Statistika dwar il-kriminalità

Aqbeż għal: navigazzjoni , fittex

Id-data ġiet estratta f’Lulju 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Jannar 2021

Il-verżjoni Ingliża hija aktar riċenti.

Punti ewlenin


Is-serq naqas bi 30 % fl-UE bejn l-2012 u l-2017.
Saru 4,300 omiċidju intenzjonat u 589,000 agressjoni fl-UE fl-2017.

Serq ta’ vetturi tal-art bil-mutur, EU27, 2008-2017

L-istatistika ppreżentata f’dan l-artiklu hi bbażata fuq ċifri uffiċjali dwar ir-reati (l-atti kriminali) irreġistrati mill-pulizija fl-Ewropa bejn l-2008 u l-2017. Ir-riżultati jkopru l-Unjoni Ewropea (l-UE), ir-Renju Unit, u parzjalment il-pajjiżi tal-EFTA, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali. Id-data għar-Renju Unit hi ppreżentata b’mod separat għall-Ingilterra u Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja minħabba ġurisdizzjonijiet differenti.


Artiklu sħiħ

Is-serq naqas bi 30 % bejn l-2012 u l-2017

Bejn l-2012 u l-2017, is-serq irreġistrat mill-pulizija fl-UE naqas bi 30.3 %, għal madwar 317,000. B’kuntrast ma’ dan, kien hemm żieda ta’ 8.8 % bejn l-2008 u l-2012, il-punt għoli tul il-perjodu 2008-2017, kif turi l-Grafika 1. Bejn l-2016 u l-2017, it-total tal-UE naqas bi 22,000, l-Irlanda, Ċipru, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Iżvezja biss kellhom xi żidiet (f’daqqa, żieda ta’ 266 serqa).

il-Grafika 1: Serq (reati rreġistrati mill-pulizija), EU27, 2008-2017
(l-għadd ta’ reati)
Sors: il-Eurostat (crim_off_cat)

Il-Grafika 2 turi s-serq irreġistrat mill-pulizija meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni (l-għadd ta’ reati għal kull mitt elf abitant). Fl-2017, l-akbar rati kienu tal-Belġju (167), ta’ Franza (150), ta’ Spanja (144), u tal-Portugall (115), filwaqt li l-inqas rati kienu tar-Rumanija (16), tal-Estonja u ċ-Ċekja (it-tnejn 15), ta’ Ċipru (14), tas-Slovenja (12), kif ukoll tas-Slovakkja u l-Ungerija (it-tnejn 9). Fir-Renju Unit, ir-rata kienet l-ogħla fl-Ingilterra u f’Wales (132). Fost il-pajjiżi tal-EFTA, l-Iżvizzera kellha l-akbar rata ta’ serqiet irreġistrati mill-pulizija: 21 serqa għal kull 100,000 abitant.

il-Grafika 2: Serq, 2017
(reati rreġistrati mill-pulizija għal kull mitt elf abitant)
Sors: il-Eurostat (crim_off_cat)

4,300 omiċidju intenzjonat fl-UE fl-2017

Kien hemm madwar 4,300 omiċidju intenzjonat li ġew irreġistrati mill-pulizija fl-UE fl-2017 (mingħajr id-data tan-Netherlands), kien hemm tnaqqis ta’ 22 % mill-2008. It-Tabella 1 turi ċ-ċifri rappurtati skont il-pajjiż.

it-Tabella 1: Omiċidji intenzjonati, 2008-2017
(l-għadd ta’ reati rreġistrati mill-pulizija)
Sors: il-Eurostat (crim_off_cat)

Il-Grafika 3 turi l-omiċidji intenzjonati meta mqabbla mad-daqs tal-popolazzjoni (reati rreġistrati mill-pulizija għal kull mitt elf abitant). Fl-2017, l-akbar ċifri kienu tal-Latvja (5.6), il-Litwanja (4.0), l-Estonja (2.2) u Malta (2.0), u l-inqas ċifri kienu taċ-Ċekja u l-Italja (it-tnejn 0.6) kif ukoll il-Lussemburgu (0.3).

il-Grafika 3: Omiċidji intenzjonati, 2017
(reati rreġistrati mill-pulizija għal kull mitt elf abitant)
Sors: il-Eurostat (crim_off_cat)

589,000 agressjoni fl-UE fl-2017

Fl-UE, l-aggressjonijiet irreġistrati mill-pulizija kienu madwar 589,000 fl-2017. Kif turi l-Grafika 4, ix-xejra kienet qed tonqos b’mod ġenerali bejn l-2010 u l-2017. Iżda għandu jiġi nnutat li t-totali tal-UE għall-2016 u għall-2017 huma parzjalment ibbażati fuq ċifri preċedenti. Franza ma rrappurtatx għall-2017 u l-Ungerija ma rrappurtatx għall-2016-2017. Fi Franza kien hemm xejra ’l fuq minn 232,000 fl-2010 għal 243,000 fl-2016. Iċ-ċifri rappurtati għall-Ungerija juru tnaqqis, minn 14,600 fl-2010 għal 12,500 fl-2015.

L-għadd ta’ aggressjonijiet irreġistrati mill-pulizija jvarja ġmielu fost il-pajjiżi tal-UE, anke meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni. Minħabba differenzi fil-liġijiet, fir-rata tar-rappurtar u fil-prattiki tar-reġistrazzjoni qed jiġu affettwati l-paraguni. Ngħidu aħna, minbarra l-aggressjonijiet serji, uħud miċ-ċifri nazzjonali jinkludu theddidiet, aggressjonijiet minuri, aggressjonijiet letali (omiċidji kolpevoli, omiċidji volontarji, eċċ.) jew aggressjonijiet sesswali (li ħafna drabi jingħaddu b’mod separat).

il-Grafika 4: Aggressjonijiet, EU27, 2010-2017
(l-għadd ta’ reati rreġistrati mill-pulizija)
Sors: il-Eurostat (crim_off_cat)

insterqu 573,000 vettura fl-UE fl-2017

Fl-UE kien hemm madwar 573,000 serqa ta’ vetturi rreġistrati mill-pulizija fl-2017, tnaqqis ta’ 35 % meta mqabbel mal-2008. Kif turi l-Grafika 5, fl-UE kien hemm xejra ’l isfel bejn l-2008 u l-2017. Iżda l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, il-Latvja, Malta, u r-Rumanija kellhom żieda fis-serq ta’ vetturi rreġistrati mill-pulizija bejn l-2016 u l-2017. Għall-Belġju, Franza, il-Lussemburgu u l-Ungerija, iċ-ċifri tal-2017 għadhom ma ġewx rappurtati.

il-Grafika 5: Serq ta’ vetturi tal-art bil-mutur, EU27, 2008-2017
(l-għadd ta’ reati rreġistrati mill-pulizija)
Sors: il-Eurostat (crim_off_cat)

Meta mqabbla mad-daqs tal-popolazzjoni, iċ-ċifri kienu l-akbar fil-Lussemburgu (328), fil-Greċja (269), fl-Italja (257), fl-Iżvezja (256), fi Franza (247) u fiċ-Ċekja (238), għas-serqiet ta’ vetturi rreġistrati mill-pulizija għal kull mitt elf abitant (medja għall-2015-2017). L-inqas ċifri fl-UE kienu tas-Slovakkja u l-Estonja (it-tnejn 31), tal-Kroazja (20), tar-Rumanija (15) u tad-Danimarka (4). Fost il-pajjiżi tal-EFTA, l-Iżlanda kellha l-akbar ċifra, 138 serqa ta’ vetturi għal kull 100,000 abitant.

Ġeneralment, iċ-ċifri jinkludu s-serq ta’ muturi, karozzi tal-passiġġieri, karozzi tal-linja, kowċijiet, trakkijiet, buldowżers u l-bqija, iżda l-prattiki tar-rappurtar u tar-reġistrazzjoni jvarjaw u jaffettwaw it-tqabbil bejn il-pajjiżi u s-snin.

il-Grafika 6: Serq ta’ vetturi tal-art bil-mutur, il-medja għall-2015-2017
(reati rreġistrati mill-pulizija għal kull mitt elf abitant)
Sors: il-Eurostat (crim_off_cat)

Sors tad-data għat-tabelli u l-graffs

Excel.jpg Statistika dwar il-kriminalità: tabelli u grafiki

Sorsi tad-data

Is-sorsi tad-data għall-istatistika dwar il-kriminalità u s-sistemi tal-ġustizzja kriminali jinkludu l-pulizija u aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi, il-prosekuturi pubbliċi, il-qrati tal-liġi, il-ħabsijiet, il-Ministeri rilevanti, u l-uffiċċji tal-istatistika. L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli miċ-ċifri uffiċjali li jintbagħtu lill-Eurostat u lill-Istħarriġ tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ix-Xejriet tal-Kriminalità u dwar l-Operazzjonijiet ta’ Sistemi tal-Ġustizzja Kriminali.

Dan l-artiklu jippreżenta riżultati bbażati fuq ċifri uffiċjali għar-reati (l-atti kriminali) irreġistrati mill-pulizija bejn l-2008 u l-2017. Għall-1950-1992, hemm statistika sommarja dwar il-kriminalità, u speċifikata skont ir-reat kriminali għall-1993-2007.

Il-Eurostat jaġġorna l-bażi tad-data fuq l-internet meta l-pajjiżi jibagħtu ċifri ġodda, li jaf ikunu differenti miċ-ċifri ppreżentati f’verżjonijiet ta’ qabel ta’ artikli fuq l-internet bħal din.

Problema ewlenija partikolari għall-istatistika dwar il-kriminalità fil-livell Ewropew hi li xi ċifri nazzjonali huma neqsin. Bosta totali tal-UE f’dan l-artiklu ġew aġġustati minħabba xi ċifri neqsin sporadiċi. Pereżempju, jekk iċ-ċifra tal-2017 kienet nieqsa, dan il-pajjiż juża ċ-ċifra għall-2016 għall-istess reat kriminali. Xi darbi, ċifra nieqsa nbidlet b’medja taċ-ċifra tas-sena ta’ qabel u taċ-ċifra tas-sena ta’ wara. Metodu ieħor li jindirizza d-data nieqsa hu t-tqabbil tal-medji ta’ tliet snin. Għal ċerti reati kriminali, hemm wisq data nieqsa. Bażi tad-data fuq l-internet li tinkludi ċifri kif irrappurtati (mingħajr aġġustament).

Rigward l-omiċidji intenzjonati, l-istupri u l-aggressjonijiet sesswali, hemm disponibbli aktar data dwar il-vittmi, is-suspettati, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni, u dwar il-priġunieri.

Sit web tan-NU tippreżenta statistika dinjija dwar l-omiċidji.

Kuntest

L-istatistika dwar il-kriminalità jużawha l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali, il-midja, il-politiċi, l-organizzazzjonijiet u l-pubbliku. L-ispeċifikazzjonijiet internazzjonali għall-istatistika dwar il-kriminalità jkopru biss reati kriminali partikolari. Kull Stat jistabbilixxi l-liġijiet kriminali tiegħu, jiddefinixxi r-reati kriminali, il-proċeduri legali u r-reazzjonijiet ġustizzjarji, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet għall-istatistika uffiċjali dwar il-kriminalità. Minħabba f’hekk, l-istatistika dwar il-kriminalità ħafna drabi tkun inqas komparabbli bejn l-Istati mill-istatistika bi speċifikazzjonijiet internazzjonali.

Minkejja l-bosta liġijiet kriminali differenti tagħhom, jista’ jiġi argumentat ukoll li hemm ħafna xebh bejn il-pajjiżi Ewropej. Dan kollu, flimkien mal-interess pubbliku u politiku, kien il-kuntest biex inħolqot statistika dwar il-kriminalità fl-UE kollha. Tul l-aħħar għaxar snin, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u n-Nazzjonijiet Uniti kkoperaw flimkien biex itejbu l-istatistika Ewropea dwar il-kriminalità. Il-kwalità titjieb bil-bosta jekk tintuża klassifikazzjoni komuni tar-reati kriminali.

L-istatistika dwar il-kriminalità uffiċjali prinċipalment tirrifletti kif l-awtoritajiet jirreġistraw u jittrattaw il-każijiet. Iċ-ċifri jagħtuhom l-awtoritajiet nazzjonali, fosthom il-pulizija, il-prosekuzzjoni, il-qrati u l-ħabsijiet. Minn fosthom, iċ-ċifri tal-pulizija jagħtu l-aktar stampa wiesgħa għax jinkludu r-reati rreġistrati, kemm jekk iwasslu għal prosekuzzjoni kif ukoll jekk le. Iżda r-rekords tal-pulizija xorta ma jkejlux l-okkorrenza totali tal-kriminalità. Fi kliem sempliċi, l-okkorrenza totali hi dawk rappurtati u dawk li ma ġewx rappurtati, iżda mingħajr dawk li ġew rappurtati b’mod skorrett. Hu ġust li wieħed jassumi li r-rata tar-rappurtar hi ogħla meta jkun hemm bżonn rekord tal-pulizija biex tiġi appoġġata talba tal-assigurazzjoni (eż. serq ta’ vetturi u serq ieħor).

Aċċess dirett għal
Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Legislation
Viżwalizzazzjonijiet
Links esterni