Iffoka fuq...

Minn quddiem skrijn ta’ kompjuter għal ġo ġnien

Meta kien qed jistudja l-inġinerija tal-kompjuter fil-Litwanja, Šarūnas Kaunelis qatt ma basar li l-passaġġ edukattiv u professjonali tiegħu jum minnhom kien ser jibdel id-direzzjoni tiegħu b’mod tant drastiku. Iżda kien proprju dan li ġara, u hekk kif daħal għal sfida ġdida, ħataf l-opportunità, tar lejn id-Danimarka u sar ġardinar.
 
“Bħala gradwat ġdid mingħajr ebda esperjenza professjonali, sentejn ilu kien pjuttost diffiċli għalija nsib impjieg imħallas tajjeb fil-Litwanja. Għalhekk iddeċidejt li nfittex impjieg barra mill-pajjiż. L-ewwel esperjenza li kelli kienet fir-Renju Unit, fejn kelli impjieg bla sengħa, iżda l-ħbieb tiegħi ssuġġerewli nitlob l-għajnuna tal-EURES biex insib opportunitajiet ta’ xogħol barra l-pajjiż,” qalilna Šarūnas.
L-ewwel pass li kien se jibdillu ħajtu sar fl-uffiċċju tal-EURES f’Utena, fejn iltaqa’ mal-Konsulenta tal-EURES, Virginija Jaruševičiūtė. Il-Greenhouse Gardener Study Programme fid-Danimarka, li hija kienet issuġġerietlu, kienet tidher it-tip ta’ sfida li Šarūnas kien qed ifittex. Filwaqt li ssospenda l-isfond edukattiv tiegħu, fi ftit żmien kien ser ikollu l-opportunità jirreġistra fi programm ta’ sentejn filwaqt li jaħdem f’razzett Daniż.
Il-Konsulenta tal-EURES, Virginija Jaruševičiūtė, ikkuntattjat lill-kollega tagħha S. Michael Jørgensen, minn WorkInDenmark, li kien kapaċi jsib il-kollokazzjoni ta’ xogħol u studju għal Šarūnas.
“Il-Konsulenta tal-EURES għaddietli l-informazzjoni kollha dwar il-programm u dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fid-Danimarka, ħalli jien stajt nieħu d-deċiżjoni għalija stess. Dehret ħaġa interessanti u impenjattiva fl-istess ħin, peress li kien qasam kompletament differenti minn dak li kont studjat qabel. Jien ridt nisfida lili nnifsi, u ddeċidejt li nieħu din l-opportunità,” qal b’entużjażmu.
Tagħlim ta’ lingwa ġdida
Ma kinitx l-ewwel darba li d-Danimarka kienet parti ewlenija f’ħajtu. Šarūnas diġà kien qatta’ semestru fid-Danimarka fi programm ta’ skambju edukattiv. “Tassew ħadt pjaċir fil-pajjiż, bil-kultura tax-xogħol u tal-istudju u kont ħerqan li nitgħallem il-lingwa u li nqatta’ xi ftit taż-żmien hemmhekk,” qalilna.
It-tagħlim tal-lingwa Daniża kien wieħed mir-rekwiżiti wara r-reġistrazzjoni tiegħu fil-programm ta' studju. Skont Virginija Jaruševičiūtė, “il-kors tal-lingwa huwa essenzjali għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol, sabiex isiru aktar kompetittivi fis-suq tax-xogħol Skandinavu."
Huwa u jirrifletti fuq il-proċess tat-tiftix tax-xogħol, Šarūnas enfasizza r-rwol ewlieni tal-Konsulenti tal-EURES. “Anke jekk diġà jkollok offerta ta’ impjieg barra minn pajjiżek, għandek tħejji ruħek għas-sitwazzjonijiet kollha possibbli, billi tiġbor l-informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek, dwar il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni, eċċ. Fl-esperjenza tiegħi l-Konsulenti tal-EURES kienu dejjem lesti jgħinu lil min qed ifittex xogħol u l-pariri tagħhom kienu tassew siewja,” qal Šarūnas.
 
L-esperjenza kienet suċċess tant li Šarūnas iħossu kunfidenti jirrakkomandaha lill-oħrajn. “Meta taħdem barra mill-pajjiż twessa’ l-orizzonti tiegħek, issir taf xi tfisser l-indipendenza, tibni l-fiduċja personali fik innifsek u twessa’ n-netwerk tiegħek,” ikkonkluda Šarūnas.
 
 
 
 
Aqra aktar:
 
Żur is-sit elettroniku ta’ WorkInDenmark’s
 
Fittex Jum l-Impjiegi fil-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES
 
 
 
 
Ara x’tista’ tagħmel l-EURES għall-impjegaturi
 
Sir af x’tista’ tagħmel l-EURES għal dawk li qed ifittxu xogħol

Issieħeb mal-EURES fuq Facebook
 
Segwi l-EURES fuq Twitter
 
Aqbad mal-EURES fuq LinkedIn
 
Segwi l-EURES fuq Google+

Test editjat fi: 02/2013


caħda ta' responsabbiltà
L-artikli “Lenti fuq…” huma intenzjonati biex jipprovdu lill-utenti tal-portal ta’ l-EURES b’informazzjoni dwar suġġetti u tendenzi kurrenti, kif ukoll biex jistimulaw diskussjoni u dibattitu. Dawn l-artikli mhux neċessarjament jirriflettu l-fehma tal-Kummissjoni Ewropea.