Impjieg - statistika annwali

Aqbeż għal: navigazzjoni , fittex


L-estrazzjoni tad-data saret f’April 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Settembru 2021.

Punti ewlenin
L-ogħla rata ta’ impjieg fl-UE-27 (għal persuni li għandhom bejn 20 u 64 sena) mill-2005 ġiet irreġistrata fl-2019 b’rata ta’ 73.1 %.
Fil-livell tal-UE-27, id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi naqset mill-2005, iżda r-rata ta’ impjieg fl-2019 kienet għadha 11.7-il punt perċentwali ogħla għall-irġiel milli għan-nisa.
Għodda 1: Impjieg (total, nisa, irġiel, żgħażagħ u anzjani), 2005-2019
(% tal-popolazzjoni li għandhom bejn 20 u 64 sena)
Sors: Eurostat

Dan l-artiklu jippreżenta l-aktar statistika reċenti dwar l-impjiegi tal-Unjoni Ewropea (UE) ibbażata fuq l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (LFS) tal-UE. B’mod ġenerali, l-istatistika dwar l-impjiegi turi differenzi konsiderevoli skont is-sess, l-età u l-livell edukattiv milħuq. Hemm ukoll diskrepanzi konsiderevoli fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri tal-UE.

Jekk jogħġbok innota li f'xi każijiet in-numri u r-rati murija fl-għodod u msemmija fit-test ta’ dan l-artiklu jistgħu jvarjaw minħabba reviżjoni kontinwa tad-data tas-sors: l-għodod jirreferu għall-aktar data reċenti (kif jidher fil-bażi tad-data tal-Eurostat taħt L-impjiegi u l-qgħad (l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol)) filwaqt li t-test jirreferi għal data minn April 2020.

Artiklu sħiħ

L-ogħla rata ta’ impjieg li qatt ġiet irreġistrata mill-2005

Fl-2019, ir-rata ta’ impjieg tal-UE-27 għall-persuni li għandhom bejn 20 u 64 sena, kif imkejla mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE (LFS tal-UE), kienet ta’ 73.1 %, l-ogħla medja annwali li qatt ġiet irreġistrata għall-UE. Madankollu, lil hinn minn din il-medja, jistgħu jinstabu differenzi kbar bejn il-pajjiżi (Mappa 1 u Għodda 1). L-Iżvezja għandha l-ogħla rata ta’ impjieg fl-UE s’issa: 82.1 %. Rata għolja bħal din hija osservata wkoll fil-pajjiżi tal-EFTA, l-Iżlanda (85.9 %) u l-Iżvizzera (82.9 %).

Mappa 1: Ir-rata ta’ impjieg, persun li għandhom bejn 20 u 64 sena, 2019
(%)
Sors: Eurostat (lfsi_emp_a)

Fl-2010, il-Kunsill Ewropew adotta l-istrateġija Ewropa 2020. L-enfasi kienet fuq it-tisħiħ tal-ekonomija tal-UE u fuq il-preparazzjoni tal-isfidi għall-għaxar snin li ġejjin. Waħda mill-miri ewlenin ta’ din l-istrateġija fil-livell tal-UE hija li, sas-sena 2020, ir-rata ta’ impjieg tal-popolazzjoni li għandha bejn 20 u 64 sena tiżdied għal mill-inqas 75 %.

Għalkemm l-UE-27 kollha kemm hi, kienet għadha ma laħqitx il-mira tagħha fl-2019, 17-il Stat Membru tal-UE kienu laħqu jew saħansitra qabżu l-mira tal-istrateġija Ewropa 2020. Dawn il-pajjiżi jinkludu tliet Stati Membri Nordiċi (l-Iżvezja, id-Danimarka u l-Finlandja), it-tliet Stati Membri Baltiċi (l-Estonja, il-Litwanja u l-Latvja) kif ukoll in-Netherlands, il-Ġermanja, iċ-Ċekja, is-Slovenja, il-Portugall, Ċipru, l-Ungerija, Malta, l-Irlanda, l-Awstrija u l-Bulgarija (Mappa 1). Ir-Renju Unit kif ukoll l-Iżlanda, l-Iżvizzera u n-Norveġja kellhom ukoll rati ta’ impjieg ogħla minn 75 %. Fit-tarf l-ieħor tal-iskala, ir-rata ta’ impjieg kienet ’il bogħod mill-mira tal-UE, jiġifieri taħt is-70 %, fil-Kroazja, fl-Italja, fi Spanja u fil-Greċja. Il-Greċja kien il-pajjiż li rreġistra l-aktar rata baxxa fost l-Istati Membri tal-UE (61.2 %). Il-pajjiżi kandidati, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija rreġistraw rati ta’ impjieg ta’ 65 % jew inqas.

Għodda 1: Impjieg (total, nisa, irġiel, żgħażagħ u anzjani), 2005-2019
(% tal-popolazzjoni li għandha bejn 20 u 64 sena)
Sors: Eurostat (lfsi_emp_a)



Fil-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2019, ir-rata ta’ impjieg għall-popolazzjoni totali li għandha bejn 20 u 64 sena żdiedet b’6.3 punti perċentwali fl-UE-27, minn 66.8 % għal 73.1 %. Iżda l-pajjiżi esperjenzaw sitwazzjonijiet differenti ħafna tas-suq tax-xogħol tul l-aħħar snin. Ir-rata ta’ impjieg żdiedet fil-perjodu msemmi hawn fuq fil-pajjiżi kollha minbarra fil-Greċja (-3.2 p.p.). L‑akbar żidiet huma osservati f’Malta (19.8 p.p.: minn 57.4 % għal 77.2 %) u fil-Polonja (14.7 p.p.: minn 58.3 % għal 73.0 %).

Ir-rata ta’ impjieg tan-nisa qed tiżdied maż-żmien

Ir-rata ta’ impjieg għall-irġiel kienet ogħla minn dik għan-nisa fl-2019 għas-27 Stat Membru kollha tal-UE. Dan jgħodd ukoll għall-perjodu kollu mill-2005 sal-2019, b’żewġ eċċezzjonijiet: il-Latvja fl-2010 u l-Litwanja fl-2009 u fl-2010. Madankollu, l-evoluzzjoni tar-rata ta’ impjieg tal-irġiel u tan-nisa matul il-perjodu mill-2005 sal-2019 kienet differenti (it-tieni u t-tielet ikona tal-Għodda 1).

Mill-2005, ir-rata ta’ impjieg tan-nisa żdiedet b’mod ġenerali fl-Ewropa, b’żieda ta’ 8.6 p.p. fil-livell tal-UE. L-akbar żidiet fir-rati ta’ impjieg tan-nisa bejn l-2005 u l-2019 ġew osservati f’Malta (+ 31.9 p.p), fil-Bulgarija u fil-Polonja (it-tnejn +13.6 p.p.). Fl-2019, l-ogħla rati ta’ impjieg għan-nisa kienu fl-Iżvezja (79.7 %), filwaqt li l-aktar rati baxxi ta’ impjieg tan-nisa ġew irreġistrati fl-Italja (53.8 %) u fil-Greċja (51.3 %).

B’kuntrast għal dan, iż-żieda fil-livell tal-UE tar-rata ta’ impjieg għall-irġiel kienet aktar limitata (+3.9 p.p.) minn dik għan-nisa matul il-perjodu mill-2005 sal-2019. Ir-rata ta’ impjieg tal-irġiel saħansitra naqset f’seba’ Stati Membri tal-UE, bl-aktar bidliet viżibbli ġew osservati fil-Greċja (-8.0 p.p.: minn 79.3 % fl-2005 għal 71.3 % fl-2019) u fi Spanja (-5.8 p.p.: minn 79.8 % għal 74.0 %).

Konsegwentement, id-differenza fir-rata ta’ impjieg bejn iż-żewġ sessi naqset fil-livell tal-UE minn 16.4 p.p. fl-2005 għal 11.7 p.p. fl-2019. L-istess xejra ġiet osservata fl-Istati Membri kollha tal-UE ħlief fl-Ungerija, fil-Polonja, fl-Estonja u fir-Rumanija. It‑tnaqqis kien wieħed speċjalment qawwi f’Malta (id‑differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi nbidlet b’-24.9 p.p.) minħabba ż‑żieda fir‑rata ta’ impjieg tan‑nisa. Id-differenza naqset ukoll fi Spanja (-12.8 p.p.) u fil-Lussemburgu (-11.9 p.p.), minħabba tnaqqis kombinat fir-rata ta’ impjieg tal-irġiel u żieda fir-rata ta’ impjieg tan-nisa.

L-impjieg tal-anzjani jiżdied, iżda l-impjieg taż-żgħażagħ għandu tendenza li jonqos

Għalkemm ir-rata ta’ impjieg taż-żgħażagħ (persuni li għandhom bejn 15 u 24 sena) turi żieda żgħira fil-livell tal-UE bejn l-2005 u l-2019 (+0.2 p.p.), kważi nofs l-Istati Membri tal-UE (13-il pajjiż) juru tnaqqis fiċ-ċifri nazzjonali tagħhom. It-tnaqqis fl-impjieg taż-żgħażagħ huwa partikolarment viżibbli fl-Irlanda, fi Spanja, fil-Greċja, fid-Danimarka, fil-Portugall, fl-Italja u f’Ċipru. Min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ impjieg tal-anzjani (persuni li għandhom bejn 55 u 64 sena) żdiedet b’mod ġenerali matul l-istess perjodu bil-Bulgarija, il-Ġermanja, is-Slovakkja u n-Netherlands li rreġistraw l-akbar żidiet fir-rata ta’ impjieg tal-anzjani (ir-raba’ u l-ħames ikoni tal-Għodda 1).

Aktar ma jkun għoli l-livell edukattiv milħuq, aktar ikunu kbar ir-rati ta’ impjieg

Il-livell edukattiv milħuq jista’ jaffettwa b’mod konsiderevoli r-rati ta’ impjieg (Għodda 2). Ir-rata ta’ impjieg ta’ persuni (li għandhom bejn 20 u 64 sena) li kienu temmew edukazzjoni f’livell għoli, jiġifieri livelli ta’ edukazzjoni terzjarja b'ċiklu qasir, ta’ baċellerat, ta’ masters jew ta’ dottorat (jew ekwivalenti)(livelli tal-ISCED 5-8) kienet ta’ 84.8 % fil-livell tal-UE fl-2019. Dan huwa ħafna ogħla mir-rata għal dawk li kisbu biss edukazzjoni f’livell baxx, jiġifieri edukazzjoni primarja jew sekondarja tal-ewwel livell (livelli tal-ISCED 0-2), jiġifieri 55.8 %. Ir-rata ta’ impjieg fl-UE-27 ta’ persuni li jkunu temmew l-edukazzjoni tagħhom f’mill-inqas livell medju, jiġifieri edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell jew postsekondarja mhux terzjarja (livelli tal-ISCED 3-4) tinsab bejn iż-żewġ rati preċedenti, f’73.4 %. Dawn in-numri jistgħu jkunu indikazzjoni li, b’żieda fil-livell edukattiv milħuq, tiżdied ukoll il-probabbiltà li wieħed isib impjieg.

Minbarra li għandhom l-inqas probabbiltà li jsibu impjieg (fost it-tliet gruppi ta’ livelli edukattivi), il-persuni b’livell edukattiv milħuq baxx kienu dawk li ntlaqtu l-aktar matul l-aħħar kriżi: ir-rata ta’ impjieg ta’ dan il-grupp naqset b’5.4 p.p. bejn l-2007 u l-2013 fil-livell tal-UE. It-tnaqqis korrispondenti għal dawk b’livell ta’ edukazzjoni medju jew għoli kien ta’ 1.8 p.p (għaż-żewġ livelli).

Għodda 2: Ir-rata ta’ impjieg skont il-livell edukattiv, 2005-2019
(% tal-popolazzjoni b’livell ta’ edukazzjoni baxx/medju/għoli li għandhom bejn 20 u 64 sena)
Sors: Eurostat


L-Għodda 2 tagħti indikazzjoni tal-importanza tal-edukazzjoni biex jiżdiedu l-possibbiltajiet li wieħed isib impjieg. Tabilħaqq, pereżempju fis-Slovakkja, fl-2019, ir-rata ta’ impjieg ta’ persuni b’livell edukattiv milħuq baxx kienet ta’ 36.1 %; din ir-rata hija ħafna iżgħar mir-rata ta’ impjieg ta’ persuni b’livell edukattiv milħuq medju u għoli (75.6 % u 80.6 % rispettivament). Din is-sitwazzjoni hija komparabbli mas-sitwazzjoni fil-Kroazja (39.5 % għal livell baxx meta mqabbel ma’ 66.6 % għal livell medju), iċ-Ċekja (53.4 % meta mqabbel ma’ 81.3 %), il-Bulgarija (51.2 % meta mqabbel ma’ 76.0 %) u l-Polonja (44.6 % meta mqabbel ma’ 69.2 %). Ta’ min jinnota wkoll il-każ ta’ Franza, b’rata ta’ impjieg ta’ 51.7 %, 70.1 % u 83.3 % għal persuni b’livell edukattiv milħuq baxx, medju u għoli rispettivament, meta jitqiesu d-dipartimenti extra-Ewropej. Madankollu, meta jiġu esklużi d-dipartimenti extra-Ewropej, ir-rata ta’ impjieg għal persuni b’livell edukattiv milħuq baxx, medju u għoli, hija ta’ 52.5 %, 70.4 % u 83.4 % rispettivament. Id-differenza bejn Franza metropolitana (mingħajr id-dipartimenti extra-Ewropej) u Franza kollha (bid-dipartimenti extra-Ewropej) hija konsegwentement iżgħar biż-żieda fil-livell edukattiv milħuq.

Il-professjonisti jirrappreżentaw l-akbar grupp fl-UE-27

F’termini ta’ okkupazzjoni (ISCO), il-professjonisti rrappreżentaw l-akbar grupp fl-UE-27 fl-2019 (in-nofs tax-xellug tal-Illustrazzjoni 1) b’19.5 % ta’ persuni impjegati. Dan kien segwit minn tekniċi u professjonisti assoċjati (16.9 %) u ħaddiema tas-servizzi u tal-bejgħ (16.3 %). Fit-tarf l-ieħor tal-iskala, l-iżgħar żewġ gruppi kienu l-ħaddiema tas-sengħa fl-agrikoltura, fil-forestrija u fis-sajd (3.3 %) u l-okkupazzjonijiet fil-forzi armati (0.6 %).

Madankollu, il-kunsiderazzjoni tal-okkupazzjoni biss tagħti stampa ristretta tal-karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-persuni impjegati. Għal din ir-raġuni, ġiet introdotta klassifikazzjoni usa’ skont il-grupp soċjoekonomiku, imsejħa ESeG (Gruppi Soċjoekonomiċi Ewropej). Din tgħaqqad l-okkupazzjoni mal-istatus fl-impjieg. Meta ntużat din il-klassifikazzjoni, il-professjonisti baqgħu l-akbar grupp fl-UE-27 fl-2019 (19.4 % tal-persuni impjegati, in-nofs tal-lemin tal-Illustrazzjoni 1), iżda din id-darba ġew segwiti mill-impjegati bi status aktar baxx (18.6 %), u mill-impjegati industrijali tas-sengħa (17.1 %).

Illustrazzjoni 1: Il-persuni li għandhom impjieg skont l-okkupazzjoni u l-grupp soċjoekonomiku, li għandhom bejn 20 u 64 sena, UE-27, 2019
(% tal-impjieg totali)
Sors: Eurostat (lfsa_egais) u (lfsa_esega)

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi tad-data

Sors: L-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-Unjoni Ewropea (EU-LFS) huwa l-akbar stħarriġ ta’ kampjuni ta’ unitajiet domestiċi Ewropej li jipprovdi riżultati kull tliet xhur u annwali dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ta’ persuni ta’ 15-il sena u aktar kif ukoll dwar persuni barra mill-forza tax-xogħol. Dan ikopri residenti f’unitajiet domestiċi privati. Il-koskritti fis-servizz militari jew komunitarju mhumiex inklużi fir-riżultati. L-EU-LFS huwa bbażat fuq l-istess popolazzjonijiet fil-mira u juża l-istess definizzjonijiet fil-pajjiżi kollha, għalhekk ir-riżultati huma komparabbli bejn il-pajjiżi. L-EU-LFS huwa sors importanti ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni u x-xejriet fis-swieq tax-xogħol nazzjonali u tal-UE. Kull tliet xhur isiru madwar 1.8 miljun intervista fil-pajjiżi parteċipanti kollha biex tinkiseb informazzjoni statistika għal xi 100 varjabbli. Minħabba d-diversità tal-informazzjoni u d-daqs kbir tal-kampjun, l-EU-LFS huwa wkoll sors importanti għal statistika Ewropea oħra bħall-istatistika dwar l-Edukazzjoni jew l-istatistika Reġjonali.

Perjodu ta’ referenza: Ir-riżultati annwali jinkisbu bħala medji tal-erba’ perjodi ta’ tliet xhur fis-sena.

Kopertura: Ir-riżultati mill-istħarriġ bħalissa jkopru l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit, l-Istati Membri tal-EFTA, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera, kif ukoll il-pajjiżi kandidati, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija. Għal Ċipru, l-istħarriġ ikopri biss iż-żoni ta’ Ċipru kkontrollati mill-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru.

L-aggregati Ewropej: UE u UE-27 jirreferu għat-totalità tal-UE ta’ 27 Stat Membru. Jekk id-data ma tkunx disponibbli għal pajjiż, il-kalkolu tal-aggregati korrispondenti jqis id-data għall-istess pajjiż għall-aktar perjodu reċenti disponibbli. Każijiet bħal dawn huma indikati.

Definizzjonijiet: Il-kunċetti u d-definizzjonijiet użati fl-istħarriġ isegwu l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol. L-impjiegi jkopru persuni li għandhom 15-il sena u aktar (16-il sena u aktar fi Spanja u fl-Italja, bejn 15 u 74 sena fl-Estonja, fil-Latvja, fl-Ungerija, fil-Finlandja, fl-Iżvezja, fin-Norveġja u fid-Danimarka, u bejn 16 u 74 sena fl-Iżlanda), li jgħixu f’unitajiet domestiċi privati, li matul il-ġimgħa ta’ referenza għamlu xogħol, anke għal siegħa waħda biss, għal paga, profitt jew redditu għall-familja, jew ma kinux jaħdmu iżda kellhom impjieg jew negozju li kienu temporanjament assenti minnu, pereżempju minħabba mard, vaganzi, tilwim industrijali jew edukazzjoni u taħriġ.

L-impjiegi jistgħu jitkejlu f’termini tan-numru ta’ persuni jew impjiegi, f’ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time jew f’sigħat maħduma. L-istimi kollha ppreżentati f’dan l-artiklu jużaw in-numru tal-persuni; l-informazzjoni ppreżentata għar-rati ta’ impjieg hija msejsa wkoll fuq stimi għan-numru ta’ persuni. Sikwit, l-istatistika dwar l-impjiegi tiġi rrapportata bħala rati ta’ impjieg biex jiġi kkunsidrat id-daqs dejjem jinbidel tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi tul iż-żmien u biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil bejn il-pajjiżi ta’ daqs differenti. Normalment, dawn ir-rati jiġu ppubblikati għall-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, li ġeneralment titqies li hija dik ta’ bejn il-15 u l-64 sena, għalkemm fi Spanja u fir-Renju Unit, kif ukoll fl-Iżlanda, il-grupp ta’ età li jintuża huwa dak ta’ bejn is-16 u l-64. Il-grupp ta’ età ta’ bejn il-15 u l-64 sena huwa standard li jintuża wkoll minn organizzazzjonijiet statistiċi internazzjonali oħra (għalkemm aktar ma jiżdied is-sehem tal-popolazzjoni tal-UE li tkompli bl-istudji tagħha fl-edukazzjoni terzjarja, aktar qed tiżdied il-prominenza tal-grupp ta’ età ta’ bejn l-20 u l-64 sena minn xi persuni li jfasslu l-politika).

Il-kunċett ta’ impjieg skont l-LFS huwa differenti mill-impjieg domestiku nazzjonali, peress li dan tal-aħħar ma jistabbilixxi l-ebda limitu fuq l-età jew it-tip ta’ unità domestika, u jinkludi wkoll il-popolazzjoni mhux residenti li tikkontribwixxi għall-PDG u koskritti f’servizz militari jew komunitarju.

Ħames artikli differenti dwar informazzjoni teknika u metodoloġika ddettaljata huma llinkjati mill-paġna tal-ħarsa ġenerali tal-Istħarriġ dwar il-forza tax-xogħol tal-UE.

Jekk jogħġbok innota li l-Eurostat jipprovdi żewġ settijiet ta’ indikaturi relatati mar-rata annwali ta’ impjieg, li għandhom għanijiet differenti u li f’xi każijiet huma differenti minn xulxin:

1) L-indikaturi ewlenin, li huma aġġustati staġjonalment. Dawn jinkludu l-indikaturi ewlenin taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 u konsegwentement jintużaw għall-monitoraġġ tal-miri tal-Ewropa 2020 (fil-livell tal-UE u dak nazzjonali). Dawn għandhom biss ftit analiżijiet u normalment jirreferu għall-grupp ta’ età ta' bejn 20 u 64 sena. Jekk jogħġbok innota li għal Franza, ġew ippubblikati żewġ serje: waħda minnhom tinkludi d-dipartimenti extra-Ewropej li tibda fl-2003, u waħda għal Franza metropolitana, li teskludi d-dipartimenti extra-Ewropej, li tibda fl-1992. Din tal-aħħar hija evalwata fl-istrateġija Ewropa 2020, u hija inkluża wkoll fl-aggregati rilevanti tal-UE u taż-żona tal-euro.

2) Ir-riżultati ddettaljati, li mhumiex aġġustati staġjonalment. Dawn għandhom numru kbir ta’ analiżijiet u għalhekk jistgħu jintużaw għal analiżi aktar dettaljata. Għal Franza, hija ppubblikata biss serje waħda ta’ data. Din is-serje tinkludi data għal Franza metropolitana sar-raba’ kwart tal-2013, u mill-2014 ’il quddiem, id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej ukoll.

Dan l-artiklu jippreżenta r-riżultati annwali għall-biċċa l-kbira tal-indikaturi mis-sett tal-“indikaturi ewlenin”.

Kunċetti ewlenin: Xi karatteristiċi ewlenin tal-impjiegi, kif definiti mil-LFS tal-UE, jinkludu:

  • impjegati huma definiti bħala dawk li jaħdmu għal impjegatur pubbliku jew privat u li jirċievu kumpens fil-forma ta’ pagi, salarji, ħlas skont ir-riżultati, jew ħlas in natura; il-membri mhux koskritti tal-forzi armati huma inklużi wkoll;
  • persuni li jaħdmu għal rashom jaħdmu fin-negozju, fl-azjenda agrikola jew fil-prattika professjonali tagħhom stess. Persuna li taħdem għal rasha titqies li qed taħdem tul il-ġimgħa ta’ referenza jekk tkun issodisfat wieħed mill-kriterji li ġejjin: tagħmel xogħol bi skop ta’ qligħ; tqatta’ l-ħin fuq it-tħaddim ta’ negozju; jew li bħalissa qed tistabbilixxi negozju;
  • id-distinzjoni bejn xogħol full-time u xogħol part-time hija ġeneralment ibbażata fuq rispons spontanju mir-rispondent. L-eċċezzjonijiet ewlenin huma n-Netherlands u l-Iżlanda għax japplikaw limitu ta’ 35 siegħa, l-Iżvezja għax tapplika limitu għal dawk li jaħdmu għal rashom, u n-Norveġja għax il-persuni li jaħdmu bejn it-32 u s-36 siegħa jintalbu jiddikjaraw jekk din hix pożizzjoni full-time jew part-time;
  • l-indikaturi għall-persuni impjegati li għandhom it-tieni impjieg jirreferu biss għal persuni b’aktar minn impjieg wieħed fl-istess ħin; il-persuni li jkunu biddlu impjieg tul il-ġimgħa ta’ referenza ma jitqisux li għandhom żewġ impjiegi;
  • impjegat huwa meqjus li għandu impjieg temporanju jekk l-impjegatur u l-impjegat jaqblu li t-tmiem tiegħu huwa ddeterminat minn kundizzjonijiet oġġettivi, bħal data speċifika, it-tlestija ta’ inkarigu, jew ir-ritorn ta’ impjegat li huwa temporanjament sostitwit. Fost il-każijiet tipiċi hemm: il-persuni b’impjieg staġjonali; il-persuni impjegati minn aġenzija jew bi skambju tal-impjieg u impjegati minn parti terza biex iwettqu kompitu speċifiku (sakemm ma jkunx hemm kuntratt tax-xogħol bil-miktub bi żmien mhux limitat); il-persuni b’kuntratti speċifiċi ta’ taħriġ.

Il-livell edukattiv jirreferi għal-livell edukattiv milħuq, jiġifieri l-ogħla livell edukattiv li jkun intemm b’suċċess. Il-livell edukattiv baxx jirreferi għal-livelli tal-ISCED 0-2 (inqas mill-edukazzjoni primarja, l-edukazzjoni primarja u l-edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell), il-livell medju jirreferi għal-livelli tal-ISCED 3 u 4 (l-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell u l-edukazzjoni postsekondarja mhux terzjarja) u l-edukazzjoni f’livell għoli tirreferi għal-livelli tal-ISCED 5-8 (l-edukazzjoni terzjarja).

Il-Gruppi Soċjoekonomiċi Ewropej (ESeG) huma klassifikazzjoni derivata li tippermetti r-raggruppament ta’ individwi b’karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u kulturali simili fl-Unjoni Ewropea kollha, ibbażata għalkollox fuq varjabbli soċjali ewlenin biex ikun żgurat li l-istħarriġ soċjali kollu li jipprovdi riżultati komparabbli, jintuża sew. Il-varjabbli soċjali ewlenin li jintużaw huma “l-Istatus tax-xogħol tal-ILO”, “l-Istatus fl-impjieg”, “l-Okkupazzjoni fl-impjieg” (skont l-ISCO-08) u “l-Istatus awtodikjarat tax-xogħol”. Għall-klassifikazzjoni dettaljata u noti ta’ spjegazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta paġna ESeG fuq is-server tal-klassifikazzjoni tal-Eurostat RAMON (bl-Ingliż).

Kuntest

L-istatistiċi dwar l-impjiegi jistgħu jintużaw għal għadd ta’ analiżijiet differenti, li jinkludu studji makroekonomiċi (li jħarsu lejn ix-xogħol bħala fattur ta’ produzzjoni), ta’ produttività jew ta’ kompetittività. Dawn jistgħu jintużaw ukoll biex tiġi studjata firxa ta’ aspetti soċjali u ta’ mġiba relatati mas-sitwazzjoni ta’ impjieg ta’ individwu, bħall-integrazzjoni soċjali tal-minoranzi, jew l-impjieg bħala sors tal-introjtu tal-unità domestika.

L-impjieg hu kemm indikatur strutturali kif ukoll indikatur għal żmien qasir. Bħala indikatur strutturali, dan jagħti informazzjoni dwar l-istruttura tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi ekonomiċi, kif imkejjel bil-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għax-xogħol, jew il-kwalità tal-impjiegi. Bħala indikatur fuq żmien qasir, l-impjieg isegwi ċ-ċiklu kummerċjali; madankollu, għandu limiti f’dan ir-rigward, peress li l-impjieg ħafna drabi jissejjaħ indikatur tardiv.

L-istatistika dwar l-impjiegi tinsab fil-qalba tal-politiki tal-UE. L-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi (EES) tnediet fis-summit tal-impjiegi fil-Lussemburgu f’Novembru 1997 u ġiet aġġornata fl-2005 biex tallinja aktar mill-qrib l-istrateġija tal-UE dwar l-impjiegi ma’ sett ta’ objettivi riveduti ta’ Lisbona, u f’Lulju 2008 ġew aġġornati l-linji gwida ta’ politika dwar l-impjiegi għall-perjodu 2008–2010. F’Marzu 2010, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; f’Ġunju 2010 din ġiet adottata formalment mill-Kunsill Ewropew. Il-Kunsill Ewropew qabel fuq ħames miri ewlenin; bl-ewwel mira li tiżdied ir-rata ta’ impjieg għan-nisa u għall-irġiel ta’ bejn l-20 u l-64 sena għal 75 % sal-2020. L-Istati Membri tal-UE jistgħu jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom stess fid-dawl ta’ dawn il-miri ewlenin u jfasslu programmi nazzjonali ta’ riforma li jinkludu l-azzjonijiet li beħsiebhom iwettqu biex jimplimentaw l-istrateġija. F’konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, l-EES tinkoraġġixxi miżuri li jgħinu biex jintlaħqu tliet miri ewlenin sal-2020, jiġifieri li:

- 75 % tal-persuni li għandhom bejn 20 u 64 sena jkunu qed jaħdmu;
- ir-rati tat-tluq bikri mill-iskola jonqsu taħt l-10 %, u li mill-inqas 40 % ta’ dawk li għandhom bejn 30 u 34 sena jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja;
- mill-inqas 20 miljun persuna inqas ikunu fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Il-pass kajman tal-irkupru mill-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-evidenza dejjem tikber taż-żieda fil-qgħad wasslu lill-Kummissjoni Ewropea biex fit-18 ta’ April 2012 tagħmel sett ta’ proposti għal miżuri biex tagħti spinta lill-impjiegi permezz ta’ pakkett dedikat dwar l-impjiegi. Dawn il-proposti, fost l-oħrajn, kienu mmirati lejn in-naħa tad-domanda għall-ħolqien tal-impjiegi, u biex jistabbilixxu modi għall-Istati Membri tal-UE li jħeġġu r-reklutaġġ billi jnaqqsu t-taxxi fuq ix-xogħol jew billi jappoġġjaw il-ftuħ ta’ negozji ġodda. Il-proposti kellhom l-għan ukoll li jidentifikaw oqsma ekonomiċi bil-potenzjal li joħolqu għadd konsiderevoli ta’ impjiegi, bħall-ekonomija ħadra, is-servizzi tas-saħħa u t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

F’Diċembru 2012, fid-dawl tal-qgħad għoli u li għadu qed jiżdied fost iż-żgħażagħ f’diversi Stati Membri tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Pakkett għall-impjieg taż-żgħażagħ (COM(2012) 727 final). Dan il-pakkett kien segwitu għall-azzjonijiet għaż-żgħażagħ li kienu ġew stabbiliti fil-pakkett usa’ tal-impjiegi, u għamel firxa ta’ proposti, li jinkludu:

  • li ż-żgħażagħ kollha sal-età ta’ 25 sena għandhom jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta joħorġu mill-edukazzjoni formali jew jisfaw qiegħda (garanzija għaż-żgħażagħ);
  • konsultazzjoni mas-sħab soċjali Ewropej dwar qafas ta’ kwalità għat-traineeships li jippermettu liż-żgħażagħ jiksbu esperjenza ta’ xogħol ta’ kwalità għolja f’kundizzjonijiet sikuri;
  • alleanza Ewropea għall-apprendistati biex itejbu l-kwalità u l-provvista tal-apprendistati disponibbli u jiddeskrivu modi kif jitnaqqsu l-ostakli għall-mobilità għaż-żgħażagħ.

L-isforzi biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ komplew fl-2013 hekk kif il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Inizjattiva favur l-impjieg għaż-żgħażagħ (COM(2013) 144 final) imfassla biex issaħħaħ u tħaffef il-miżuri deskritti fil-Pakkett għall-impjieg taż-żgħażagħ. Din kellha l-għan li tappoġġja, b’mod partikolari, liż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ f’reġjuni b’rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 25 %. Wara dan segwiet Komunikazzjoni oħra bl-isem ta’ “Naħdmu flimkien għaż-żgħażagħ tal-Ewropa – Sejħa għal azzjoni fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ” (COM(2013) 447 final) li kienet imfassla biex taċċellera l-implimentazzjoni tal-garanzija għaż-żgħażagħ u tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri tal-UE u lin-negozji sabiex ikunu jistgħu jirreklutaw aktar żgħażagħ.

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kulleġġ tal-Kummissarji li daħlu fil-kariga fl-2014 kienet li jagħtu importanza lit-tisħiħ tal-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, bl-għan li titnaqqas ir-regolamentazzjoni u jsir użu aktar intelliġenti tar-riżorsi finanzjarji u l-fondi pubbliċi eżistenti. Fi Frar 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat serje ta’ rapporti tal-pajjiżi, li janalizzaw il-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri tal-UE u jipprovdu informazzjoni dwar il-prijoritajiet tal-Istati Membri tal-UE għas-sena li ġejja sabiex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Fl-istess xahar, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ukoll li tagħmel EUR 1 biljun mill-Inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ disponibbli fl-2015, biex jiżdied sa 30 darba l-prefinanzjament li l-Istati Membri tal-UE jkunu jistgħu jirċievu biex jagħtu spinta lir-rati ta’ impjieg taż-żgħażagħ, bl-għan li jgħinu sa 650 000 żagħżugħ isibu xogħol.

F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa (bl-Ingliż) (COM(2016) 381/2) taħt l-intestatura “Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività”. Din hi maħsuba biex tiżgura li n-nies jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għall-preżent u għall-ġejjieni, biex tingħata spinta lill-impjegabbiltà, lill-kompetittività u lit-tkabbir fl-UE.

Aktar reċentement, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġie ffirmat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-politiki tal-impjiegi u soċjali huma l-oqsma ewlenin ta’ interess tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li għandu l-għan li jagħti drittijiet ġodda u aktar effettivi liċ-ċittadini. Dan għandu 3 kategoriji ewlenin: (1) Opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, (2) Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u (3) Protezzjoni u inklużjoni soċjali. B’mod partikolari, l-arranġamenti tal-lum għal xogħol aktar flessibbli jipprovdu opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi speċjalment għaż-żgħażagħ iżda jistgħu potenzjalment joħolqu prekarjetà u inugwaljanzi ġodda. Il-ħolqien ta’ Ewropa aktar ġusta u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tagħha huma prijorità ewlenija tal-Kummissjoni. Flimkien mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali qed tinhemeż “tabella ta’ valutazzjoni soċjali” li se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Pilastru billi ssegwi x-xejriet u l-prestazzjonijiet fost il-pajjiżi tal-UE fi 12-il qasam u tipprovdi tagħrif lis-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, it-tabella ta’ valutazzjoni se sservi wkoll biex jiġi vvalutat il-progress lejn “il-klassifikazzjoni soċjali AAA” għall-UE kollha kemm hi.

Aċċess dirett għal
Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Legislation
Viżwalizzazzjonijiet
Links esterni





LFS main indicators (t_lfsi)
Population, activity and inactivity - LFS adjusted series (t_lfsi_act)
Employment - LFS adjusted series (t_lfsi_emp)
Unemployment - LFS adjusted series (t_une)
LFS series - Detailed annual survey results (t_lfsa)
LFS series - Specific topics (t_lfst)
LFS main indicators (lfsi)
Employment and activity - LFS adjusted series (lfsi_emp)
Unemployment - LFS adjusted series (une)
Labour market transitions - LFS longitudinal data (lfsi_long)
LFS series - Detailed quarterly survey results (from 1998 onwards) (lfsq)
LFS series - Detailed annual survey results (lfsa)
LFS series - Specific topics (lfst)
LFS ad-hoc modules (lfso)

Pubblikazzjonijiet

ESMS metadata files and EU-LFS methodology