EURES fir-reġjuni transkonfinali


L-EURES għandu rwol partikolarment importanti f’reġjuni transkonfinali, fejn hemm livelli sinifikanti ta’ vjaġġar transkonfinali. Iktar minn 1 000 000 ruħ li jgħixu f᾿pajjiż tal-UE u jaħdmu f᾿pajjiż ieħor ("ħaddiema transkonfinali") iridu jlaħħqu ma᾿ prattiki nazzjonali u sistemi legali differenti. Dawn jistgħu jaffaċċjaw ostakli amministrattivi, legali jew fiskali għall-mobbiltà tagħhom kuljum.

Is-servizzi tal-EURES f᾿reġjuni transkonfinali huma l-aktar (iżda mhux esklussivament) ipprovduti mis-"Sħubiji Transkonfinali tal-EURES".

Sħubiji Transkonfinali tal-EURES huma gruppi ta᾿ Membri u Imsieħba fil-EURES u, fejn hu relevanti, partijiet konċernati oħra barra n-netwerk tal-EURES. Dawn il-gruppi jiftiehmu fuq kooperazzjoni fit-tul madwar il-fruntiera biex jappoġġaw il-mobbiltà ta᾿ ħaddiema transkonfinali u l-impjegaturi tagħhom. Dawn tipikament jinvolvu servizzi ta᾿ impjiegi reġjonali jew lokali, imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra bħall-Kmamar tal-Kummerċ, universitajiet, organizzazzjonijiet VET, awtoritajiet lokali, eċċ.) ta᾿ mill-inqas żewġ Stati Membri ġirien.

Dawn is-sħubiji transkonfinali jipprovdu servizzi ta᾿ informazzjoni, kollokament u reklutaġġ. Dawn jimmoniterjaw flussi ta᾿ mobbiltà u ostakli għall-mobbiltà ta᾿ ħaddiema f᾿reġjuni konfinali li huma l-element ewlieni fl-iżvilupp ta᾿ suq tax-xogħol Ewropew ġenwin.

Uħud minn dawn is-sħubiji jirċievu appoġġ finanzjarju mill-programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI). Biex tkun taf aktar dwar is-sħubiji transkonfinali tal-EaSI li jsiru bil-fondi tal-EURES ara hawn taħt.

Il-portal tal-EURES jipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta᾿ ħaddiema transkonfinali. Barra minn hekk, il-persunal tal-EURES, kemm jekk ikunu involuti fi sħubiji transkonfinali, kif ukoll jekk le, jistgħu jipprovdu assistenza u gwida lill-ħaddiema li jgħixu f᾿pajjiż wieħed u jaħdmu f᾿ieħor.