Statistika dwal l-ażil

Aqbeż għal: navigazzjoni , fittex


Id-data estratta fis-16 ta’ Marzu 2020 u fis-26 ta’ Mejju 2020 (partijiet dwar l-applikazzjonijiet minn minorenni mhux akkumpanjati u deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-ażil).

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Lulju 2021.

Punti ewlenin
Fl-2019, kien hemm 612 700 applikant għall-ażil li applikaw għal protezzjoni internazzjonali għall-ewwel darba fl-Istati Membri tal-EU-27.
Sirjani, Afgani u Venezwelani– iċ-ċittadinanzi ewlenin tal-applikanti għall-ażil fl-EU-27 fl-2019.
Fl-2019, 38 % tad-deċiżjonijiet dwar l-ażil tal-ewwel istanza tal-EU-27 irriżultaw f’eżiti pożittivi.

Għadd ta’ applikanti għall-ażil (ċittadini mhux tal-EU-27), EU-27, 2008-2019

Dan l-artiklu jiddeskrivi l-iżviluppi riċenti rigward l-għadd ta’applikanti għall-ażil u d-deċiżjonijiet dwarl-applikazzjonijiet għall-ażilfl- Unjoni Ewropea (UE). L-ażil huwa forma ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija minn Stat fit-territorju tiegħu. Dan jingħata lil persuna li ma tkunx tista’ tfittex il-protezzjoni fil-pajjiż taċ-ċittadinanza u/jew tar-residenza tagħha, b’mod partikolari minħabba biża’ ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika.


Artiklu sħiħ

Għadd ta’ applikanti għall-ażil: żieda fl-2019

Il-ħtieġa li wieħed ifittex protezzjoni internazzjonali hija waħda mir-raġunijiet ewlenin li ġġiegħel lin-nies li jaqsmu l-fruntieri. Minn kif jidher fil-Figura 1, bejn l-2008 u l-2012, kien hemm żieda gradwali fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil fi ħdan l-EU-27, li warajha l-għadd ta’ persuni li jfittxu l-ażil kiber b’pass iktar mgħaġġel, b’400 500 applikazzjoni fl-2013, 594 200 fl-2014 u madwar 1.3 miljun fl-2015. Fl-2016 l-għadd baqa’ stabbli għal madwar 1.2 miljun. Fl-2017, l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ra tnaqqis sinifikanti ta’ 44.5 % meta mqabbel mal-2016, u kompla b’dik it-tendenza ta’ tnaqqis anki fl-2018.

Fl-2019, 676 300 persuna li tfittex l-ażil applikaw għall-protezzjoni internazzjonali fis-27 Stat Membru attwali tal-Unjoni Ewropea (EU-27), żieda ta’ 11.2 % meta mqabbel mal-2018. Din kienet l-ewwel darba li l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil żdiedu minn sena għall-oħra mill-2015.

Figura 1: Għadd ta’ applikanti għall-ażil (mhux ċittadini tal-EU-27), EU-27, 2008-2019
Sors: Eurostat (migr_asyappctza)

Applikanti għall-ewwel darba: 612 700 fl-2019

In-numru ta’ applikanti għall-ażil għall-ewwel darba fl-EU-27 [1] fl-2019 kien 612 700. Persuna li tapplika għal protezzjoni internazzjonali għall-ewwel darba hija persuna li tressaq applikazzjoni għall-ażil għall-ewwel darba fi Stat Membru tal-UE partikolari u, għalhekk, teskludi applikanti b’diversi applikazzjonijiet (f’dak l-Istat Membru) u b’hekk tirrifletti b’mod aktar preċiż in-numru ta’ persuni li jkunu għadhom kif waslu u li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li jirrapporta. L-għadd ta’ applikanti ripetuti (persuni li ressqu iktar minn applikazzjoni waħda) fl-EU-27 fl-2019 kien 63 600, li jirrappreżenta 9.4% tal-għadd totali tal-applikanti.

Din iċ-ċifra l-aktar riċenti għall-2019 uriet tnaqqis ta’ 63 700 persuna li applikaw għall-ewwel darba fl-EU-27 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, (minn 549 000 fl-2018 għal 612 700 fl-2019). Il-kontribuzzjonijiet ewlenin għal din iż-żieda kienu n-numri aktar għoljin ta’ applikanti mill-Venezwela, mill-Kolombja u mill-Afganistan (ara l-Figura 2).

Figura 2: Ċittadini ta’ applikanti għall-ażil għall-ewwel darba (mhux ċittadini tal-EU-27), EU-27, 2018 u 2019
(eluf)
Sors: Eurostat (migr_asyappctza)

Ċittadinanza ta’ applikanti għall-ewwel darba: l-akbar għadd mis-Sirja, mill-Afganistan u mill-Venezwela

Mill-2013, is-Sirja għadha l-pajjiż ewlieni għaċ-ċittadinanza ta’ persuni li jfittxu ażil fl-EU-27. Fl-2019, in-numru ta’ persuni Sirjani li applikaw għall-ażil għall-ewwel darba fl-EU-27 naqas għal 74 400 minn 80 000 fl-2018, filwaqt li s-sehem ta’ Sirjani mit-total tal-EU-27 naqas minn 14.6 % għal 12.1 %.

L-Afgani kienu jikkostitwixxu 8.6 % tan-numru totali ta’ persuni li applikaw għall-ażil u l-Venezwelani kienu jikkostitwixxu 7.3 %, filwaqt li l-Kolombjani u l-Iraqqini kienu jikkostitwixxu 5.2 % u 4.4 %, rispettivament.

Fost il-gruppi l-iktar numerużi ta’ ċittadinanzi ta’ applikanti għall-ażil għall-ewwel darba fl-EU-27 fl-2019, l-iktar żieda sostanzjali fl-għadd ta’ applikazzjonijiet, meta mqabbel mal-2018, ġiet irreġistrata għaċ-ċittadini tal-Venezwela (22 600 applikazzjonijiet iktar, jew +101.9 %), segwiti miċ-ċittadini tal-Kolombja (21 800 iktar, jew +216.7 %) u tal-Afganistan (13 600 iktar, jew +34.8 %). L-ikbar tnaqqis fl-għadd ta’ applikanti ġie osservat fiċ-ċittadini tal-Iraq (9 500 inqas, jew -26.2 %) u tas-Sirja (5 700 inqas, jew -7.1 %) [2].

Pajjiżi ewlenin tad-destinazzjoni: Il-Ġermanja, Franza u Spanja

B’142 400 applikant irreġistrati fl-2019, il-Ġermanja kienet tikkostitwixxi 23.3 % tal-applikanti kollha għall-ewwel darba fl-EU-27. Kienet segwita minn Franza (119 900, jew 19.6 %), Spanja (115 200, jew 18.8 %), qabel il-Greċja (74 900, jew 12.2 %) u l-Italja(35 000, jew 5.7 %).

Fost l-Istati Membri b’iktar minn 5 000 persuni jfittxu l-ażil għall-ewwel darba fl-2019, l-għadd ta’ applikanti għall-ewwel darba żdied f’termini relattivi meta mqabbel mas-sena preċedenti fi Spanja (+118.4 %, jew 62 400 applikanti għall-ażil għall-ewwel darba iktar fl-2019 milli fl-2018), Ċipru (+66.8 %, jew 5 100 iktar), qabel l-Iżvezja (+27.9 %, or 5 000 iktar), il-Belġju (+27.4 %, jew 5 000 iktar), il-Greċja (+15.3 %, jew 9 900 iktar), in-Netherlands (+9.9 %, jew 2 000 iktar) u Franza (+7.6 %, jew 8 500 iktar). B’kuntrat, l-ikbar tnaqqis relattiv ġie rreġistrat fl-Italja (-34.5 %, jew 18 400 inqas), fil-Ġermanja (-12.0 %, jew 19 400 inqas) u fl-Awstrija (-7.0 %, jew 800 inqas), ara l-Figura 3.

Figura 3: Għadd ta’ applikanti għall-ażil għall-ewwel darba (mhux ċittadini tal-EU-27), 2018 u 2019
(eluf)
Sors: Eurostat (migr_asyappctza)

It-Tabella 1 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-akbar ħames gruppi ta’ persuni li applikaw għall-ażil għall-ewwel darba (skont iċ-ċittadinanza) f’kull wieħed mill-pajjiżi tal-EU-27, ir-Renju Unit u l-pajjiżi tal-EFTA. Is-Sirjani kienu jikkostitwixxu l-ikbar għadd ta’ applikanti f’sebgħa mis-27 Stat Membru tal-UE, inkluż 39 300 applikant fil-Ġermanja. Xi 40 300 Venezwelani (l-ogħla numru ta’ applikanti minn pajjiż wieħed lejn wieħed mill-Istati Membri tal-EU-27 fl-2019) u 28 900 Kolombjan applikaw għall-protezzjoni fi Spanja, filwaqt li l-Afgani kienu jikkostitwixxu għal 23 700 applikant fil-Greċja. Dan l-għadd kbir ta’ applikanti ta’ l-istess ċittadinanza fl-2019 kien osservat ukoll fil-Ġermanja (13 700 applikanti mill-Iraq u 10 800 mit-Turkija), fil-Greċja (10 800 applikanti mis-Sirja) u fi Franza (10 000 applikant mill- Afganistan).

Tabella 1: Ħames ċittadinanzi ewlenin ta’ applikanti għall-ażil għall-ewwel darba (mhux ċittadini tal-EU-27), 2019
(għadd, figuri arrotondati)
Sors: Eurostat (migr_asyappctza)

L-età u l-ġeneru tal-applikanti għall-ewwel darba

Iktar minn tliet kwarti (77.3 %) tal-persuni li applikaw għall-ażil għall-ewwel darba fl-EU-27 fl-2019 kellhom inqas minn 35 sena (ara l-Figura 4); dawk fil-medda tal-etajiet ta’ bejn 18 u 34 sena kienu jikkostitwixxu ftit inqas minn nofs (47.0 %) in-numru totali ta’ applikanti għall-ewwel darba, filwaqt li kważi terz (30.3 %) tan-numru totali ta’ applikanti għall-ewwel darba kienu minorenni ta’ taħt it-18-il sena.

Din id-distribuzzjoni tal-etajiet tal-applikanti għall-ażil kienet komuni fi kważi l-Istati Membri tal-EU-27 kollha, bl-akbar sehem ta’ applikanti jkunu dawk bejn it-18 u l-34 sena. Madankollu, kien hemm xi eċċezzjonijiet għal din it-tendenza: Il-Ġermanja, l-Estonja, il-Litwanja, l-Ungerija u l-Polonja rrapportaw proporzjon ogħla ta’ applikanti għall-ażil li kienu taħt it-18-il sena.

Figura 4: Distribuzzjoni tal-applikanti għall-ażil għall-ewwel darba (mhux ċittadini tal-EU-27), skont il-grupp ta’ età, 2019
(%)
Sors: Eurostat (migr_asyappctza)

Id-distribuzzjoni tal-persuni li applikaw għall-ażil għall-ewwel darba skont is-sess turi li kien hemm aktar irġiel (61.9 %) milli nisa (38.1 %) li kienu qed ifittxu l-ażil. Fost il-grupp tal-iżgħar etajiet (0–13-il sena), l-irġiel kienu jikkostitwixxu 51.2 % tan-numru totali ta’ applikanti fl-2019. Ġew osservati differenzi akbar bejn il-persuni li applikaw għall-ażil li kellhom bejn 14 u 17-il sena jew bejn 18 u 34 sena, fejn 67.9 % u 69.0 %, rispettivament, tal-applikanti għall-ewwel darba kienu rġiel, b’dan is-sehem jonqos lura għal 58.0 % għall-grupp tal-etajiet ta’ bejn 35 u 64 sena. Fl-Istati Membri kollha tal-EU-27, in-numru ta’ applikanti nisa sebaq lil dak tal-applikanti rġiel fl-2019 għall-applikanti għall-ażil ta’ 65 sena u aktar, għalkemm dan il-grupp kien relattivament żgħir, tant li kien jikkostitwixxi biss 0.8 % (0.5 % nisa u 0.3 % rġiel) tan-numru totali ta’ applikanti għall-ewwel darba.

Figura 5: Sehem tal-applikanti rġiel għall-ażil għall-ewwel darba (mhux ċittadini tal-EU-27), skont il-grupp ta’ età, EU-27, 2019
(%)
Sors: Eurostat (migr_asyappctza)

Applikazzjonijiet minn minorenni mhux akkumpanjati

Persuna minorenni mhux akkumpanjata hija persuna taħt it-18-il sena li tasal fit-territorju ta’ Stat Membru tal-EU-27 mhux akkumpanjata minn persuna adulta responsabbli għall-minorenni, jew persuna minorenni li titħalla mhux akkumpanjata wara li tkun daħlet fit-territorju ta’ Stat Membru. Fl-2019 kien hemm 14 100 applikazzjonijiet [3] fl-EU-27 minn minorenni mhux akkumpanjati; 7.1 % tal-minorenni ma kinux akkumpanjati (ara l-Figura 6).

Fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-EU-27, fl-2019 is-sehem tal-minorenni mhux akkumpanjati kien inqas minn 20%. Ħames Stati Membri biss irreġistraw rati ogħla: ir-Rumanija (34.5 %), Ċipru (46.9 %), is-Slovakkja (69.8 %), il-Bulgarija (71.8 %) u s-Slovenja (80.2 %).

Figura 6: Distribuzzjoni tal-applikanti għall-ażil għall-ewwel darba (mhux ċittadini tal-EU-27), skont il-grupp ta’ età, 2019
(%)
Sors: Eurostat (migr_asyappctza) u (migr_asyunaa)

Deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil

Id-data fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil hija disponibbli għal żewġ livelli ta’ istanzi, jiġifieri d-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza u d-deċiżjonijiet finali meħuda wara appell jew rieżami.

Fl-2019, ittieħdu kważi 540 800 deċiżjoni tal-ewwel istanza dwar l-applikazzjoni għall-ażil fl-Istati Membri tal-EU-27 u 296 600 deċiżjoni finali ulterjuri wara appell. Id-deċiżjonijiet meħuda mal-ewwel istanza rriżultaw fl-għoti ta’ status ta’ protezzjoni lil 206 000 persuna, filwaqt li 91 000 oħra ngħataw status ta’ protezzjoni wara appell.

L-akbar numru ta’ deċiżjonijiet (kemm tal-ewwel istanza kif ukoll finali) inħarġu bil-bosta fil-Ġermanja (ara l-Figura 7), li jakkontaw għal 28.5 % tad-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza totali u 44.2 % id-deċiżjonijiet finali totali fl-EU-27 fl-2019.

Figura 7: Għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil mal-ewwel istanza u deċiżjonijiet finali (mhux ċittadini tal-EU-27), 2019
(eluf)
Sors: Eurostat (migr_asyappctza) u (migr_asyunaa)

Deċiżjonijiet tal-ewwel istanza dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil

Il-Figura 8 tipprovdi analiżi tal-eżitu tad-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza. Għalkemm l-istatus ta’ refuġjat u l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja huma definiti mid-dritt tal-Unjoni, raġunijiet umanitarji huma speċifiċi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u mhumiex applikabbli fi wħud mill-Istati Membri tal-UE.

Fl-2019, 38.1 % tad-deċiżjonijiet dwar l-ażil tal-ewwel istanza tal-EU-27 irriżultaw f’eżiti pożittivi, jiġifieri għotjiet ta’ status ta’ refuġjati jew ta’ protezzjoni sussidjarja, jew awtorizzazzjoni għal soġġorn għal raġunijiet umanitarji. Għad-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza, madwar 52.9 % tad-deċiżjonijiet pożittivi kollha fl-EU-27 fl-2019 irriżultaw fl-għoti ta’ status ta’ refuġjat.

Figura 8: Distribuzzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-ażil mal-ewwel istanza (mhux ċittadini tal-EU-27) skont l-eżitu, 2019
(%)
Sors: Eurostat (migr_asyappctza)

F’termini assoluti, fl-2019 kien hemm 109 000 persuna li ngħataw status ta’ refuġjat fl-EU-27 mal-ewwel istanza, 52 000 ingħataw status ta’ protezzjoni sussidjarja, u 45 100 ingħataw l-awtorizzazzjoni għal soġġorn għal raġunijiet umanitarji.

Fost l-Istati Membri tal-EU-27, l-ogħla ishma ta’ deċiżjonijiet pożittivi tal-ewwel istanza mill-għadd totali ta’ deċiżjonijiet tal-ewwel istanza fl-2019 ġew irreġistrati fi Spanja (66.2 %), segwit mil-Lussemburgu (56.7 %), l-Awstrija, (53.5 %), il-Greċja (53.1 %), l-Irlanda (52.1 %) u d-Danimarka (52.0 %). Għall-kuntrarju, l-Italja, il-Kroazja, il-Polonja, iċ-Ċekja u l-Ungerija kull wieħed irrekordjaw sehem mid-deċiżjonijiet pożittivi tal-ewwel istanza bejn 19.7 % (l-Italja) u 8.5 % (l-Ungerija).

Deċiżjonijiet finali meħuda wara appell

Is-sehem tad-deċiżjonijiet finali pożittivi bbażati fuq l-appell jew ir-rieżami (30.7 %; see l-Figura 9) kien iktar baxx l-EU-27 fl-2019 milli għad-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza (38.1 %; ara l-Figura 8). Madwar 91 000 persuna fl-EU-27 irċivew deċiżjonijiet finali pożittivi bbażati fuq appell jew rieżami fl-2019, li minnhom 33 200 ingħstaw status ta' refuġjat, 30 000 ingħataw protezzjoni sussidjarja, u 27 900 oħra ngħataw status umanitarju.

Figura 9: Distribuzzjoni ta’ deċiżjonijiet finali għall-ażil (mhux ċittadini tal-EU-27) skont l-eżitu, 2019
(%)
Sors: Eurostat (migr_asydcfina)

Fost l-Istati Membri tal-EU-27, l-ogħla ishma ta’ deċiżjonijiet pożittivi finali mill-għadd totali ta’ deċiżjonijiet finali fl-2019 ġew irreġistrati fil-Bulgarija (67.7 %), segwita mill-Awstrija (55.7 %), l-Irlanda, (48.9 %), in-Netherlands (48.0 %), u l-Finlandja (44.9 %). B’kuntrast, l-Estonja, il-Litwanja u l-Portugall, id-deċiżjonijiet finali kollha kienu negattivi.

Sors tad-data għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

L-Eurostat jipproduċi statistika dwar firxa ta’ kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni internazzjonali. Bejn l-1986 u l-2007, id-data dwar l-ażil kienet tinġabar abbażi ta’ ftehim bejn ġentlomi. Mill-2008, id-data bdiet tiġi pprovduta lill-Eurostat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) 862/2007; ħafna mill-istatistika ppreżentata f’dan l-artiklu nġabret fi ħdan dan il-qafas regolatorju.

Id-data tiġi pprovduta lill-Eurostat kull xahar (għall-istatistika dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil), kull trimestru (għad-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza) jew kull sena (għad-deċiżjonijiet finali bbażati fuq appell jew rieżami, risistemazzjoni u minorenni mhux akkumpanjati). L-istatistika hija bbażata fuq sorsi amministrattivi u tingħata lill-Eurostat mill-awtoritajiet tal-istatistika, mill-ministeri tal-uffiċċju tal-intern/ministeri tal-intern jew mill-aġenziji tal-immigrazzjoni relatati fl-Istati Membri tal-UE.

Fl-analiżi tal-istatistika dwar l-ażil għandhom jitqiesu żewġ kategoriji differenti ta’ persuni. L-ewwel waħda tinkludi l-applikanti għall-ażil li jressqu talba (applikazzjoni għall-ażil) u li t-talba tagħhom tkun qed titqies minn awtorità rilevanti. It-tieni waħda hija magħmula minn persuni li, wara kunsiderazzjoni, ikunu ġew rikonoxxuti bħala refuġjati, jew ikunu ngħataw xi xorta oħra ta’ protezzjoni internazzjonali (protezzjoni sussidjarja), jew ikunu ngħataw protezzjoni abbażi tal-liġi nazzjonali relatata ma’ protezzjoni internazzjonali (awtorizzazzjonijiet għal soġġorn għal raġunijiet umanitarji), jew ikunu ġew miċħuda kwalunkwe forma ta’ protezzjoni.

Minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 862/2007, l-istatistika dwar id-deċiżjonijiet dwar l-ażil saret disponibbli għall-istadji differenti tal-proċedura ta’ ażil. Id-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza huma deċiżjonijiet mogħtija mill-awtorità rispettiva li taġixxi bħala l-ewwel istanza tal-proċedura ta’ ażil amministrattiva/ġudizzjarja fil-pajjiż riċeventi. B’kuntrast ma’ dan, id-deċiżjonijiet finali wara appell jew rieżami jirrigwardjaw id-deċiżjonijiet mogħtija fl-istanza finali tal-proċedura ta’ ażil amministrattiva/ġudizzjarja u li jirriżultaw minn appell imressaq minn applikant għall-ażil li jkun ġie rrifjutat fl-istadju preċedenti. Minħabba li l-proċeduri ta’ ażil u n-numru/il-livelli ta’ korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ivarjaw fost l-Istati Membri tal-UE, il-vera istanza finali tista’ tkun, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-proċeduri amministrattivi, deċiżjoni tal-ogħla qorti nazzjonali. Madankollu, il-metodoloġija applikata tiddefinixxi li d-deċiżjonijiet finali għandhom jirreferu għal dik li effettivament tkun deċiżjoni finali fil-maġġoranza kbira tal-każijiet: fi kliem ieħor, ladarba jkunu ġew eżawriti l-mezzi kollha ta’ appell u ma jkunx hemm possibbiltà ta’ appell abbażi tas-sustanza tad-deċiżjoni iżda biss abbażi ta’ raġunijiet proċedurali.

Kuntest

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951, li tirrigwardja l-istatus tar-refuġjati (kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-1967) ilha, għal madwar 70 sena, li ddefiniet min huwa refuġjat, filwaqt li stabbiliet approċċ komuni lejn ir-refuġjati, li kien wieħed mill-pedamenti għall-iżvilupp ta’ sistema komuni tal-ażil fl-UE. L-UE ilha mill-1999 taħdem għall-ħolqien ta’ reġim Ewropew komuni tal-ażil f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u ma’ strumenti internazzjonali applikabbli oħrajn.

Il-Programm ta' The Hague ġie adottat mill-kapijiet tal-Istat u tal-gvern fil-5 ta’ Novembru 2004. Dan iressaq l-idea ta’ sistema Ewropea komuni tal-ażil (SEKA) , fejn, b’mod partikolari, jippreżenta l-isfida li jiġu stabbiliti proċeduri komuni u status uniformi għal dawk li jingħataw ażil jew protezzjoni sussidjarja. Il-pjan ta’ politika dwar l-ażil tal-Kummissjoni Ewropea (COM(2008) 360 final) ġie ppreżentat f’Ġunju 2008 u kien jinkludi tliet pilastri bħala sostenn għall-iżvilupp tas-SEKA:

  • l-introduzzjoni ta’ aktar armonizzazzjoni fl-istandards tal-protezzjoni permezz ta’ allinjament ulterjuri tal-leġiżlazzjoni dwar l-ażil tal-Istati Membri tal-UE;
  • il-kooperazzjoni prattika effettiva u appoġġjata kif xieraq;
  • iż-żieda tas-solidarjetà u tas-sens ta’ responsabbiltà fost l-Istati Membri tal-UE, kif ukoll bejn il-pajjiżi tal-UE u pajjiżi terzi.

B’kunsiderazzjoni ta’ dan, fl-2009 il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta sabiex tistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-ażil (EASO). L-EASO jappoġġja lill-Istati Membri tal-UE fl-isforzi tagħhom sabiex jimplimentaw politika dwar l-ażil aktar konsistenti u ġusta. Huwa jipprovdi wkoll appoġġ tekniku u operazzjonali lill-Istati Membri li jkunu qed jiffaċċjaw pressjonijiet partikolari (fi kliem ieħor, dawk l-Istati Membri li jirċievu numru kbir ta’ applikazzjonijiet għall-ażil). L-EASO beda jopera b’mod sħiħ f’Ġunju 2011 u dejjem ħadem sabiex iżid il-kapaċità, l-attività u l-influwenza tiegħu, f’ħidma mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR).

F’Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta’ azzjoni dwar minorenni mhux akkumpanjati (COM(2010) 213 final), li huma meqjusa bħala l-aktar vittmi esposti u vulnerabbli tal-migrazzjoni. Dan il-pjan għandu l-għan li jistabbilixxi approċċ ikkoordinat u li jimpenja lill-Istati Membri tal-UE kollha sabiex jagħtu standards għoljin ta’ akkoljenza, protezzjoni u integrazzjoni lill-minorenni mhux akkumpanjati. B’mod komplementari għal dan il-pjan ta’ azzjoni, in-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni ipproduċa studju komprensiv tal-UE dwar il-politiki ta’ akkoljenza, kif ukoll dwar arranġamenti ta’ ritorn u integrazzjoni għall-minorenni mhux akkumpanjati.

Ġew żviluppati numru ta’ direttivi f’dan il-qasam. L-erba’ strumenti legali ewlenin dwar l-ażil — li bħalissa kollha huma soġġetti għal proposti għal sostituzzjoni jew riformulazzjoni — huma:

  • id-Direttiva dwar il-Kwalifika 2011/95/UE dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;
  • id-Direttiva dwar il-Proċeduri 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali;
  • id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet 2013/33/UE li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali;
  • ir-Regolament ta’ Dublin (UE) 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ċittadin ta’ pajjiż mhux membru) jew persuna apolida.

L-appoġġ operattiv u finanzjarju tal-UE kien strumentali biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfida tal-migrazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea toffri lill-Istati Membri appoġġ finanzjarju kontinwu taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (l-AMIF). L-AMIF appoġġja b’mod effettiv u b’suċċess ir-rispons komuni tal-Unjoni għall-kriżi tal-migrazzjoni, filwaqt li pprovda wkoll sinjal ta’ solidarjetà lill-Istati Membri fuq quddiem nett.

F’April 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni (COM(2016) 197 final) li tniedi l-proċess għal riforma tas-SEKA. Din kienet tinkludi għażliet għal sistema ġusta u sostenibbli ta’ allokazzjoni tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri tal-UE, aktar armonizzazzjoni tal-proċeduri u l-istandards għall-ażil sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fl-UE u b’hekk jitnaqqsu l-fatturi ta’ ġibda li jwasslu għal movimenti sekondarji irregolari, u tisħiħ tal-mandat tal-EASO.

F’Mejju 2016, il-Kummissjoni Ewropea ressqet l-ewwel pakkett ta’ riformi, li jinkludi l-proposti għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ Dublin ġusta u sostenibbli (COM(2016) 270 final) u li ssaħħaħ is-sistema Eurodac (COM(2016) 272 final) u tistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ażil (COM(2016) 271 final).

F’Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea ressqet it-tieni sett ta’ proposti marbuta mar-riforma tas-SEKA, pereżempju biex jiġi stabbilit qafas ta’ risistemazzjoni għall-UE (COM(2016) 468 final) u proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali (COM(2016) 467 final) kif ukoll it-tfassil mill-ġdid tal-leġiżlazzjoni dwar l-istandards għal meta jiġu rċevuti l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali (COM(2016) 465 final).

F’Marzu 2019, il-Kummissjoni Ewropea irrapportat dwar il-progress li sar matul dawn l-aħħar erba’ snin u stabbiliet il-miżuri li għadhom meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi immedjati u futuri tal-migrazzjoni (COM/2019/126 final).

Aċċess dirett għal
Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Legislation
Viżwalizzazzjonijiet
Links esterni





L-applikanti għall-ażil u għall-ażil għall-ewwel darba - data ta' kull xahar (aġġustata) (tps00189)
Persuni soġġetti għal applikazzjonijiet għall-ażil pendenti fl-aħħar tax-xahar - data ta' kull xahar (tps00190)
Applikanti għall-ażil u għall-ażil għall-ewwel darba - data aggregata annwali (aġġustata) (tps00191)
Deċiżjonijiet tal-ewwel istanza dwar applikazzjonijiet għall-ażil skont it-tip ta' deċiżjoni - data aggregata annwali (tps00192)
Deċiżjonijiet finali dwar applikazzjonijiet għall-ażil - data annwali (tps00193)
Applikanti għall-ażil ikkunsidrati bħala minorenni mhux akkumpanjati - data annwali (tps00194)
Statistika dwar l-ażil u dwar is-sistema ta’ Dublin (migr_asy)
Applikazzjonijiet (migr_asyapp)
Deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet u risistemazzjoni (migr_asydec)
Statistika ta' “Dublin” (migr_dub)

Noti

  1. It-total tal-UE jiġi kkalkolat bħala aggregazzjoni tad-data tal-Istati Membri. Id-data tal-Istati Membri tirreferi għan-numru ta’ persuni li japplikaw għall-ażil għall-ewwel darba f’dak l-Istat Membru. Madankollu, il-persuni jistgħu japplikaw għal protezzjoni internazzjonali f’aktar minn Stat Membru wieħed f’sena ta’ referenza partikolari. B’konsegwenza, it-total tal-UE jista’ jinkludi tali applikazzjonijiet multipli.
  2. Għall-iskopijiet ta’ din l-analiżi, tqiesu biss l-ewwel 30 pajjiż ta’ ċittadinanza f’termini ta’ għadd ta’ applikanti għall-ażil għall-ewwel darba.
  3. L-aggregat tal-EU-27 jinkludi d-data tal-2018 għal Spanja.