Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
EURES

Is-Servizzi tal-EURES

L-EURES huwa netwerk ta' kooperazzjoni intiż biex jiffaċilita l-moviment ħieles tal-ħaddiema fi ħdan it-27 pajjiż tal-UE kif ukoll l-Iżvizzera, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

In-netwerk huwa kompost minn: L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni (ECO), l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni (NCOs), l-Imsieħba tal-EURES u l-Imsieħba Assoċjati tal-EURES.

L-Imsieħba f'dan in-netwerk jistgħu jinkludu is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES), is-Servizzi Privati tal-Impjiegi (PRES), trejdjunjins, organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u atturi relevanti oħra fis-suq tax-xogħol. L-imsieħba jipprovdu informazzjoni, servizzi ta' kollokament u reklutaġġ għal min iħaddem u għal dawk li qed ifittxu impjieg filwaqt li l-Uffiċċji Ewropej u Nazzjonali ta' Koordinazzjoni jissorveljaw l-organizzazzjoni ta' attivitajiet fuq livell Ewropew u nazzjonali rispettivament.

Barra minn hekk, l-EURES għandu rwol importanti fil-forniment ta' informazzjoni speċifika u li jiffaċilita l-kollokament għall-ġid ta' min iħaddem u tal-ħaddiema mal-fruntiera f'reġjuni transkonfinali Ewropej.

Fil-prattika l-EURES jipprovdi s-servizzi tiegħu permezz tal-portal kif ukoll permezz ta' netwerk ta' ħaddiema ta' madwar 1000 konsulent tal-EURES li jkunu f'kuntatt ta' kuljum ma' min qed ifittex xogħol u impjegaturi madwar l-Ewropa.

X’jista’ jagħmel għalik l-EURES?

L-EURES jgħin lil dawk li qed ifittxu xogħol biex isibu impjiegi u lill-impjegaturi biex jirrekluta mill-Ewropa kollha

Il-prinċipju tal-Unjoni Ewropea għall-moviment liberu  tal-ħaddiema huwa meqjus bħala wieħed mid- drittijiet l-aktar importanti taċ-ċittadini tal-UE. Ifisser li inti tista’ tmur tgħix fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE, kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera tfittex u tibda xogħol.

Madankollu, xi kultant jista’ jidher bħal kompitu skoraġġanti u diffiċli li tagħmel użu minn dan id-dritt. L-iskop tal-EURES hu preċiżament li b’dan jgħin u jappoġġa lil dawk li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi.

Dan jinvolvi l-forniment ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi disponibbli fuq il-portal tal-EURES jew permezz tan-netwerk wiesa’ uman ta’ aktar minn elf konsulent li jaħdmu fl-organizzazzjonijiet Membri u Sħab tal-EURES.

Is-servizzi relatati ma' dawk li qed ifittxu impjieg u mal-impjegaturi jinkludu:

  • Tqabbil ta’ postijiet tax-xogħol battala u CVs fuq il-portal tal-EURES
  • Informazzjoni u gwida u servizzi oħra ta’ appoġġ għall-ħaddiema u l-impjegaturi
  • Aċċess għal informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Istati Membri tal-UE, bħal tassazzjoni, pensjonijiet, assigurazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà soċjali.
  • Servizzi speċifiċi ta’ appoġġ għal ħaddiema tal-fruntieri u impjegaturi f’reġjuni transkonfinali.
  • Appoġġ lil gruppi speċifiċi fil-kuntest ta’ skemi tal-"EURES Targeted Mobility Schemes"
  • Appoġġ għal avvenimenti ta’ reklutaġġ dinamiku permezz tal-pjattaforma ta’ Jiem Ewropej għall-Impjiegi (Online)
  • Informazzjoni dwar u aċċess għal għajnuna wara r-reklutaġġ, bħal taħriġ fil-lingwa u appoġġ b’integrazzjoni fil-pajjiż ta’ destinazzjoni

Biex titgħallem aktar dwar is-servizzi tal-EURES tista’ żżur it-taqsimiet varji ta’ dan is-sit web, issib id-dettalji ta’ kuntatt tal-Membri u s-Sħab tal-EURES fil-paġna ”EURES f’pajjiżek”jew tikseb kuntatt dirett ma’ Konsulent tal-EURES permezz tat-telefon, email jew chat, Tista’ tikkuntattja wkoll lill-Helpdesk tal-EURES għal għajnuna bl-użu tal-portal jew ta’ kwalunkwe mistoqsija oħra li jista’ jkollok.

 

Aqra aktar dwar l-EURES u s-servizzi tiegħu:

Kif issib xogħol fl-Ewropa — gwida għal dawk li qed ifittxu impjieg

Reklutaġġ fl-Ewropa — gwida għall-impjegaturi