Statistika dwar il-migrazzjoni u l-popolazzjoni tal-migranti

Aqbeż għal: navigazzjoni , fittex


L-estrazzjoni tad-data saret f’Marzu 2018.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Lulju 2019.

Punti ewlenin
Żewġ miljun ċittadin li mhux mill-UE emigraw lejn l-UE fl-2016.
Fl-2016, l-Istati Membri tal-UE taw iċ-ċittadinanza lil kważi miljun persuna.

Immigrants, 2016

Dan l-artiklu jippreżenta statistika tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar il-migrazzjoni internazzjonali (flussi), in-numru ta’ ċittadini nazzjonali u ta’ ċittadini ta’ nazzjonalità oħra fil-popolazzjoni (“stokkijiet”) u d-data marbuta mal-kisba taċ-ċittadinanza. Il-migrazzjoni hija influwenzata minn taħlita ta’ fatturi ekonomiċi, ambjentali, politiċi u soċjali: fil-pajjiż tal-oriġini tal-migrant (fatturi ta’ spinta) jew fil-pajjiż tad-destinazzjoni (fatturi ta’ ġibda). Storikament, il-prosperità ekonomika u l-istabbiltà politika relattivi tal-UE huma maħsuba li kellhom effett ta’ ġibda kunsiderevoli fuq l-immigranti.

Fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni, il-migrazzjoni internazzjonali tista’ tintuża bħala għodda sabiex jissolvew in-nuqqasijiet speċifiċi fis-suq tax-xogħol. Madankollu, hu kważi ċert li l-migrazzjoni waħedha mhix ser treġġa’ lura t-tendenza attwali tat-tixjiħ tal-popolazzjoni li qed jiġi esperjenzat f’ħafna partijiet tal-UE.


Artiklu sħiħ

Flussi migratorji: Żewġ miljun immigrant mhux mill-UE

B’kollox, tul l-2016, 4.3 miljun ruħ emigraw lejn wieħed mill-Istati Membri tal-EU-28, filwaqt li mill-anqas 3.0 miljun emigrant ġew irrapportati li telqu minn Stat Membru tal-UE. Madankollu, dawn iċ-ċifri totali ma jirrappreżentawx il-flussi migratorji lejn l-UE kollha u minnha, minħabba li jinkludu wkoll il-flussi bejn l-Istati Membri tal-UE differenti.

Tul l-2016, fost dawn l-4.3 miljun immigrant kien hemm madwar 2.0 miljun ċittadin minn pajjiżi mhux tal-UE, 1.3 miljun persuna b’ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE differenti minn dik tal-pajjiż li emigraw fih, madwar 929 elf persuna li emigraw lejn Stat Membru tal-UE li kellhom iċ-ċittadinanza tiegħu (pereżempju, ċittadini nazzjonali li jirritornaw jew ċittadini nazzjonali mwielda barra mill-pajjiż), u madwar 16-il elf persuna mingħajr Stat.

Tabella 1: Immigrazzjoni skont iċ-ċittadinanza, 2016
Sors: Eurostat (migr_imm1ctz)

Il-Ġermanja: l-akbar għadd ta’ immigranti u emigranti

Il-Ġermanja rrapportat l-akbar għadd totali ta’ immigranti (1 029.9 elf) fl-2016, segwita mir-Renju Unit (589.0 elf), minn Spanja (414.7 elf), minn Franza (378.1 elf) u mill-Italja (300.8 elf). Il-Ġermanja rrapportat ukoll l-ogħla numru ta’ emigranti fl-2016 (533.8 elf), segwita mir-Renju Unit (340.4 elf), minn Spanja (327.3 elf), minn Franza (309.8 elf), mill-Polonja (236.4 elf) u mir-Rumanija (207.7 elf). B’kollox, 21 mill-Istati Membri tal-UE rrapportaw aktar immigrazzjoni minn emigrazzjoni fl-2016, iżda fil-Bulgarija, fil-Kroazja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja, fil-Portugall u fir-Rumanija, l-għadd ta’ emigranti sebaq lil dak ta’ immigranti.

Meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni residenti, fl-2016 il-Lussemburgu rreġistra l-ogħla rati ta’ immigrazzjoni (39 immigrant għal kull 1 000 persuna), segwit minn Malta (38 immigrant għal kull 1 000 persuna)— ara l-Figura 1. Fil-każ tal-emigrazzjoni, l-ogħla rati fl-2016 ġew irrapportati fil-Lussemburgu (23 emigrant għal kull 1 000 persuna), f’Malta, fil-Litwanja u f’Ċipru (kull wieħed bi 18-il emigrant għal kull 1 000 persuna) u fl-Irlanda (13-il emigrant għal kull 1 000 persuna).

Figura 1: Immigranti, 2016
(għal kull 1 000 abitant)
Sors: Eurostat (migr_imm1ctz) u (migr_pop1ctz)

L-ogħla sehem ta’ immigranti nazzjonali għar-Rumanija, l-aktar baxx għal-Lussemburgu

Fl-2016, is-sehem relattiv ta’ immigranti nazzjonali, fi kliem ieħor immigranti b’ċittadinanza tal-Istat Membru tal-UE li kienu qed jemigraw fih, fost l-għadd totali ta’ immigranti, kien l-ogħla fir-Rumanija (87 % tal-immigranti kollha), fil-Litwanja (71 %), fil-Latvja (59 %), fl-Ungerija (56 %), fil-Kroazja (55 %) u fis-Slovakkja (53 %). Dawn kienu l-uniċi Stati Membri tal-UE fejn l-immigrazzjoni nazzjonali kkontribwixxiet għal aktar min-nofs l-għadd totali ta’ immigranti — ara l-Figura 2. B’kuntrast ma’ dan, l-immigrazzjoni nazzjonali fil-Lussemburgu fl-2016 ma kinitx aktar minn 6 % tal-immigrazzjoni totali tal-pajjiż.

Figura 2: Distribuzzjoni tal-immigranti skont iċ-ċittadinanza, 2016
(% tal-immigranti kollha)
Sors: Eurostat (migr_imm2ctz)

L-informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza ħafna drabi intużat sabiex jiġu studjati l-immigranti bi sfond barrani. Madankollu, minħabba li ċ-ċittadinanza tista’ tinbidel tul il-ħajja ta’ persuna, huwa utli wkoll li tiġi analizzata l-informazzjoni skont il-pajjiż tat-twelid. Is-sehem relattiv ta’ immigranti mwielda fil-pajjiż fost l-għadd totali ta’ immigranti kien l-ogħla fir-Rumanija (66 % tal-immigranti kollha), segwita mill-Polonja (58 %) u mil-Litwanja (57 %). Min-naħa l-oħra, il-Lussemburgu u l-Awstrija rrapportaw sehem relattivament baxx ta’ immigranti nattivi, b’inqas minn 6 % tal-immigrazzjoni kollha fl-2016.

Tabella 2: Immigrazzjoni skont il-pajjiż tat-twelid, 2016
Sors: Eurostat (migr_imm3ctb)

Nofs l-immigranti kellhom anqas minn 28 sena

Fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-ġeneru tal-immigranti fl-Istati Membri tal-UE fl-2016, kien hemm kemxejn aktar irġiel milli nisa (55 % meta mqabbel ma’ 45 %). L-Istat Membru li rrapporta l-ogħla sehem ta’ immigranti rġiel kien is-Slovenja (63 %); min-naħa l-oħra, l-ogħla sehem ta’ immigranti nisa kien irrapportat fi Franza (51 %).

Figura 3: Immigranti skont is-sess, 2016
(% tal-immigranti kollha)
Sors: Eurostat (migr_imm2ctz)

Bħala medja, l-immigranti li daħlu fl-Istati Membri tal-UE fl-2016 kienu ħafna iżgħar mill-popolazzjoni totali diġà residenti fil-pajjiż tad-destinazzjoni tagħhom. Fl-1 ta’ Jannar 2017, l-età medjana tal-popolazzjoni totali tal-EU-28 kienet ta’ 42.9 sena, filwaqt li dik tal-immigranti lejn l-EU-28 fl-2016 kienet ta’ 27.9 sena.

Figura 4: Struttura tal-età tal-immigranti skont iċ-ċittadinanza, UE, 2016
(%)
Sors: Eurostat (migr_imm2ctz)

Residenza preċedenti: Fl-2016, 2.4 miljun immigrant daħlu fl-UE

Fl-2016, kien hemm madwar 2.4 miljun immigrant li daħlu fl-EU-28 minn pajjiżi mhux tal-UE. Barra minn hekk, 1.8 miljun persuna li qabel kienu jgħixu fi Stat Membru tal-UE partikolari, emigraw lejn Stat Membru ieħor.

Analiżi skont ir-residenza preċedenti tiżvela li l-Lussemburgu rrapporta l-akbar sehem ta’ immigranti li kienu ġejjin minn Stat Membru tal-UE ieħor (93 % tal-għadd totali tal-immigranti tiegħu fl-2016), segwit mis-Slovakkja (80 %) u mir-Rumanija (74 %); ġie rrapportat sehem relattivament baxx fl-Iżvezja (24 % tal-immigranti kollha), kif ukoll fl-Italja (25 %) — ara t-Tabella 3.

Tabella 3: Immigrazzjoni skont il-pajjiż ta’ residenza preċedenti, 2016
Sors: Eurostat (migr_imm5prv)

Il-popolazzjoni tal-migranti: kważi 22 miljun ċittadin mhux tal-UE jgħixu fl-UE

L-għadd ta’ persuni li kienu jgħixu fi Stat Membru tal-UE b’ċittadinanza ta’ pajjiż li mhuwiex membru fl-1 ta’ Jannar 2017 kien 21.6 miljun, li jirrappreżenta 4.2 % tal-popolazzjoni tal-EU-28. Barra minn hekk, fl-1 ta’ Jannar 2017 kien hemm 16.9 miljun persuna jgħixu f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE b’ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE ieħor.

Fir-rigward tal-pajjiż tat-twelid, fl-1 ta’ Jannar 2017 kien hemm 36.9 miljun persuna mwielda barra mill-EU-28 u li kienu qed jgħixu fi Stat Membru tal-UE, filwaqt li kien hemm 20.4 miljun persuna mwielda fi Stat Membru tal-UE differenti minn dak li kienu residenti fih. Kien biss fl-Ungerija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, is-Slovakkja u Ċipru li n-numru ta’ persuni mwielda fi Stati Membri tal-UE oħrajn kien ogħla min-numru ta’ dawk imwielda barra mill-EU-28.

Tabella 4: Popolazzjoni mwielda barra mill-pajjiż skont il-pajjiż tat-twelid, l-1 ta’ Jannar 2017
Sors: Eurostat (migr_pop3ctb)

L-ogħla sehem ta’ popolazzjoni barranija kien fil-Lussemburgu, l-aktar baxx fil-Polonja

F’termini assoluti, l-akbar għadd ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra li kienu qed jgħixu fl-Istati Membri tal-UE fl-1 ta’ Jannar 2017 kien fil-Ġermanja (9.2 miljun persuna), fir-Renju Unit (6.1 miljun), fl-Italja (5.0 miljun), fi Franza (4.6 miljun) u fi Spanja (4.4 miljun). Il-persuni ta’ nazzjonalità oħra f’dawn il-ħames Stati Membri flimkien irrappreżentaw 76 % tal-għadd totali ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra li jgħixu fl-Istati Membri tal-UE kollha, filwaqt li l-istess ħames Stati Membri kellhom sehem ta’ 63 % tal-popolazzjoni tal-UE-28.

F’termini relattivi, l-Istati Membr tal-UE bl-ogħla sehem ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra kien il-Lussemburgu, hekk kif il-persuni ta’ nazzjonalità oħra kienu jiffurmaw 48 % tal-popolazzjoni totali tiegħu. Proporzjon għoli ta’ ċittadini barranin (10 % jew aktar tal-popolazzjoni residenti) kien osservat ukoll f’Ċipru, fl-Awstrija, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Belġju, fl-Irlanda, f’Malta u fil-Ġermanja. Min-naħa l-oħra, il-persuni ta’ nazzjonalità oħra kienu anqas minn 1 % tal-popolazzjoni fil-Polonja u fir-Rumanjija (0.6 % fiż-żewġ pajjiżi) u fil-Litwanja (0.7 %).

Figura 5: Sehem ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra fil-popolazzjoni residenti, l-1 ta’ Jannar 2017
(%)
Sors: Eurostat (migr_pop1ctz)

Popolazzjoni barranija magħmula minn persuni mhux ċittadini tal-UE f’ħafna mill-Istati Membri

Il-Belġju , l-Irlanda, Ċipru, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, is-Slovakkja u r-Renju Unit kienu l-uniċi Stati Membri tal-UE fl-2016 fejn il-persuni ta’ nazzjonalità oħra kienu prinċipalment ċittadini ta’ Stat Membru ieħor. Dan ifisser li f’ħafna mill-Istati Membri tal-UE, il-maġġoranza ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra kienu ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE (ara t-Tabella 5). Fil-każ tal-Latvja u l-Estonja, il-proporzjon ta’ ċittadini minn pajjiżi mhux membri kien partikolarment kbir minħabba l-għadd għoli ta’ persuni mhux ċittadini rikonoxxuti (prinċipalment ċittadini ta’ dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, li huma permanentament residenti f’dawn il-pajjiżi iżda li ma kisbu l-ebda ċittadinanza oħra).

Tabella 5: Popolazzjoni magħmula minn persuni ta’ nazzjonalità oħra skont il-grupp taċ-ċittadinanza, l-1 ta’ Jannar 2017
Sors: Eurostat (migr_pop1ctz)

It-Tabella 6 tippreżenta sommarju ta’ ħames gruppi prinċipali ta’ ċittadini barranin u popolazzjonijiet imwielda barra mill-pajjiż għall-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA (soġġett għad-disponibbiltà tad-data).

Tabella 6: Il-pajjiżi prinċipali taċ-ċittadinanza u tat-twelid tal-popolazzjoni barranija/imwielda barra mill-pajjiż, l-1 ta’ Jannar 2017
(f’numri assoluti u bħala persentaġġ tal-popolazzjoni totali barranija/imwielda barra mill-pajjiż)
Sors: Eurostat (migr_pop1ctz) and (migr_pop3ctb)

Iċ-ċittadini Rumeni, Pollakki, Taljani, Portugiżi u Ġermaniżi kienu l-akbar ħames gruppi ta’ ċittadini tal-UE li kienu qed jgħixu fi Stati Membri oħra tal-UE fl-2017 (Ara l-Figura 6).


Figura 6: L-għadd ta’ ċittadini tal-UE li r-residenza abitwali tagħhom kienet fil-bqija tal-UE fl-1 ta’ Jannar 2017
(miljun)
Sors: Eurostat (migr_pop1ctz)

Iċ-ċittadini barranin huma iżgħar miċ-ċittadini nazzjonali

Analiżi tal-istruttura tal-età tal-popolazzjoni turi li għall-UE-28 kollha, il-popolazzjoni barranija kienet iżgħar mill-popolazzjoni nazzjonali. Id-distribuzzjoni skont l-età tal-barranin turi proporzjon akbar ta’ żgħażagħ fl-età tax-xogħol meta mqabbla maċ-ċittadini tal-pajjiż. Fl-1 ta’ Jannar 2017, l-età medjana tal-popolazzjoni nazzjonali fl-EU-28 kienet ta’ 44 sena, filwaqt li l-età medjana ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra li jgħixu fl-UE kienet ta’ 36 sena.

Figura 7: L-istruttura tal-età tal-popolazzjonijiet nazzjonali u ta’ nazzjonalità oħra, EU-28, l-1 ta’ Jannar 2017
(%)
Sors: Eurostat (migr_pop2ctz)

Il-kisba taċ-ċittadinanza: L-Istati Membri tal-UE taw iċ-ċittadinanza lil kważi miljun persuna fl-2016

L-għadd ta’ persuni li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE fl-2016 kien ta’ 994.8 elf, li jikkorrespondi għal żieda ta’ 18 % meta mqabbel mal-2015.

Figura 8: L-għadd ta’ persuni li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE, EU-28, 2009-2016
(eluf)
Sors: Eurostat (migr_acq)

L-Italja kellha l-ogħla għadd ta’ persuni li kisbu ċ-ċittadinanza fl-2016, bl-ammont ta’ 201.6 elf (jew 20 % tat-total tal-EU-28). L-ogħla livelli ta’ kisba taċ-ċittadinanza segwenti kienu fi Spanja (150.9 elf), fir-Renju Unit (149.4 elf), fi Franza (119.2 elf) u fil-Ġermanja (112.8 elf).

Tabella 7: Persuni li kisbu ċ-ċittadinanza tal-pajjiż rapportatur, 2016
Sors: Eurostat (migr_acq)

F’termini assoluti, meta mqabbla mal-2015, l-ogħla żidiet kienu osservati fi Spanja, billi 36 600 resident aktar ingħataw iċ-ċittadinanza Spanjola, segwita mir-Renju Unit (31.4 elf), mill-Italja (23 600), mill-Greċja (19 300) u mill-Iżvezja (12 300). Min-naħa l-oħra, l-akbar tnaqqis f’termini assoluti kien osservat fl-Irlanda (3 500 persuna inqas ingħataw iċ-ċittadinanza Irlandiża meta mqabbel mal-2015), segwita mill-Polonja (300).

L-ogħla rata ta’ naturalizzazzjoni fil-Kroazja, fl-Isvezja u fil-Portugall

Indikatur li jintuża normalment huwa r-”rata ta’ naturalizzazzjoni”, li hija ddefinita hawnhekk bħala l-proporzjon bejn l-għadd totali taċ-ċittadinanzi mogħtija u l-istokk ta’ residenti ta’ nazzjonalità oħra fil-bidu ta’ dik l-istess sena. L-Istat Membru tal-UE bl-ogħla rata ta’ naturalizzazzjoni fl-2016 kien il-Kroazja (9.7 kisbiet għal kull 100 resident ta’ nazzjonalità oħra), segwita mill-Iżvezja u mill-Portugall (b’7.9 u 6.5 kisbiet għal kull 100 resident ta’ nazzjonalità oħra, rispettivament).

Figura 9: Ir-rata ta’ naturalizzazzjoni, 2016
(għal kull 100 resident ta’ nazzjonalità oħra)
Sors: Eurostat (migr_acq) u (migr_pop1ctz)

Riċevituri ewlenin: Marokkini, Albaniżi u Indjani

Meta meqjusin f’termini taċ-ċittadinanza oriġinali, bħas-snin preċedenti, l-akbar gruppi kienu l-Marokkini (101 300, li jikkorrespondu għal 10.2 % taċ-ċittadinanzi kollha mogħtija), segwiti mill-Albaniżi (67 500, jew 6.8 %), mill-Indjani (41 700, jew 4.2 %), mill-Pakistani (32 900, jew 3.3 %) u mit-Torok (32 800, jew 3.3 %). Meta mqabbel mal-2015, l-għadd ta’ ċittadini Marokkini li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE żdied bi 17.7 %. Il-maġġoranza tal-Marokkini kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Spanja (37 %), tal-Italja (35 %) jew ta’ Franza (18 %), filwaqt li l-maġġoranza tal-Albaniżi ngħataw iċ-ċittadinanza Taljana (55 %) jew iċ-ċittadinanza Griega (42 %). Maġġoranza kbira ta’ Indjani (59 %) ingħataw iċ-ċittadinanza Brittanika, madwar nofs il-Pakistani ngħataw iċ-ċittadinanza Brittanika (51 %) u nofs it-Torok ingħataw iċ-ċittadinanza Ġermaniża (50 %).

15% kienu preċedentement ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE ieħor

Madwar 863.3 elf ċittadin ta’ pajjiżi mhux membri li kienu qed jgħixu fi Stati Membru tal-UE kisbu ċ-ċittadinanza tal-UE fl-2016, jiġifieri żieda ta’ 19 % meta mqabbel mal-2015. Fil-fatt, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi mhux membri kienu 87 % tal-persuni kollha li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE fl-2016. Dawn iċ-ċittadini l-ġodda tal-UE-28 kienu prinċipalment mill-Afrika (30 % tal-għadd totali ta’ ċittadinanzi miksuba), l-Asja (21 %), l-Ewropa barra mill-UE-28 (20 %) u l-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel (15 %).

Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE ieħor ammontaw għal 120.2 elf persuna, ljiġifieri 12.1 % tat-total. F’termini assoluti, il-gruppi prinċipali ta’ ċittadini tal-EU-28 li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE ieħor kienu r-Rumeni li saru ċittadini tal-Italja (13.0 elf persuna) jew tal-Ġermanja (3.8 elf persuna), il-Pollakki li saru ċittadini tal-Ġermanja (6.7 elf persuna) jew tar-Renju Unit (4.4 elf persuna), it-Taljani li saru ċittadini tal-Ġermanja (3.6 elf persuna) jew tar-Renju Unit (1.3 elf persuna), il-Bulgari li saru ċittadini tal-Ġermanja (1.7 elf persuna) jew tar-Renju Unit (1.2 elf persuna), il-Brittaniċi li saru ċittadini tal-Ġermanja (2.7 elf persuna) jew tal-Iżvezja (1.0 elf persuna) u l-Portugiżi li saru ċittadini ta’ Franza (2.6 elf persuna) jew tal-Lussemburgu (1.1 elf persuna).

Il-maġġoranza taċ-ċittadinanzi ġodda fil-Lussemburgu u fl-Ungerija ngħataw lil ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE ieħor. Fil-każ tal-Lussemburgu, iċ-ċittadini Portugiżi rrappreżentaw l-akbar sehem, segwiti miċ-ċittadini Franċiżi, Taljani, Ġermaniżi u Belġjani, filwaqt li fil-każ tal-Ungerija, iċ-ċittadini tal-UE li kisbu ċ-ċittadinanza kienu kważi esklużivament Rumeni.

Sorsi tad-data

L-emigrazzjoni hija partikolarment diffiċli biex titkejjel; huwa aktar diffiċli li jingħaddu l-persuni li jitilqu minn pajjiż milli dawk li jaslu f’pajjiż. Analiżi li tqabbel id-data tal-2016 dwar l-immigrazzjoni u l-emigrazzjoni mill-Istati Membri tal-UE (statistiki mera) ikkonfermat li dan kien minnu għal ħafna pajjiżi — u b’riżultat ta’ dan, dan l-artiklu jiffoka fuq id-data dwar l-immigrazzjoni.

Eurostat jipproduċi statistika dwar medda ta’ kwistjonijiet marbutin mal-flussi migratorji internazzjonali, stokkijiet tal-popolazzjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità oħra u l-kisba taċ-ċittadinanza. Id-data tinġabar fuq bażi annwali u tingħata lil Eurostat mill-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE.

Il-bażi għall-ġbir tad-data

Mill-2008, il-ġbir tad-data dwar il-migrazzjoni, iċ-ċittadinanza u l-ażil huwa bbażat fuq ir-Regolament 862/2007 ; l-analiżi u l-kompożizzjoni tal-gruppi tal-pajjiżi tal-UE, tal-EFTA u tal-pajjiżi kandidati mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ referenza, jingħataw fir-Regolament 351/2010 ta’ implimentazzjoni. Dan jiddefinixxi sett prinċipali ta’ statistika dwar il-flussi migratorji internazzjonali, l-istokkijiet tal-popolazzjoni tal-barranin, il-kisba taċ-ċittadinanza, il-permessi ta’ residenza, l-ażil u l-miżuri kontra d-dħul u s-soġġorn illegali. Għalkemm l-Istati Membri tal-UE jistgħu jkomplu jużaw kwalunkwe data xierqa skont id-disponibbiltà u l-prattika nazzjonali, l-istatistika miġbura skont ir-Regolament trid tkun ibbażata fuq definizzjonijiet u kunċetti komuni. Ħafna mill-Istati Membri tal-UE jibbażaw l-istatistika tagħhom fuq sorsi ta’ data amministrattiva bħal reġistri tal-popolazzjoni, reġistri tal-barranin, reġistri tal-permessi ta’ residenza jew tax-xogħol, reġistri tal-assigurazzjoni tas-saħħa u reġistri tat-taxxa. Xi pajjiżi jużaw l-istatistiki mera, l-istħarriġ ta’ kampjun jew il-metodi ta’ stima sabiex jipproduċu l-istatistika dwar il-migrazzjoni. L-implimentazzjoni tar-Regolament mistennija twassal għal iktar disponibbiltà u kumparabbiltà tal-istatistika dwar il-migrazzjoni u ċ-ċittadinanza.

Id-data dwar il-kisba taċ-ċittadinanza normalment tiġi prodotta mis-sistemi amministrattivi. L-implimentazzjoni tar-Regolament mistennija twassal għal aktar disponibbiltà u kumparabbiltà tal-istatistika dwar il-migrazzjoni u ċ-ċittadinanza.

Kif iddikjarat fl-Artikolu 2.1(a), (b), (c) tar-Regolament 862/2007, l-immigranti li jkunu ilhom jgħixu (jew li jkunu mistennija jgħixu) fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE għal perjodu ta’ mill-inqas 12-il xahar jingħaddu l-istess bħall-emigranti li jgħixu barra mill-pajjiż għal aktar minn 12-il xahar. Għaldaqstant, id-data miġbura mill-Eurostat tikkonċerna l-migrazzjoni għal perjodu ta’ 12-il xahar jew aktar: għalhekk il-migranti jinkludu persuni li jkunu emigraw għal perjodu ta’ sena jew aktar, kif ukoll persuni li jkunu emigraw fuq bażi permanenti.

B’enfasi fuq id-definizzjonijiet tal-età għall-flussi migratorji, ta’ min jinnota li d-data tal-2016 tikkonċerna l-età milħuqa tar-rispondent jew l-età tar-rispondent fi tmiem is-sena ta’ referenza għall-Istati Membri tal-UE kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, il-Greċja, l-Awstrija, Malta, ir-Rumanija, is-Slovenja u r-Renju Unit (fejn id-data tikkonċerna l-età magħluqa tar-rispondent jew l-età fl-aħħar għeluq sninu).

L-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA skont l-inklużjoni/l-esklużjoni tal-applikanti għall-ażil u tar-refuġjati fid-data dwar il-popolazzjoni rrapportata lil Eurostat fil-qafas tas-Sena ta’ Referenza tal-2016 għall-ġbir tad-data Demografika Unifikata.

Il-popolazzjoni mill-01.01.2017 Inklużi Esklużi
Applikanti għall-ażil li jkunu residenti abitwali għal mill-inqas 12-il xahar Il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Iżvizzera Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein
Ir-refuġjati li jkunu residenti abitwali għal mill-inqas 12-il xahar Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera

Nota: In-Norveġja (L-applikanti għall-ażil u refuġjati mingħajr permess ta’ residenza mhumiex inklużi)


L-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA skont l-inklużjoni/l-esklużjoni tal-applikanti għall-ażil u r-refuġjati fid-data dwar il-migrazzjoni rrapportata lil Eurostat fil-qafas tas-Sena ta’ Referenza tal-2016 għall-ġbir tad-data Demografika Unifikata

Migrazzjoni għall-2016 Inklużi Esklużi
L-applikanti għall-ażil li jkunu residenti abitwali għal mill-inqas 12-il xahar Il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Renju Unit, l-Iżvizzera, in-Norveġja Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein
Ir-refuġjati li jkunu residenti abitwali għal mill-inqas 12-il xahar Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera Ċipru

Nota: In-Norveġja (L-applikanti għall-ażil u r-refuġjati mingħajr permess ta’ residenza mhumiex inklużi); L-Irlanda ( Ir-refuġjati li ma jgħixux f’unità domestika privata mhumiex inklużi)

'Refuġjat’ ma tirreferix biss għall-persuni li jingħataw status ta’ refuġjat (Kif iddefinit fl-Art. 2(e) tad-Direttiva 2011/95/KE skont it-tifsira tal-Art. 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967), iżda tirreferi wkoll għal persuni li jingħataw protezzjoni sussidjarja (kif iddefinit fl-Art. 2(g) tad-Direttiva 2011/95/KE) u l-persuni koperti minn deċiżjoni li tagħti l-awtorizzazzjoni għas-soġġorn għal raġunijiet umanitarji skont il-liġi nazzjonali li tikkonċerna l-protezzjoni internazzjonali.

Applikant għall-ażil: L-applikazzjonijiet għall-ażil għall-ewwel darba huma speċifiċi għall-pajjiż u ma jimplikaw l-ebda limitu ta’ żmien. Għaldaqstant, applikant għall-ażil jista’ japplika għall-ewwel darba f’pajjiż partikolari u għal darba oħra wara dan bħala applikant għall-ewwel darba fi kwalunkwe pajjiż ieħor. Jekk applikant għall-ażil iressaq applikazzjoni għal darba oħra fl-istess pajjiż wara kwalunkwe perjodu ta’ żmien, ma jerġax jitqies bħala applikant għall-ewwel darba.

Id-data dwar il-kisba taċ-ċittadinanza tinġabar minn Eurostat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.1.(d) tar-Regolament 862/2007, li jiddikjara li: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika dwar in-numru ta’ (…) persuni li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru u li kisbu, matul il-perjodu ta’ referenza, kisbu iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru (...) imqassma skont (...) iċ-ċittadinanza preċedenti tal-persuni kkonċernati u skond jekk il-persuna kinitx preċedentement mingħajr Stat.”

B’enfasi fuq id-definizzjonijiet tal-età għall-kisba taċ-ċittadinanza, ta’ min jinnota li d-data tal-2015 tikkonċerna l-età tar-rispondent milħuqa jew l-età tar-rispondent fi tmiem is-sena ta’ referenza, għall-Istati Membri tal-UE kollha bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja, l-Irlanda, l-Awstrija, il-Litwanja, Malta ir-Rumanija, is-Slovenja u r-Renju Unit (fejn id-data tikkonċerna l-età tar-rispondent magħluqa jew l-età fl-aħħar għeluq sninu).

Ir-”rata ta’ naturalizzazzjoni” jenħtieġ li tintuża b’kawtela minħabba li n-numeratur jinkludi l-modi kollha għall-kisba u mhux biss in-naturalizzazzjonijiet tal-barranin residenti eliġibbli u d-denominatur jinkludi lill-barranin kollha, minflok il-barranin li huma eliġibbli għan-naturalizzazzjoni.

Kuntest

Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE għandhom il-libertà li jivvjaġġjaw u l-libertà tal-moviment bejn il-fruntieri interni tal-UE. Il-politiki dwar il-migrazzjoni fl-UE fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi mhux membri qed jikkonċernatraw dejjem aktar biex jattiraw profil partikolari ta’ migranti, ħafna drabi f’tentattiv biex jiġu indirizzati nuqqasijiet ta’ ħiliet speċifiċi. L-għażla tista’ ssir abbażi tal-ħiliet lingwistiċi, l-esperjenza tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-età. Inkella, l-impjegaturi jistgħu jagħmlu l-għażla biex b’hekk il-migranti diġà jkollhom xogħol mal-wasla tagħhom.

Minbarra l-politiki sabiex jiġi inkoraġġit ir-reklutaġġ tal-ħaddiema, ħafna drabi l-politika dwar l-immigrazzjoni tiffoka fuq żewġ oqsma: il-prevenzjoni tal-migrazzjoni mhux awtorizzata u l-impjieg illegali tal-migranti li ma jkollhomx permess li jaħdmu, u l-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-immigranti fis-soċjetà. Ġew immobilizzati riżorsi sinifikanti għall-ġlieda kontra n-netwerks tal-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-persuni u tat-traffikar tal-persuni fl-UE.

Uħud mill-aktar testi legali importanti adottati fil-qasam tal-immigrazzjoni jinkludu:

Fiil-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni huwa responsabbli mill-politika dwar il-migrazzjoni Ewropea. Fl-2005, il-Kummissjoni nediet mill-ġdid id-dibattitu dwar il-ħtieġa ta’ sett ta’ regoli komuni għall-ammissjoni tal-migranti ekonomiċi, bi Green paper dwar strateġija tal-UE għat-treġija tal-migrazzjoni ekonomika (KUMMM(2004) 811 finali) li wasslet għall-adozzjoni ta’ pjan ta’ politika dwar il-migrazzjoni legali (COM(2005) 669 final) fl-aħħar tal-2005. F’Lulju 2006, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar prijoritajiet ta’ politika fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (COM(2006) 402 final), bl-għan li toħloq bilanċ bejn is-sigurtà u d-drittijiet bażiċi tal-individwi waqt l-istadji kollha tal-proċess tal-immigrazzjoni illegali. F’Settembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat it-tielet rapport annwali tagħha dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni (KUMM(2007) 512 finali). Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata f’Ottubru 2008 enfasizzat l-importanza tat-tisħiħ tal-approċċ globali għall-migrazzjoni: iż-żieda fil-koordinazzjoni, il-koerenza u s-sinerġiji (KUMM(2008) 611 finali) bħala aspett tal-politika esterna u ta’ żvilupp. Il-Programm ta’ Stokkolma, adottat mill-kapijiet tal-istat u tal-gvern tal-UE f’Diċembru 2009, stabbilixxa qafas u sensiela ta’ prinċipji għall-iżvilupp kontinwu tal-politiki Ewropej dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni għall-perjodu bejn l-2010 u l-2014; il-kwistjonijiet marbuta mal-migrazzjoni jiffurmaw parti ċentrali minn dan il-programm. Sabiex isiru l-bidliet maqbula, il-Kummissjoni Ewropea promulgat pjan ta’ azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma - il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa (KUMM(2010) 171 finali) fl-2010.

F’Mejju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat “Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE għall-2013” (COM(2013) 269 final). Ir-rapport wera li ċ-ċittadinanza tal-UE ġġib magħha drittijiet u opportunitajiet ġodda. Il-moviment u l-għajxien liberu fl-UE huwa d-dritt assoċjat l-aktar mill-qrib maċ-ċittadinanza tal-UE. Meta wieħed iqis it-teknoloġija moderna u l-fatt li issa huwa aktar faċli li wieħed jivvjaġġa, il-libertà tal-moviment tippermetti lill-Ewropej li jwessgħu l-orizzonti tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, li jħallu pajjiżhom għal perjodi iqsar jew itwal, li jiċċaqalqu bejn pajjiżi tal-UE biex jaħdmu, jistudjaw u jitħarrġu, li jivvjaġġaw għan-negozju jew għall-pjaċir, jew biex jixtru bejn il-fruntieri. Il-moviment liberu potenzjalment iżid l-interazzjonijiet soċjali u kulturali fl-UE u joħloq rabtiet aktar mill-qrib bejn iċ-ċittadini tal-UE. Barra minn hekk, jista’ jiġġenera benefiċċji ekonomiċi reċiproki għan-negozji u l-konsumaturi, inklużi dawk li jibqgħu d-dar, hekk kif l-ostakoli interni qed jitneħħew b’mod stabbli.

Fit-13 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015) 240 final) (bl-Ingliż) li tistipula l-miżuri immedjati li jeħtieġ jittieħdu sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ kriżi fil-Mediterran, kif ukoll il-passi li jeħtieġ jittieħdu fis-snin li ġejjin sabiex il-migrazzjoni tiġi ġestita aħjar fl-aspetti kollha tagħha.

Ir- Rapport annwali dwar l-immigrazzjoni u l-ażil (bl-Ingliż) http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/networks/european_migration_network/index_en.htm tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni](2016) (bl-Ingliż) ġie ppubblikat f’April 2017. Dan jagħti ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi prinċipali legali u politiċi li qed iseħħu madwar l-UE kollha u fil-pajjiżi parteċipanti. Dan huwa dokument komprensiv u jkopri l-aspetti kollha tal-migrazzjoni u l-politika dwar l-ażil mid-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (bl-Ingliż) u l-aġenziji tal-UE.

Dokumenti leġiżlattivi - European Agenda on Migration (bl-Ingliż)

Materjal għall-istampa - European Agenda on Migration (bl-Ingliż)

Aċċess dirett għal
Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Legislation
Viżwalizzazzjonijiet
Links esterni






Migration and citizenship data (bl-Ingliż)
International migration (t_migr_int) (bl-Ingliż)
Immigration (tps00176) (bl-Ingliż)
Emigration (tps00177) (bl-Ingliż)
Acquisition of citizenship (tps00024) (bl-Ingliż)
Population (t_demo_pop) (bl-Ingliż)
Population without the citizenship of the reporting country (tps00157) (bl-Ingliż)
Foreign-born population (tps00178) (bl-Ingliż)
Migration and migrant population data (bl-Ingliż)
Immigration (migr_immi) (bl-Ingliż)
Immigration by age and sex (migr_imm8) (bl-Ingliż)
Immigration by five year age group, sex, and citizenship (migr_imm1ctz) (bl-Ingliż)
Immigration by five year age group, sex and country of birth (migr_imm3ctb) (bl-Ingliż)
Immigration by age , sex and broad group of citizenship (migr_imm2ctz) (bl-Ingliż)
Immigration by age, sex and broad group of country of birth (migr_imm4ctb) (bl-Ingliż)
Immigration by sex, citizenship and broad group of country of birth (migr_imm6ctz) (bl-Ingliż)
Immigration by sex, country of birth and broad group of citizenship (migr_imm7ctb) (bl-Ingliż)
Immigration by five year age group, sex, and country of previous residence (migr_imm5prv) (bl-Ingliż)
Immigration by age group, sex and level of human development of the country of citizenship (migr_imm9ctz) (bl-Ingliż)
Immigration by age group, sex and level of human development of the country of birth (migr_imm10ctb) (bl-Ingliż)
Immigration by age group, sex and level of human development of the country of previous residence (migr_imm11prv) (bl-Ingliż)
Emigration (migr_emi) (bl-Ingliż)
Emigration by age and sex (migr_emi2) (bl-Ingliż)
Emigration by five year age group, sex and citizenship (migr_emi1ctz) (bl-Ingliż)
Emigration by five year age group, sex and country of birth (migr_emi4ctb) (bl-Ingliż)
Emigration by five year age group, sex, and country of next usual residence (migr_emi3nxt) (bl-Ingliż)
Acquisition and loss of citizenship (migr_acqn) (bl-Ingliż)
Acquisition of citizenship by sex, age group and former citizenship (migr_acq) (bl-Ingliż)
Residents who acquired citizenship as a share of residents non-citizens by former citizenship and sex(%) (migr_acqs) (bl-Ingliż)
Acquisition of citizenship by sex, age group and level of human development of former citizenship (migr_acq1ctz) (bl-Ingliż)
Loss of citizenship by sex and new citizenship (migr_lct) (bl-Ingliż)
Population (demo_pop) (bl-Ingliż)
Population on 1 January by age, sex and broad group of citizenship (migr_pop2ctz) (bl-Ingliż)
Population on 1 January by age group, sex and citizenship (migr_pop1ctz) (bl-Ingliż)
Population on 1 January by age group, sex and country of birth (migr_pop3ctb) (bl-Ingliż)
Population on 1 January by age, sex and broad group of country of birth (migr_pop4ctb) (bl-Ingliż)
Population on 1 January by sex, citizenship and broad group of country of birth (migr_pop5ctz) (bl-Ingliż)
Population on 1 January by sex, country of birth and broad group of citizenship (migr_pop6ctb) (bl-Ingliż)
Population on 1 January by age group, sex and level of human development of the country of citizenship (migr_pop7ctz) (bl-Ingliż)
Population on 1 January by age group, sex and level of human development of the country of birth (migr_pop8ctb) (bl-Ingliż)
EU and EFTA citizens who are usual residents in another EU/EFTA country as of 1 January (migr_pop9ctz) (bl-Ingliż)