Skip to main content

Ġestjoni kondiviża

Il-ġestjoni kondiviża tippermetti li r-responsabbiltà tibqa’ fil-livell xieraq u b’hekk tippermetti li l-finanzjament jappoġġja aħjar l-objettivi tal-FSE+. Flimkien mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), l-FSE+ hu aspett integrali tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.

Kif taħdem il-ġestjoni kondiviża

Il-ġestjoni kondiviża tfisser li r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-FSE+ hi kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri.

Fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ programmazzjoni ta’ seba’ snin, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaqblu dwar il-prijoritajiet ewlenin għall-investiment tal-FSE+, li huma stabbiliti fil-programmi nazzjonali jew reġjonali. Pereżempju, Stat Membru u l-Kummissjoni jistgħu jaqblu li jeħtieġ li jkun hemm aktar enfasi fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ jew it-titjib tas-sistema edukattiva tal-istat.

Ladarba jkun hemm qbil dwar il-programmi, l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ippjanati – inklużi l-għażla ta’ proġetti konkreti għall-finanzjament u l-ħlas tal-organizzaturi tal-proġetti. L-Istati Membri jallokaw finanzjament lil firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet – korpi pubbliċi, kumpaniji privati u s-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni, tirrimborża n-nefqa u fl-aħħar mill-aħħar hi responsabbli għall-baġit.

Hu importanti li l-ġestjoni kondiviża taħdem skont il-prinċipju tas-sħubija, fejn is-sħab u l-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu assoċjati fl-istadji kollha mill-programmazzjoni sal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Dan il-prinċipju hu essenzjali biex jiġi żgurat li l-infiq ikun effettiv u effiċjenti kemm jista’ jkun.

Prinċipju ewlieni tal-ġestjoni kondiviża tal-FSE+, il-kofinanzjament jippermetti li kemm il-baġit tal-UE kif ukoll dak ta’ Stat Membru jikkontribwixxu għall-baġit totali ta’ programm tal-FSE+. Skont il-qasam tal-investiment u l-livell ta’ żvilupp tar-reġjun li fih qed iseħħu l-attivitajiet, ir-rata ta’ kofinanzjament tal-UE tista’ tvarja bejn 50% u 95%.