Aħbarijiet fil-portal

Sħubija transkonfinali tippromwovi l-bidu ta’ negozji

Iż-żieda fil-qgħad u l-iskarsità ta’ postijiet tax-xogħol battala fl-ibliet Slovakki li jmissu mal-konfini tal-Ungerija xprunaw lil EURES-T Danubius, sħubija transkonfinali bejn is-Slovekkja u l-Ungerija, sabiex torganizza l-ewwel seminar tagħha li fih tippromwovi l-ħolqien ta’ negozji żgħar.
 
Aktar minn 90 persuna Slovakka li kienu qegħdin ifittxu xogħol inġabru fil-belt konfinali storika ta’ Komárno, fis-Slovakkja fi Frar 2012 għal seminar li ħeġġiġhom jikkunsidraw jibdew negozju bħala mod kif joħolqu x-xogħol għalihom stess. 
 
“Bħalissa, ma għandniex biżżejjed postijiet tax-xogħol battala fil-kotba tagħna u l-qgħad qabad jiżdied minħabba sensji kollettivi minn għadd ta’ industriji fir-reġjun. Mod wieħed kif jinħolqu l-impjiegi huwa li n-nies jibdew negozju għal rashom,” spjegat Edita Bertova, Koordinatur ta’ EURES-T.
 
Is-seminar kellu t-tama wkoll li jipperswadi lil dawk li jieħdu sehem sabiex jikkunsidraw il-firxa vasta ta’ għażliet għall-bidu ta’ negozji żgħar. “Bosta persuni jidħlu fl-industrija tal-forniment tal-ikel fis-Slovakkja, iżda ftit li xejn huma dawk li jaħsbu dwar possibilitajiet oħrajn,” tgħid Edita.
 
Fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera hemm storja kemxejn differenti. “In-negozji fl-Ungerija huma aktar varjati u hemm tradizzjoni miżrugħa sew ta’ kumpaniji mmexxija minn familji, u allura n-nies għandhom rieda akbar sabiex jiftħu l-kumpanija tagħhom,” kompliet tgħid. Din hija r-raġuni għala sitt sidien ta’ negozji żgħar u ferm differenti mill-Ungerija ġew mistiedna jitkellmu fis-seminar dwar l-esperjenzi tagħhom meta marru minn persuni qiegħda għal mexxejja ta’ kumpaniji ta’ suċċess. Dawk li ħadu sehem setgħu jisimgħu l-istejjer minn ras il-għajn minn persuna li trabbi n-naħal, arkitett tal-pajsaġġ, persuna li toħloq paġni fuq l-internet, distillatur, fuħħari, u għalliem taż-żfin tradizzjonali.
 
U jekk din ma kinitx ispirazzjoni kbira biżżejjed, il-Konsulent Reġjonali Slovakk u ċ-Ċentru ta’ Informazzjoni u l-Fundazzjoni Ungeriża għall-Promozzjoni tal-Impriżi kienu preżenti wkoll sabiex jipprovdu appoġġ u pariri dwar kif wieħed jista’ jibda impriża ġdida.
 
“Għadu kmieni wisq sabiex wieħed jgħid kemm minn fost dawk id-90 parteċipant se jkomplu billi jibdew in-negozji tagħhom stess. Iżda sa issa, ir-rispons kien ferm pożittiv b’bosta persuni li apprezzaw l-istejjer veri u l-interazzjoni man-negozjanti preżenti,” tgħid Edita. Is-seminar li jmiss se jsir fil-Ħarifa 2013.
 
Is-servizzi Slovakki u Ungeriżi tal-impjiegi, flimkien mal-imsieħba soċjali tagħhom, waqqfu s-sħubija EURES-T Danubius f’April 2007 sabiex isolvu l-problemi tal-qgħad li n-nies iħabbtu wiċċhom magħhom fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera fir-reġjun tul ix-xmara Danubju. Minbarra l-problemi relatati mal-qgħad, is-sħubija tixħet enfasi speċjali fuq il-koordinazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ u fuq il-forniment ta’ tagħrif dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja fir-reġjun.
 
Aktar tagħrif:
Il-websajt uffiċjali ta’ EURES-T Danubius
 
Il-Fondazzjoni Ungeriża għall-Promozzjoni tal-Impriżi (Komárom-Esztergom Regional Office – bl-Ungeriż): www.kem-hvk.hu
 
Iċ-Ċentru Reġjonali Konsultattiv u ta’ Tagħrif tas-Slovakkja (Uffiċċju Reġjonali f’Komárno – bis-Slovakk): www.rpickn.sk
 
Ara ssibx xi Jum tax-Xogħlijiet fil-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-Eures
 
 
Sir af aktar dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien f’pajjiżi Ewropej differenti fuq il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol tal-EURES
 
 
Fittex impjegati tas-sengħa fid-Database ta' CVs tal-EURES
 
Sir af x’jista’ jagħmel il-portal EURES għal min jimpjega
 

« Lura