Iffoka fuq...

Akkwista appuntament b’suċċess fid-Danimarka!

Il-kunċett il-ġdid ta’ Workindenmark jissejjaħ “Appuntamenti bejn Kumpaniji” (“Company Dating”) u huwa mmirat prinċipalment lejn studenti Ewropej f’universitajiet Daniżi.Biex insiru nafu aktar, aħna tkellimna ma’ wieħed mill-organizzaturi u wieħed mill-parteċipanti f’dan il-programm innovattiv ta’ apprendistat.
 
L-għan tal-programm huwa li jagħti l-opportunità lil studenti internazzjonali f’universitajiet Daniżi li jiksbu esperjenza fis-suq tax-xogħol Daniż. “Bażikament, id-Danimarka hija soċjetà bbażata fuq netwerk u ħafna drabi jenħtieġ tkun taf lill-persuni ġusti biex jirnexxilek tikseb l-ewwel opportunità tiegħek. Din tista’ tkun sitwazzjoni iebsa għal studenti Ewropej, għalhekk iddeċidejna li nagħtu daqqa t’id,” tispjega Heidi Ås, Konsulenta tal-EURES f’Workindenmark.
 
Dik “id-daqqa t’id” waslet fil-forma ta’ “Appuntamenti bejn Kumpaniji” li rat madwar 150 applikant jikkompetu għal 10 postijiet vakanti biss.  Fl-aħħar ta’ Frar, l-10 applikanti magħżula ntbagħtu jagħmlu ġimgħa apprenditat f’waħda mill-kumpaniji parteċipanti.  “L-apprendistati kienu bbażati fuq proġett, għalhekk il-kumpaniji kienu diġà ħejjew kompiti ffokati u intensivi biex l-istudenti jaħdmu fuqhom,” saħqet Heidi. L-objettiv tal-programm kien il-promozzjoni ta' studenti lill-kumpaniji Daniżi bħala riżors ta' valur.
 
Wieħed mill-istudenti li pparteċipa fil-programm kien Gergely Tas, student żgħażugħ Ungeriż fil-grad ta’ postgradwat fl-Iskola tal-Kummerċ ta’ Kopenħagen. “Ma kontx naf ma’ liema kumpanija kont ser naħdem iżda din kienet opportunità tajba biex nikseb esperjenza siewja ta’ xogħol waqt li għadni student,” huwa jinnota.
 
Gergely ħadem għal kumpanija Daniża Danelec Marine. “Il-kumpanija kienet għada kemm lestiet tibdil fil-marka tagħha u jien ġejt mitlub nipproduċi preżentazzjoni ta’ bejgħ eżawrjenti mhux ħażin għad-distributuri,” jgħid Gergely. “Ix-xogħol kien ta’ sfida iżda maniġġabbli u akkwistajt esperjenza siewja u prattika f’SME Daniża,” huwa jispjega. Il-kumpanija tant kienet sodisfatta bid-debutt ta’ Gergely li, wara l-ġimgħa ta’ apprendistat, offrietlu mpjieg bi ħlas bħala student assistent.
 
Meta jitqies kollox, il-programm “Appuntamenti bejn Kumpaniji” kien suċċess kbir – l-istudenti kollha parteċipanti fi stħarriġ evalwaw il-kunċett tal-programm b’mod pożittiv – u Heidi tinnota li Workindenmark qed jippjana li jirrepetih fi tmiem l-2012 jew fl-2013. “Fl-aħħar mill-aħħar, jagħmel sens li nżommu studenti kkwalifikati ħafna fid-Danimarka, u li ngħinuhom isiru jafu mill-qrib is-suq tax-xogħol Daniż huwa pass importanti f’din id-direzzjoni”.
 
Aqra iktar:
 
 
 
 
Fittex x’jista’ jagħmel l-EURES għal min iħaddem


Test editjat fi: 04/2012


caħda ta' responsabbiltà
L-artikli “Lenti fuq…” huma intenzjonati biex jipprovdu lill-utenti tal-portal ta’ l-EURES b’informazzjoni dwar suġġetti u tendenzi kurrenti, kif ukoll biex jistimulaw diskussjoni u dibattitu. Dawn l-artikli mhux neċessarjament jirriflettu l-fehma tal-Kummissjoni Ewropea.