-2008 u l-2018 fi kważi kull Stat Membru tal-UE, bil-Finlandja, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Greċja li jirreġistraw tnaqqis (m’hemm l-ebda data disponibbli għal Malta). Matul l-istess perjodu, il-produttività lavorattiva għal kull siegħa xogħol żdiedet fl-Istati Membri tal-UE kollha ħlief għal-Lussemburgu u l-Greċja (għal darb’oħra, m’hemm l-ebda data disponibbli għal Malta). Jekk inħallu dawk l-Istati Membri f’interruzzjoni fis-serje (ara t-Tabella 4), l-akbar żidiet (f’termini perċentwali) għal dawn iż-żewġ miżuri tal-produttività lavorattiva reali ġew irreġistrati fil-Bulgarija, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja.

Tabella 4: Produttività lavorattiva reali, 2008, 2013 u 2018
Sors: Eurostat (nama_10_gdp) u (nama_10_a10_e)

Nefqa fuq il-konsum

Jekk induru għal analiżi tal-iżvilupp tal-komponenti tal-PDG mill-perspettiva tan-nefqa, naraw li n-nefqa fuq il-konsum finali madwar l-EU-28 żdiedet b’8.8 % f’termini ta’ volum bejn l-2008 u l-2018 (ara l-Illustrazzjoni 7), minkejja tnaqqis żgħir fl-2009 u l-2012. In-nefqa fuq il-konsum finali tal-gvern estiż żdiedet b’pass kemmxejn aktar mgħaġġel, b’żieda ta’ 9.8 % bejn l-2008 u l-2018. Matul l-istess perjodu, il-formazzjoni ta’ kapital gross kienet relattivament volatili: naqset b’pass mgħaġġel fl-2009, filwaqt li bejn l-2010 u l-2013 varjat, qabel qabdet tirpilja sal-2018. It-tkabbir fl-esportazzjonijiet qabeż it-tkabbir fl-importazzjonijiet fil-maġġoranza tas-snin, bl-eċċezzjonijiet ikunu l-2009 u l-2014-2016; matul il-perjodu 2008-2018 l-esportazzjonijiet żdiedu b’total ta’ 36.3 % filwaqt li l-importazzjonijiet żdiedu b’30.1 %.

Illustrazzjoni 7: Żviluppi fin-nefqa fuq il-konsum reali, il-formazzjoni ta’ kapital gross, l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet, EU-28, 2008-2018
(2010 = 100)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp)

Wara t-tnaqqis sew tagħha fl-2009, in-nefqa fuq il-konsum tal-EU-28 mill-unitajiet domestiċi u istituzzjonijiet mhux għall-profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi (NPISH) irkuprat fl-2010 (żieda ta’ 0.8 % f’termini ta’ volum) u mbagħad ma rrapportat l-ebda bidla fl-2011 (0.0 %), qabel ma reġgħet naqset fl-2012 (-0.6 %) u fl-2013 (-0.1 %). Minn hemm ’il quddiem, din in-nefqa żdiedet għal ħames snin konsekuttivi, b’żidiet li inizjalment aċċelleraw minn 1.2 % għal 2.4 % qabel tnaqqis fil-pass għal 1.6 %.

Fl-2010, il-pass tat-tkabbir għan-nefqa tal-gvern estiż tal-EU-28 naqas f’termini tal-volum u din ir-rata ta’ tibdil baqgħet relattivament stabbli (fil-medda ta’ -0.1 % sa 0.4 %) bejn l-2011 u l-2013, qabel irritornat għal tkabbir kemmxejn aktar b’saħħtu wara (bejn 1.0 % u 1.7 %) mill-2014 u sal-2018.

Investiment

Minkejja żieda fl-2011 (1.9 %), il-formazzjoni ta’ kapital fiss gross tal-EU-28 naqset milli tirkupra b’mod sħiħ mit-tnaqqis qawwi tagħha fl-2009 (-11.7 %) u reġgħet lura għal rata ta’ tibdil negattiva fl-2012 u l-2013; madanakollu, il-formazzjoni ta’ kapital fiss gross fl-EU-28 żdiedet matul il-perjodu 2014-2018, b’żieda kull sena fil-medda ta’ 2.3 % sa 4.9 %.

Illustrazzjoni 8: Rata annwali reali ta’ tibdil f’komponenti tan-nefqa tal-PDG, EU-28, 2008-2018
(%)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp)

F’termini ta’ prezzijiet kurrenti, in-nefqa fuq il-konsum mill-unitajiet domestiċi u istituzzjonijiet mhux għall-profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi kkontribwixxiet għal 55.4 % tal-PDG tal-EU-28 fl-2018, filwaqt li s-sehem tal-formazzjoni ta’ kapital gross kien 21.1 % u dak tan-nefqa tal-gvern estiż kien 20.1 %, filwaqt li l-bilanċ estern tal-prodotti u s-servizzi kien 3.4 % (ara Illustrazzjoni 9).

Illustrazzjoni 9: Komponenti tan-nefqa tal-PDG fi prezzijiet kurrenti tas-suq, EU-28, 2018
(% sehem tal-PDG)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp), (tec00009), (tec00010), (tec00011) u (tec00110)

Fost l-Istati Membri tal-UE, kien hemm varjazzjoni kbira fl-intensità tal-investiment (ara l-Illustrazzjoni 10) u dan jista’ jirrifletti parzjalment l-istadji differenti tal-iżvilupp ekonomiku kif ukoll id-dinamiċi tat-tkabbir matul dawn l-aħħar snin. Fl-2018, il-formazzjoni ta' kapital fiss gross (fi prezzijiet kurrenti) bħala sehem tal-PDG kienet ta’ 20.5 % fl-EU-28 u 20.9 % fiż-żona tal-euro. Din kienet l-ogħla fiċ-Ċekja, fl-Ungerija u fl-Iżvezja (kollha 25.5 %) u l-aktar baxxa fil-Greċja (11.1 %).

Illustrazzjoni 10: Formazzjoni ta’ kapital fiss gross fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2018
(% sehem tal-PDG)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp)

Il-maġġoranza vasta tal-investiment fl-EU-28 saret mis-settur privat, kif jidher fit-Tabella 5: fl-2018, l-investiment min-negozji u l-unitajiet domestiċi jirrappreżenta 18.1 % tal-PDG tal-EU-28, filwaqt li l-figura ekwivalenti għall-investiment tas-settur pubbliku kienet 2.9 %. F’termini relattivi, l-Estonja (5.4 %; data tal-2017) u l-Iżvezja (4.8 %) kellhom l-ogħla investiment pubbliku, filwaqt li l-investiment mis-settur tan-negozji kien l-ogħla fl-Irlanda (19.7 %; data tal-2017), l-Iżvezja (17.4 %) u ċ-Ċekja (16.7 %; data tal-2017) u skont l-unitajiet domestiċi kienet l-ogħla f’Ċipru (6.8 %; data tal-2017) u l-Finlandja (6.7 %). L-investiment mill-unitajiet domestiċi (bħala sehem tal-PDG) fl-2017 kien ferm aktar baxx mill-2008 fil-Greċja, l-Irlanda, Ċipru, Spanja, u l-Latvja, filwaqt li kien ferm ogħla fil-Bulgarija (2016 meta mqabbel ma’ 2008); ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Iżvezja u l-Litwanja kienu l-uniċi Stati Membri oħra tal-UE li jirrappurtaw żieda fis-sehem tagħhom ta’ investiment tal-unitajiet domestiċi fil-PDG bejn l-2008 u l-2017 (2018 għall-Finlandja u l-Iżvezja).

Tabella 5: Investiment fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2008, 2013 u 2018
(% sehem tal-GDP)
Sors: Eurostat (nasa_10_ki)

Introjtu

Analiżi tal-PDG fl-EU-28 mill-perspettiva tal-introjtu turi li d-distribuzzjoni bejn il-fatturi tal-produzzjoni tal-introjtu li jirriżultaw mill-proċess tal-produzzjoni kien iddominat mill-kumpens tal-impjegati, li jirrappreżenta 47.6 % tal-PDG fi prezzijiet kurrenti tas-suq fl-2018. Is-sehem tas-surplus operatorju gross u l-introjtu mħallat kien ta’ 40.5 % tal-PDG, filwaqt li dak tat-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet nieqes is-sussidji kien ta’ 11.9 % (ara l-Illustrazzjoni 11). L-Irlanda kellha l-aktar sehem baxx mill-kumpens tal-impjegati fil-PDG (28.8 %), segwita mill-Greċja (33.4 %), filwaqt li ishma ta’ aktar minn 50.0 % ġew irreġistrati fil-Lussemburgu, il-Ġermanja, Franza u d-Danimarka (fejn is-sehem laħaq l-ogħla livell b’52.4 %). Fil-każ tal-Irlanda dan is-sehem partikolarment baxx huwa konsegwenza ta’ effetti relatati mal-globalizzazzjoni.

Illustrazzjoni 11: Distribuzzjoni tal-introjtu fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2018
(% sehem tal-PDG)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp)

Illustrazzjoni 12 (li hija wkoll ibbażata fuq data fi prezzijiet kurrenti tas-suq) turi li sal-2011 jew l-2013, l-aggregati tal-introjtu kienu rkupraw mit-telfiet li kienu esperjenzaw matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika. Fl-2009, il-kumpens tal-impjegati fl-EU-28 naqas bi 2.8 %, iżda sal-2018 kien 23.0 % ogħla mil-livell korrispondenti rreġistrat fl-2008.

Għas-surplus operatorju gross u l-introjtu mħallat, diġà kien hemm biss tkabbir limitat madwar l-EU-28 fl-2008, segwit minn tnaqqis ta’ 8.2 % fl-2009; sal-2013 dan l-aggregat tal-introjtu kien irritorna għal livell simili tal-ogħla punt qabel il-kriżi (fl-2008) u sal-2018 kien 17.6 % ogħla minn dak il-livell.

It-tnaqqis fit-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet nieqes is-sussidji fl-EU-28 kien diġà beda fl-2008 (-3.1 %) u aċċellera fl-2009 (-9.2 %); sal-2011 dan it-telf kien ġie rkuprat u iżjed u fl-2018 dan l-aggregat tal-introjtu kien 29.0 % ogħla mil-livell tal-2008 tiegħu (u 25.1 % mill-ogħla punt tiegħu qabel il-kriżi fl-2007).

Illustrazzjoni 12: Żvilupp tal-introjtu fi prezzijiet kurrenti tas-suq, EU-28, 2008-2018
(2008 = 100)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp)

Konsum tal-unitajiet domestiċi

In-nefqa fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi tirrappreżenta tal-inqas nofs il-PDG (fi prezzijiet kurrenti tas-suq) fl-2018 fi 17 mit-28 Stat Membru tal-UE;; dan is-sehem kien l-ogħla f’Ċipru (66.5 %) u fil-Greċja (65.3 %). B’kuntrast, dan kien l-inqas fil-Lussemburgu (28.7 %), li, minkejja dan, kellu l-ogħla nefqa medja fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi per capita (PPS 22 600) — ara Tabella 6 — anke wara l-aġġustament għal differenzi fil-livell tal-prezzijiet bejn l-Istati Membri.

Tabella 6: Nefqa fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi, 2008, 2013 u 2018
Sors: Eurostat (nama_10_gdp) u (nama_10_pc)

Minbarra l-Lussemburgu, in-nefqa medja fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi per capita f’termini ta’ PPS kienet ukoll relattivament għolja fl-2018 fir-Renju Unit (PPS 20 400), fl-Awstrija (PPS 19 500) u fil-Ġermanja (PPS 19 300). B’kuntrast, il-Bulgarija kienet l-uniku Stat Membru tal-UE li rrapporta nefqa fuq il-konsum per capita medja tal-unitajiet domestiċi li kienet inqas minn PPS 10 000.

Analiżi tal-iżviluppi reali fin-nefqa fuq il-konsum per capita medja f’termini ta’ euro (ibbażata fuq indiċi ta’ volumi inkatenati) matul il-perjodu 2013-2018 uriet li l-aktar tkabbir mgħaġġel kien irreġistrat fir-Rumanija, fil-Litwanja, fil-Bulgarija u fl-Ungerija. L-Awstrija rreġistrat l-inqas żieda fin-nefqa fuq il-konsum per capita tal-unitajiet domestiċi , żieda b’medja ta’ 0.1 % kull sena matul il-perjodu mill-2013 sal-2018, filwaqt li żidiet li jilħqu medja ta’ inqas minn 1.0 % kull sena kienu rreġistrati wkoll fil-Belġju, fil-Lussemburgu, fi Franza u fil-Greċja.

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

Is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali (ESA) tipprovdi l-metodoloġija għall-kontijiet nazzjonali fl-UE. Il-verżjoni attwali, ESA 2010 (bl-Ingliż), ġiet adottata f’Mejju 2013 u implimentata minn Settembru 2014. Hija konsistenti bis-sħiħ mal-linji gwida dinjija għall-kontijiet nazzjonali, l-SNA tal-2008 (bl-Ingliż). Jekk jogħġbok kun af li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jwettqu reviżjonijiet tal-valuri referenzjarji bejn Awwissu u Ottubru tal-2019. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ikkonsulta is-sit web tal-Eurostat b’mod partikolari dan id-dokument.

Il-PDG u l-komponenti ewlenin

L-aggregati ewlenin tal-kontijiet nazzjonali huma kkompilati minn unitajiet istituzzjonali, prinċipalment minn korporazzjonijiet finanzjarji u nonfinanzjarji, gvern estiż, unitajiet domestiċi, u istituzzjonijiet mhux għall-profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi (NPISH).

Id-data fid-dominju tal-kontijiet nazzjonali tinkludi informazzjoni dwar il-komponenti tal-PDG, l-impjieg, aggregati tal-konsum finali u tfaddil. Ħafna minn dawn il-varjabbli huma kkalkolati fuq bażi annwali u trimestrali.

Il-PDG huwa l-kejl ċentrali tal-kontijiet nazzjonali, li jiġbor fil-qosor il-pożizzjoni ekonomika ta’ pajjiż (jew reġjun). Dan jista’ jiġi kkalkolat b’approċċi differenti: l-approċċ tal-output; l-approċċ tan-nefqa; u l-approċċ tal-introjtu.

Analiżi tal-PDG per capita tneħħi l-influwenza tad-daqs assolut tal-popolazzjoni, biex b’hekk tiffaċilita l-paraguni bejn pajjiżi differenti. Il-PDG per capita huwa indikatur ekonomiku wiesa’ tal-istandards tal-għajxien. Id-data tal-PDG f’muniti nazzjonali tista’ tinqaleb għal standards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS) billi jintużaw paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist (PPPs) li jirriflettu l-kapaċità tal-akkwist ta’ kull munita, minflok jintużaw ir-rati tal-kambju tas-suq; b’dan il-mod id-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet bejn il-pajjiżi jiġu eliminati. L-indiċi tal-volum tal-PDG per capita f’PPS huwa espress f’relazzjoni mal-medja tal-EU-28 (issettjata għal 100). Jekk l-indiċi ta’ pajjiż ikun ogħla/anqas minn 100, il-livell tal-PDG per capita ta’ dak il-pajjiż ikun ogħla/anqas mill-medja tal-EU-28; dan l-indiċi huwa intenzjonat għal paraguni bejn il-pajjiżi iktar milli paraguni matul iż-żmien.

Il-kalkolu tar-rata annwali ta’ tkabbir tal-PDG bl-użu ta’ indiċi ta’ volumi inkatenati (bidliet reali) huwa intenzjonat sabiex jippermetti paraguni tad-dinamiċi tal-iżvilupp ekonomiku kemm matul iż-żmien kif ukoll bejn ekonomiji ta’ daqsijiet differenti, irrispettivament mil-livelli tal-prezzijiet.

Data komplimentari

L-output ekonomiku jista’ jiġi analizzat ukoll skont l-attività: Fil-livell l-iżjed aggregat tal-analiżi użata għall-kontijiet nazzjonali, huma identifikati 10 intestaturi NACE: agrikoltura, forestrija u sajd; industrija; kostruzzjoni; negozji tad-distribuzzjoni, trasport, servizzi ta’ akkomodazzjoni u ikel; servizzi ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni; servizzi finanzjarji u assigurattivi; attivitajiet immobiljari; servizzi professjonali, xjentifiċi, tekniċi, amministrattivi u ta’ appoġġ; amministrazzjoni pubblika, difiża, edukazzjoni, saħħa tal-bnedmin u assistenza soċjali; arti, divertiment, rikreazzjoni, servizzi u attivitajiet oħra ta’ unitajiet domestiċi u organizzazzjonijiet u korpi estraterritorjali.

Analiżi tal-output skont l-attività matul iż-żmien tista’ tiġi ffaċilitata bl-użu ta’ miżura ta’ volum (bidla reali), fi kliem ieħor, bid-deflazzjoni tal-valur tal-output biex jitneħħa l-impatt ta’ bidliet fil-prezzijiet; kull attività hija deflata b’mod individwali biex tirrifletti l-bidliet fil-prezzijiet tal-prodotti assoċjati tagħha.

Sett ulterjuri ta’ data tal-kontijiet nazzjonali fil-kuntest ta’ analiżijiet tal-kompetittività, prinċipalment indikaturi li jirrelataw mal-produttività tal-forza ta-xogħol, bħal miżuri tal-produttività lavorattiva. Miżuri tal-produttività espressi f’PPS huma utli b’mod partikolari għal paraguni bejn il-pajjiżi. Il-PDG għal kull persuna impjegata huwa intenzjonat li jagħti impressjoni globali tal-produttività ta’ ekonomiji nazzjonali. Wieħed għandu jiftakar, madankollu, li dan il-kejl jiddependi fuq l-istruttura tal-impjieg totali u jista’, pereżempju, jitnaqqas bi qlib minn xogħol full-time għal xogħol part-time. Il-PDG għal kull siegħa xogħol jagħti stampa aktar ċara tal-produttività għax l-inċidenza ta’ impjieg part-time tvarja ħafna bejn il-pajjiżi u l-attivitajiet.

Informazzjoni annwali dwar in-nefqa tal-unitajiet domestiċi hija disponibbli minn kontijiet nazzjonali kkompilati permezz ta’ approċċ makroekonomiku. Sors alternattiv għall-analiżi tan-nefqa tal-unitajiet domestiċi huwa l-istħarriġ tal-baġit tal-unitajiet domestiċi (HBS): din l-informazzjoni tinkiseb billi l-unitajiet domestiċi jintalbu jżommu djarju tax-xirjiet tagħhom u hija ħafna aktar dettaljata fil-kopertura tagħha tal-oġġetti u s-servizzi kif ukoll fit-tipi ta’ analiżi soċjoekonomika li jsiru disponibbli. L-HBS jitwettaq u jiġi ppubblikat biss kull ħames snin: l-aħħar sena ta’ referenza li għaliha d-data hija attwalment disponibbli hija l-2015, għalkemm (fil-mument tal-kitba), id-data għadha mhix disponibbli għal tnejn mill-Istati Membri tal-UE (id-Danimarka u Franza).

Kuntest

L-istituzzjonijiet, il-gvernijiet, il-banek ċentrali kif ukoll korpi ekonomiċi u soċjali oħrajn Ewropej fis-settur pubbliku u dak privat għandhom bżonn sett ta’ statistiki kumparabbli u affidabbli fuq xiex jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Il-kontijiet nazzjonali jistgħu jintużaw għal diversi tipi ta’ analiżi u evalwazzjoni. L-użu ta’ kunċetti u definizzjonijiet aċċettati internazzjonalment jippermetti analiżi ta’ ekonomiji differenti, bħall-interdipendenzi bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri tal-UE, jew paragun bejn pajjiżi tal-UE u pajjiżi mhux membri.

Analiżi taċ-ċiklu konġunturali u l-politika makroekonomika

Wieħed mill-użi prinċipali tad-data tal-kontijiet nazzjonali jirrelata mal-bżonn li jiġu appoġġjati deċiżjonijiet dwar il-politika ekonomika Ewropea u l-ilħuq ta’ objettivi tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) bi statistiki ta’ terminu qasir ta’ kwalità għolja li jippermettu l-monitoraġġ ta’ żviluppi makroekonomiċi u d-derivazzjoni ta’ pariri dwar il-politika makroekonomika. Pereżempju, wieħed mill-użi bażiċi u dejjiem tal-kontijiet nazzjonali huwa l-kwantifikazzjoni tar-rata ta’ tkabbir ta’ ekonomija, f’termini sempliċi t-tkabbir tal-PDG. Ċifri ta’ qofol tal-kontijiet nazzjonali jintużaw b’mod partikolari biex jiġu żviluppati u mmonitorjati politiki makroekonomiċi, filwaqt li data dettaljata dwar il-kontijiet nazzjonali tista’ tintuża wkoll biex jiġu żviluppati politiki settorjali jew industrijali, b’mod partikolari permezz ta’ analiżi ta’ tabelli tal-input-output.

Mill-bidu tal-UEM fl-1999, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kien wieħed mill-utenti prinċipali tal-kontijiet nazzjonali. L-istrateġija tal-BĊE għall-valutazzjoni tar-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet hija bbażata fuq żewġ perspettivi analitiċi, magħrufa bħala ż-“żewġ pilastri”: analiżi ekonomika u analiżi monetarja. Għalhekk, jiġu evalwati numru kbir ta’ indikaturi monetarji u finanzjarji fir-rigward ta’ data rilevanti oħra li tippermetti l-kombinament ta’ analiżi monetarja, finanzjarja u ekonomika, pereżempju, aggregati kruċjali tal-kontijiet nazzjonali. B’dan il-mod indikaturi monetarji u finanzjarji jistgħu jiġi analizzati fil-kuntest tal-bqija tal-ekonomija.

id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jimmonitorja l-iżviluppi ekonomiċi. L-UE għandha ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika msejjaħ is-Semestru Ewropew. Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea twettaq analiżi dettaljata tal-pjanijiet ta’ riformi baġitarji, makroekonomiċi u strutturali tal-Istati Membri tal-UE u tipprovdilhom rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għat-12-18-il xahar ta’ wara.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jipproduċi wkoll il-previżjonijiet makroekonomiċi tal-Kummissjoni Ewropea erba’ darbiet fis-sena (fil-ħarifa, fix-xitwa, fir-rebbiegħa u fis-sajf), f’koordinazzjoni maċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew. Dawn il-previżjonijiet ikopru l-Istati Membri kollha tal-UE sabiex jiġu dderivati previżjonijiet għaż-żona tal-euro u l-UE, iżda jinkludu wkoll prospettivi għall-pajjiżi kandidati, kif ukoll xi pajjiżi li mhumiex membri.

L-analiżi tal-finanzi pubbliċi permezz tal-kontijiet nazzjonali hija użu ieħor stabbilit sew ta’ dawn l-istatistiki. Fl-UE ġiet żviluppata applikazzjoni speċifika fir-rigward tal-kriterji ta’ konverġenza għall-UEM, tnejn minnhom jirreferu direttament għall-finanzi pubbliċi. Dawn il-kriterji ġew iddefiniti f’termini ta’ ċifri ta’ kontijiet nazzjonali, prinċipalment, id-defiċit tal-gvern u d-dejn tal-gvern relattivi għall-PDG; ara l-artiklu dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern għal aktar informazzjoni.

Politiki reġjonali, strutturali u settorjali

Minbarra l-analiżi taċ-ċiklu konġunturali u l-analiżi tal-politika makroekonomika, hemm ukoll użi oħra relatati mal-politika tad-data tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali Ewropej, b’mod speċjali dik li tikkonċerna kwistjonijiet reġjonali, strutturali u settorjali.

L-allokazzjoni tan-nefqa għall-fondi strutturali hija parzjalment ibbażata fuq kontijiet reġjonali. Barra minn hekk, statistika reġjonali tintuża għal valutazzjoni ex post tar-riżultati tal-politika reġjonali u ta’ koeżjoni.

Li jinkoraġġixxu tkabbir, impjiegi u investiment hija prijorità strateġika kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri. B’appoġġ għal dawn il-prijoritajiet strateġiċi, il-politiki komuni huma implimentati fost is-setturi kollha tal-ekonomija tal-UE filwaqt li l-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi strutturali tagħhom stess.

Il-Kummissjoni Ewropea twettaq analiżi ekonomika li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika agrikola komuni (PAK) billi tanalizza l-effiċjenza tad-diversi mekkaniżmi ta’ appoġġ tagħha u tiżviluppa perspettiva fuq perjodu twil. Din tinkludi riċerka, analiżi u valutazzjonijiet tal-impatt fuq suġġetti relatati mal-agrikoltura u l-ekonomija rurali fl-UE u f’pajjiżi li mhumiex membri, parzjalment bl-użu ta’ kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura.

Issettjar tal-miri, parametri referenzjarji u kontribuzzjonijet

Il-politiki fl-UE qegħdin dejjem aktar jissettjaw miri ta’ terminu medju jew twil, sew jekk vinkolanti u sew jekk le. Għal uħud minn dawn, il-livell tal-PDG jintuża bħala denominatur parametru referenzjarju, pereżempju, l-issettjar ta’ mira għan-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp f’livell ta’ 3.00 % tal-PDG (waħda mill-miri tal-Ewropa 2020).

Il-kontijiet nazzjonali jintużaw ukoll biex jiddeterminaw ir-riżorsi tal-UE, bir-regoli bażiċi stabbiliti f’Deċiżjoni tal-Kunsill. L-ammont globali ta’ riżorsi proprji neċessarji għall-finanzjament tal-baġit tal-UE huwa ddeterminat min-nefqa totali nieqes dħul ieħor, u d-daqs massimu tar-riżorsi proprji huwa marbut mal-introjtu nazzjonali gross tal-UE.

Minbarra li tintuża biex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet baġitarji fl-UE, id-data tal-kontijiet nazzjonali tintuża wkoll biex tiddetermina l-kontribuzzjonijiet lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU). Il-kontribuzzjonijiet għall-baġit tan-NU huma bbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross flimkien ma’ varjetà ta’ aġġustamenti u limiti.

Analisti u previżjonisti

Il-kontijiet nazzjonali huma wkoll użati b’mod mifrux mill-analisti u r-riċerkaturi biex jeżaminaw is-sitwazzjoni ekonomika u l-iżviluppi. Is-sħab soċjali, bħar-rappreżentanti tan-negozji (pereżempju, il-korpi kummerċjali) jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema (pereżempju, it-trade unions), ukoll għandhom interess fil-kontijiet nazzjonali għall-iskop tal-analiżi tal-iżviluppi li jaffettwaw ir-relazzjonijiet industrijali. Fost użi oħra, ir-riċerkaturi u l-analisti jużaw il-kontijiet nazzjonali għall-analiżi taċ-ċiklu konġunturali u l-analiżi ta’ ċikli ekonomiċi ta’ terminu twil u jirrelataw dawn ma’ żviluppi ekonomiċi, politiċi jew teknoloġiċi.

Noti

  1. Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi ma’ UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.
  2. Jekk jogħġbok innota, madankollu, li ċ-ċifri tal-PPS huma maħsubin għal paraguni bejn pajjiżi differenti u mhux għal paraguni temporali minħabba li ma jistgħux jitqiesu bħala serje kronoloġiċi għal raġunijiet metodoloġiċi.
Aċċess dirett għal
Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Legislation
Viżwalizzazzjonijiet
Links esterni





Main GDP aggregates (t_nama_10_ma)
Auxiliary indicators (population, GDP per capita and productivity) (t_nama_10_aux)
Basic breakdowns of main GDP aggregates and employment (by industry and by assets) (t_nama_10_bbr)
Detailed breakdowns of main GDP aggregates (by industry and consumption purpose) (t_nama_10_dbr)
Regional economic accounts - ESA 2010 (t_nama_10reg)
Main GDP aggregates (nama_10_ma)
Auxiliary indicators (population, GDP per capita and productivity) (nama_10_aux)
Basic breakdowns of main GDP aggregates and employment (by industry and by assets) (nama_10_bbr)
Detailed breakdowns of main GDP aggregates (by industry and consumption purpose) (nama_10_dbr)
Breakdowns of non-financial assets by type, industry and sector (nama_10_nfa)
Regional economic accounts (nama_10reg)