Navigation path

Aħbarijiet tal-FSE

FSE: miżuri għal suċċess fl-2014-2020

05/02/2014

Il-konferenza tal-ftuħ tal-FSE, li qed issir fi Brussell fis-6-7 ta’ Frar, teżamina liema politiki jista’ u għandu jappoġġa l-FSE taħt il-prijoritajiet il-ġodda ta’ investiment, kif ukoll modi ġodda ta’ kif jintuża l-FSE.

Dan l-avveniment għandu l-għan li jippromwovi użu effiċjenti u effettiv ta' aktar minn €80 biljun disponibbli għall-Istati Membri mill-FSE fl-2014-2020. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni qiegħda tgħin lill-Istati Membri sabiex jissimplifikaw l-użu li jagħmlu mill-FSE u sabiex jiffukaw aktar fuq riżultati u jiffaċilitaw l-aċċess għall-fondi, b'mod speċjali għal benefiċjarji iżgħar.

Il-konferenza tħares lejn kif il-FSE jista' jappoġġa l-ilħuq tal-prijoritajit identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi tal-Pajjiżi u d-Dokumenti ta' Pożizzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni, biex b'hekk jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-miri tagħhom ta' Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tnaqqis fil-faqar.

Qiegħed jiġi diskuss ukoll il-Kodiċi Ewropew ta' Kondotta dwar is-Sħubija li ġie adottat dan l-aħħar. Din l-innovazzjoni importanti sejra tgħin sabiex tkompli timmassimizza l-impatt tal-FSE billi ssaħħaħ l-irwol tas-sieħba bħal awtoritjiet pubbliċi reġjonali, lokali, urbani u oħrajn, trejdjunjins, min iħaddem jew organizzazzjonijiet mhux governattivi waqt l-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-kontroll u l-evalwazzjoni ta' proġetti.

Sehem minimu

Il-FSE għandu rwol fundamentali fit-tisħiħ tal-kompetittività tal-forza tax-xogħol Ewropea u tal-ekonomija Ewropea. Kull sena, il-FSE jgħin lil aktar minn 15-il miljun persuna sabiex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom, jiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, jiġġieled l-esklużjoni soċjali u l-faqar u jtejjeb l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Għal dawn ir-raġunijiet, għall-ewwel darba fl-istorja tal-politika ta' koezjoni, ġie stabbilit sehem minimu għall-FSE. Fl-2014-2020, l-allokazzjonijiet għall-FSE se jammontaw għal mill-anqas 23.1% tal-baġit tal-politika ta' koeżjoni, sabiex, b'mod effettiv, iwaqqaf għal kollox it-tnaqqis gradwali tas-sehem tal-FSE f'dawn l-aħħar 25 sena.

Dan is-sehem huwa minimu obbligatorju. Is-sehem veru jiġi stabbilit skont l-isfidi speċifiċi li l-pajjiż jeħtieġ sabiex jindirizza l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-governanza. L-ammonti definittivi allokati għall-FSE fl-2014-2020 ikunu magħrufa ladarba l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Kummissjoni u kull pajjiż ikunu ġew adottati.

Ishma minimi tal-FSE għal kull pajjiż

Pajjiż Sehem Minimu (%) Allokazzjoni minima għall-FSE
(€ prezzijiet attwali)
BE 52.0% 1,028,719,649
BG 28.7% 1,460,627,776
CZ 22.1% 3,396,923,124
DK 50.0% 163,252,509
DE 36.8% 6,723,160,961
EE 18.0% 443,022,913
IE 51.7% 491,999,478
EL 28.1% 3,335,044,542
ES 27.7% 7,478,571,457
FR 41.7% 6,026,907,278
HR 24.6% 1,436,033,035
IT 26.5% 8,246,466,857
CY 30.7% 129,488,887
LV 20.7% 629,240,231
LT 24.2% 1,120,144,401
LU 50.7% 20,056,223
HU 24.0% 3,712,540,948
MT 21.6% 105,893,448
NL 50.0% 507,318,228
AT 43.5% 425,582,003
PL 24.0% 12,817,448,274
PT 38.5% 7,053,210,773
RO 30.8% 4,774,035,918
SI 29.3% 617,444,136
SK 20.9% 1,991,329,107
FI 39.5% 515,260,355
SE 42.5% 730,722,851
UK 45.9% 4,942,593,693
UE28   80,323,039,055

Attenzjoni speċifika għall-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali

Barra min hekk, il-FSE se jipprovdi għajnuna mmirata għal żgħażagħ billi jżid mal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) tal-anqas €3.2 biljun għal total ta' €6.4 biljun (prezzijiet attwali). Din l-inizjattiva sejra tapoġġja b'mod esklussiv żgħażagħ li mhumiex qegħdin jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu f'reġjuni li qegħdin jesperjenzaw rati ta' qgħad ta' ogħla minn 25%. Il-FSE u l-YEI sejrin jikkontribwixxu fejn l-isfidi huma l-aktar serji u b'mod partikolari sejrin jgħinu lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw il-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ.

F'kull pajjiż, tal-anqas 20% tal-FSE sejjer ikun allokat għall-inklużjoni soċjali. Dan sejjer jgħin lin-nies f'diffikultajiet u lil dawk minn gruppi żvantaġġjati sabiex jakkwistaw ħiliet u xogħlijiet u jkollhom l-istess opportunitajiet bħal oħrajn sabiex jintegraw fis-suq tax-xogħol. B'dan il-mod, il-FSE sejjer jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-mira tal-UE li jitnaqqas in-numru ta' nies fil-faqar.

Attenzjoni lejn ir-riżultati

Il-konċentrazzjoni tal-finanzjament għall-ilħuq ta' riżultati hija aspett fundamentali tal-perjodu 2014-2020. Interventi iffinanzjati mill-FSE se jkunu ffukati fuq numru limitat ta' prijoritajiet sabiex jiżguraw massa għolja ta' finanzjar għal impatt reali.

Il-Ftehimiet ta' Sħubija għal kull pajjiż tal-UE dalwaqt sejrin jiġu adottati, u dawn sejrin jistabbilixxu l-istrateġija, il-prijoritajiet u l-arranġamenti għall-użu tal-Fondi b'mod effettiv u effiċjenti ħalli tintlaħaq l-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Wara dawn jiġu l-programmi Operazzjonali li jiddefinixxu prijoritajiet għall-istabbiliment ta' miri speċifiċi, li jiddeterminaw allokazzjonijiet konkreti għal interventi tal-FSE.