Statistika dwar il-prezz tal-elettriku

Aqbeż għal: navigazzjoni , fittex


L-estrazzjoni tad-data saret f’Mejju 2018.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Novembru 2019.

Punti ewlenin

Tul it-tieni nofs tal-2017, il-prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi fl-UE kienu l-ogħla fid-Danimarka u l-Ġermanja.

Tul it-tieni nofs tal-2017, il-prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet mhux domestiċi fl-UE kienu l-ogħla fl-Italja u l-Ġermanja.

Electricity prices for household consumers (taxes included), second half 2017 (EUR per kWh)

Dan l-artiklu jagħti ħarsa lejn l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi, kif ukoll għall-konsumaturi mhux domestiċi fl-Unjoni Ewropea (UE). Jinkludi wkoll data dwar prezzijiet mill-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Albanija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo [1], il-Moldova u l-Ukrajna.

Il-prezz tal-enerġija fl-UE jiddependi fuq medda ta’ kundizzjonijiet differenti ta’ provvista u domanda, inklużi s-sitwazzjoni ġeopolitika, it-taħlita enerġetika nazzjonali, id-diversifikazzjoni tal-importazzjoni, il-kostijiet tan-netwerk, il-kostijiet tal-ħarsien tal-ambjent, il-kundizzjonijiet tat-temp severi, jew il-livelli tas-sisa u t-tassazzjoni. Ta’ min jinnota li l-prezzijiet ippreżentati f’dan l-artiklu jinkludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT għall-konsumaturi domestiċi, iżda jeskludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT rimborsabbli għall-konsumaturi mhux domestiċi.

Artiklu sħiħ

Prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi

L-ogħla prezzijiet tal-elettriku fid-Danimarka u l-Ġermanja

It-Tabella 1 tippreżenta ħarsa ġenerali lejn il-prezzijiet tal-elettriku medji f’euro għal kull kilowatt fis-siegħa (EUR għal kull kWh) għall-aħħar tliet snin (it-tieni nofs ta’ kull sena).

Tabella 1: Prezzijiet tal-elettriku 2015-2017 (it-tieni semestru)
(EUR għal kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204) u (nrg_pc_205)

Għall- konsumaturi domestiċi (għall-finijiet ta’ dan l-artiklu ddefiniti bħala konsumaturi ta’ daqs medju b’konsum annwali fil-medda ta’ 2 500 kWh < konsum < 5 000 kWh), il-prezzijiet tal-elettriku tul it-tieni nofs tal-2017 fost l-Istati Membri tal-UE, kienu l-ogħla fil-Ġermanja (EUR 0.305 għal kull kWh), fid-Danimarka (EUR 0.301 għal kull kWh) u fil-Belġju (EUR 0.288 għal kull kWh); ara l-Figura 1. L-aktar prezzijiet tal-elettriku baxxi kienu fil-Bulgarija (EUR 0.098 għal kull kWh), fil-Litwanja (EUR 0.111 għal kull kWh) u fl-Ungerija (EUR 0.113 għal kull kWh). Il-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi fid-Danimarka u fil-Ġermanja kien aktar minn tliet darbiet ogħla mill-prezz fil-Bulgarija.

Figura 1: Prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi, it-tieni nofs tal-2017
(EUR għal kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)

Il-prezz medju tal-EU-28 — medja ponderata bl-użu tal-aktar data reċenti (2016) għall-kwantità ta’ konsum tal-elettriku mill-unitajiet domestiċi — kien ta’ EUR 0.205 għal kull kWh.

L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi fl-EU-28 mill-ewwel nofs tal-2008 huwa ppreżentat fil-Figura 2. Dawn il-prezzijiet żdiedu fl-2008, naqsu ftit fl-2009 u mbagħad żdiedu b’mod kontinwu mill-ewwel nofs tal-2010 sat-tieni nofs tal-2015. Fl-ewwel nofs tal-2016, il-prezzijiet naqsu u minn hemm ’il quddiem baqgħu stabbli.

Figura 2: L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi, l-EU-28 u ż-Żona tal-Euro, 2008-2017
(EUR għal kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)


Il-ponderazzjoni tat-taxxi u l-imposti tvarja ħafna bejn l-Istati Membri

Il-proporzjon tat-taxxi u l-imposti fil-prezz bl-imnut tal-elettriku ġenerali għall-konsumaturi domestiċi jidher fil-Figura 3. L-ammont relattiv ta’ kontribuzzjoni tat-taxxa fit-tieni nofs tal-2017 kien l-l-iżgħar f’Malta (4.8 %) fejn hi applikata rata baxxa tal-VAT għall-prezz bażiku u l-ebda taxxa oħra mhi imposta fuq il-konsumaturi domestiċi. L-ogħla taxxi kienu imposti fid-Danimarka fejn 69.4 % tal-prezz finali kien magħmul minn taxxi u imposti.

Figura 3: Is-sehem tat-taxxi u l-imposti mħallas mill-konsumaturi domestiċi, it-tieni nofs tal-2017
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)

L-akbar tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku fl-Italja, fil-Kroazja u fil-Litwanja

Il-Figura 4 turi l-bidla fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi inklużi t-taxxi kollha u l-VAT f’termini tal-munita nazzjonali bejn it-tieni nofs tal-2016 u t-tieni nofs tal-2017; dawn il-prezzijiet waqgħu fi 13 mill-Istati Membri tal-UE tul il-perjodu meqjus. L-ogħla żieda fil-prezzijiet ġiet osservata f’Ċipru (12.6 %), filwaqt li l-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi waqa’ notevolment fl-Italja (-11.1 %) u fil-Kroazja (-7.5 %).

Figura 4: Il-bidla fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, l-istess semestru, it-tieni nofs tal-2017
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)

Prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux domestiċi

Il-prezzijiet tal-elettriku l-ogħla fl-Italja u fil-Ġermanja

Għall-konsumaturi mhux domestiċi (għall-finijiet ta’ dan l-artiklu ddefiniti bħala konsumaturi ta’ daqs medju b’konsum annwali fil-medda ta’ 500 MWh < konsum < 2 000 MWh), il-prezzijiet tal-elettriku tul it-tieni nofs tal-2017 fost l-Istati Membri tal-UE kienu l-ogħla fl-Italja u fil-Ġermanja (ara l-Figura 5). Il-prezz medju tal-EU-28 — medja ponderata bl-użu tal-aktar data nazzjonali reċenti (2016) għall-kwantità ta’ konsum mill-konsumaturi mhux domestiċi — kien ta’ EUR 0.112 għal kull kWh.

Figura 5: Il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux domestiċi, it-tieni nofs tal-2017
(EUR għal kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux domestiċi fl-EU-28 mill-ewwel nofs tal-2008 jidher fil-Figura 6. Dawn il-prezzijiet żdiedu fl-2008 u tul l-ewwel nofs tal-2009, naqsu tul it-tieni nofs tal-2009 u reġgħu żdiedu kull nofs tas-sena sal-ewwel nofs tal-2013. Fit-tieni nofs tal-2013, il-prezz medju waqa’ kemxejn, qabel ma reġa’ żdied b’mod pjuttost sostanzjali (4.3 %) fl-ewwel nofs tal-2014 sakemm laħaq l-ogħla livell ta’ EUR 0.123 għal kull kWh. Bejn it-tieni nofs tal-2014 u t-tieni nofs tal-2016, ġiet osservata tendenza ta’ tnaqqis. Tul l-ewwel nofs tal-2017, setgħet tiġi osservata żieda żgħira ta’ anqas minn 1 % meta mqabbla mat-tieni nofs tal-2016, iżda l-prezz reġa’ naqas fit-tieni nofs tal-2017.

Figura 6: L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux domestiċi, l-EU-28 u ż-Żona tal-Euro, 2008-2017
(EUR għal kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

Proporzjon ta’ taxxi u imposti mhux rekuperabbli fi prezzijiet tal-elettriku

Il-proporzjon ta’ taxxi u imposti mhux rekuperabbli fil-prezzijiet tal-elettriku ġenerali għall-konsumaturi mhux domestiċi huwa ppreżentat fil-Figura 7. Fit-tieni nofs tal-2017, l-ogħla sehem ta’ taxxi kien impost fid-Danimarka, fejn it-taxxi u l-imposti mhux rekuperabbli kienu jiffurmaw 72.3 % tal-prezz totali.

Figura 7: Is-sehem tat-taxxi u l-imposti mhux rekuperabbli mħallas mill-konsumaturi mhux domestiċi, it-tieni nofs tal-2017
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux domestiċi

Il-Figura 8 turi l-bidla fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux domestiċi, inklużi t-taxxi u l-imposti kollha li mhumiex rekuperabbli f’termini tal-munita nazzjonali bejn it-tieni nofs tal-2016 u t-tieni nofs tal-2017; dawn il-prezzijiet waqgħu tul dan il-perjodu f’16 mill-Istati Membri tal-UE. L-ogħla żidiet fil-prezzijiet ġew osservati f’Ċipru (7.5 %) u fil-Greċja (6.7 %), filwaqt li fir-Repubblika Ċeka, il-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi mhux domestiċi naqas b’7.1 %.

Figura 8: Il-bidla fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux domestiċi meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, l-istess semestru, it-tieni nofs tal-2017
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

Sorsi tad-data

Id-definizzjoni ta’ konsumaturi domestiċi

Tul dan l-artiklu, ir-referenzi għall-konsumaturi domestiċi huma marbutin mal-faxxa tal-konsum standard medju ta’ unità domestika b’konsum tal-elettriku annwali bejn 2 500 u 5 000 kWh. Iċ-ċifri kollha huma prezzijiet bl-imnut tal-konsumatur u jinkludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT.

Ta’ min jinnota li l-paragun bejn il-prezzijiet tal-2016 u l-2017 isir ma’ prezzijiet f’muniti nazzjonali sabiex tiġi eskluża l-influwenza tal-bidliet fir-rati tal-kambju bejn il-muniti nazzjonali u l-euro għall-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi li mhumiex membri u li ma jużawx l-euro.

Id-definizzjoni ta’ konsumaturi mhux domestiċi

Tul dan l-artiklu, ir-referenzi għall-konsumaturi mhux domestiċi huma marbutin mal-faxxa tal-konsum standard medju ta’ unitajiet mhux domestiċi b’konsum tal-elettriku annwali bejn 500 u 2 000 MWh. F’dan l-artiklu, il-prezzijiet ippreżentati jikkorrispondu għall-prezz bażiku għall-produzzjoni tal-elettriku u l-kostijiet tan-netwerk, inklużi t-taxxi u l-imposti kollha li mhumiex rekuperabbli.

Metodoloġija

Minħabba bidla fil-metodoloġija mill-2007 ’il quddiem, hemm waqfa fis-serje u għalhekk hija disponibbli biss serje kronoloġika relattivament qasira. Madankollu, anki f’dan il-perjodu ta’ żmien relattivament qasir, il-prezzijiet tal-elettriku ffluttwaw konsiderevolment.

Fl-2016, daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2016/1952 li jiddefinixxi l-obbligu tal-ġbir u d-disseminazzjoni tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi u għall-konsumaturi mhux domestiċi. Sa Jannar 2017, id-data dwar il-prezzijiet għas-settur tal-unitajiet domestiċi kienet tingħata mill-awtoritajiet ta’ rapportar fuq bażi volontarja. Sal-2016, id-dominju tal-konsumaturi mhux domestiċi kien iddefinit bħala konsumaturi industrijali, iżda l-awtoritajiet ta’ rapportar setgħu jinkludu konsumaturi mhux domestiċi oħrajn. Bl-introduzzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1952, id-definizzjoni nbidlet minn konsumaturi industrijali għal konsumaturi mhux domestiċi sabiex ikun hemm metodoloġija unika għall-pajjiżi ta’ rapportar kollha.

It-tariffi jew l-iskemi tal-prezzijiet tal-elettriku jvarjaw minn fornitur għal ieħor. Dawn jistgħu jirriżultaw minn kuntratti nnegozjati, speċjalment għal konsumaturi mhux domestiċi kbar. Għall-konsumaturi iżgħar, ġeneralment jiġu stabbiliti skont l-ammont ta’ elettriku kkonsmat flimkien ma’ għadd ta’ karatteristiċi oħrajn; ħafna mit-tariffi jinkludu wkoll xi forma ta’ ħlas fiss. Għaldaqstant, ma jeżistix prezz uniku għall-elettriku. Sabiex jiġu mqabbla l-prezzijiet tul iż-żmien u bejn l-Istati Membri tal-UE, dan l-artiklu juri l-informazzjoni għall-faxex ta’ konsum għall-konsumaturi domestiċi u għall-konsumaturi mhux domestiċi. B’kollox jeżistu ħames tipi differenti ta’ unitajiet domestiċi li għalihom jinġabru l-prezzijiet tal-elettriku li jsegwu faxex ta’ konsum annwali differenti. Fost il-konsumaturi mhux domestiċi, il-prezzijiet tal-elettriku jinġabru għal total ta’ seba’ tipi ta’ utenti differenti.

Il-prezzijiet miġburin ikopru prezzijiet medji tul perjodu ta’ sitt xhur (nofs sena jew semestru) minn Jannar sa Ġunju (l-ewwel nofs jew semestru 1) u minn Lulju sa Diċembru (it-tieni nofs jew semestru 2) ta’ kull sena. Il-prezzijiet jinkludu l-prezz bażiku tal-elettriku, il-ħlasijiet tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, il-kiri tal-arloġġ u servizzi oħrajn. Il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi li huma ppreżentati jinkludu t-taxxi, l-imposti, l-imposti mhux relatati mat-taxxa, it-tariffi u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) billi dan ġeneralment jirrifletti l-prezz finali mħallas mill-konsumaturi domestiċi. Minħabba li l-konsumaturi mhux domestiċi ġeneralment ikunu jistgħu jirkupraw il-VAT u xi taxxi oħrajn, il-prezzijiet għall-intrapriżi jidhru mingħajr il-VAT u taxxi/imposti/tariffi oħrajn. L-unità għall-prezzijiet tal-elettriku hija dik ta’ euro għal kull kilowatt fis-siegħa (EUR għal kull kWh).

Kuntest

Il-prezz u l-affidabbiltà tal-provvisti tal-enerġija, b’mod partikolari l-elettriku, huma elementi prinċipali fl-istrateġija tal-provvista tal-enerġija ta’ pajjiż. Il-prezzijiet tal-elettriku huma ta’ importanza partikolari għall-kompetittività internazzjonali, minħabba li l-elettriku ġeneralment jirrappreżenta proporzjon sinifikanti tal-kostijiet tal-enerġija totali għal negozji industrijali u dawk li jipprovdu servizz. B’kuntrast mal-prezz tal-fjuwils fossili, li ġeneralment jiġu nnegozjati fi swieq globali bi prezzijiet relattivament uniformi, fl-Istati Membri tal-UE hemm medda wiesgħa ta’ prezzijiet għall-elettriku. Sa ċertu punt, il-prezz tal-elettriku huwa influwenzat mill-prezz tal-fjuwils primarji u, reċentement, mill-kost taċ-ċertifikati tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2).

Dawn il-kwistjonijiet issemmew f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Niffaċċjaw l-isfida ta’ prezzijiet taż-żejt aktar għoljin (KUMM(2008) 384), li stiednet lill-UE sabiex issir aktar effiċjenti fl-użu tagħha tal-enerġija u anqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili — b’mod partikolari, billi ssegwi l-approċċ stabbilit fil-pakkett dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli.

L-UE ilha taħdem sabiex tilliberalizza s-swieq tal-elettriku u tal-gass mit-tieni nofs tad-disgħinijiet. Id-Direttivi li ġew adottati fl-2003 stabbilixxew regoli komuni għas-swieq interni għall-elettriku u l-gass naturali. Ġew stabbiliti skadenzi għall-ftuħ tas-swieq u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-fornitur tagħhom: mill-1 ta’ Lulju 2004 għall-klijenti tan-negozju u mill-1 ta’ Lulju 2007 għall-konsumaturi kollha (inklużi l-unitajiet domestiċi). Xi Stati Membri tal-UE antiċipaw il-proċess ta’ liberalizzazzjoni, filwaqt li oħrajn damu ħafna iktar biex adottaw il-miżuri neċessarji. Tabilħaqq, f’ħafna swieq tal-elettriku u tal-gass naturali għadhom jeżistu ostakoli sinifikanti għad-dħul, kif jidher mill-għadd ta’ swieq li għadhom iddominati minn (kważi) monopolju tal-fornituri. F’Lulju 2009, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw [it-tielet pakkett ta’ proposti leġiżlattivi http://ec.europa.eu/energy/node/50] (bl-Ingliż) bl-għan li jiġu żgurati l-għażla reali u effettiva ta’ fornituri, kif ukoll il-benefiċċji għall-klijenti. Huwa mifhum li iktar trasparenza fil-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku għandha tgħin fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta, billi tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jagħżlu bejn sorsi tal-enerġija differenti (żejt, faħam, gass naturali u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli) u fornituri differenti. It-trasparenza fil-prezz tal-enerġija tista’ tkun aktar effettiva permezz tal-pubblikazzjoni u tax-xandir fuq livell kemm jista’ jkun wiesa’ tal-prezzijiet u tas-sistemi tal-ipprezzar.

Aċċess dirett għal
Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Legislation
Viżwalizzazzjonijiet
Links esterni






Energy Statistics - prices (t_nrg_price) (bl-Ingliż)
Electricity prices by type of user (ten00117) (bl-Ingliż)


Energy Statistics - prices of natural gas and electricity (nrg_price) (bl-Ingliż)
Energy statistics - natural gas and electricity prices (from 2007 onwards) (nrg_pc) (bl-Ingliż)
Energy statistics - natural gas and electricity prices (until 2007) (nrg_pc_h) (bl-Ingliż)


Noti

  1. Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.