chevron-down chevron-left chevron-right chevron-up home circle comment double-caret-left double-caret-right like like2 twitter epale-arrow-up text-bubble cloud stop caret-down caret-up caret-left caret-right file-text

EPALE

Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim għall-Adulti fl-Ewropa

 
 

Blog

Ħidma biex l-adulti jingħataw ċans ieħor fl-edukazzjoni

11/03/2019
by Christianne Fenech
Lingwa: MT

Sentejn ilu sar il-proġett pilota ta’ tagħlim għall-adulti fi skola primarja. X’qed tagħmel l-Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti llum? Christianne Fenech, Maniġer għall-Proġetti fid-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja , tispjega aktar dwar dan.

 

/epale/mt/file/webpnet-resizeimage1jpg-5webp.net-resizeimage_1.jpg

 

Fl-2017 sar il-proġett pilota ta’ taħriġ għall-adulti mal-iskola primarja tal-Belt Valletta, li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Din kienet inizjattiva ġdida tad-Direttorat tar-Riċerka, Tagħlim tul il-Ħajja u l-Impjegabbiltà fejn sar kors għall-adulti ġo skola u kien tassew irnexxa. Mhux biss il-biċċa l-kbira tal-ġenituri li nkitbu għall-kors baqgħu jattendu għal-lezzjonijiet sal-aħħar, talli talbu li jsiru iktar korsijiet simili fil-futur.

Il-proġett ingħata bidu mill-Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti li jaqa’ taħt dan id-Direttorat.

“Minn dak iż-żmien ’l hawn applikajna għal iktar fondi biex il-programm isir fil-kulleġġi kollha, preferibbilment fl-iskejjel tal-primarja, biex ikun hemm programm fil-komunità ħalli kemm jista’ jkun nilħqu gruppi vulnerabbli, nisa u persuni b’ħiliet baxxi. Nixtiequ nilħqu persuni li għandhom tfal fil-primarja għax normalment hi l-faxxa li għandha bejn 20 u 40 sena. Nixtiequ nilħquhom ħalli jkunu jistgħu  jiżviluppaw u jtejbu ħiliethom kif ukoll jibdew jaħsbu b’mod iktar strateġiku. Dan għandu jwassal għal prattiċi inklussivi li joffru lok għal djalogu miftuħ,” spjegat Christianne Fenech, li ilha involuta fil-proġett pilota mill-bidu nett.

Il-motto tal-Aġenda Ewropea għadu l-istess – li adult jitgħallem bil-pass tiegħu u f’post li jħossu komdu fih.

“F’dal-programm nixtiequ li jkun hemm effett doppju: l-ewwel mal-adulti li mbagħad se jaffettwa lit-tfal. Li t-tfal jaraw lill-ġenituri deħlin l-iskola jħalli impatt iktar pożittiv. L-għan prinċipali hu li jiżdied il-litteriżmu, ikun hemm bidla soċjali u tiżdied il-kunfidenza fl-adulti. Li dawn isiru jafu x’korsijiet hawn u jingħataw ċans ieħor għall-edukazzjoni. Biex ngħid hekk - titlaq it-togħma morra li ħallitilhom l-iskola u jagħtu ċans ġdid lilhom infushom,” qalet il-Maniġer għall-Proġetti.

Żiedet tgħid: “Bħalissa qed naraw li n-normi soċjali huma importanti daqs il-litteriżmu u n-numeriżmu biex ikollna soċjetà aħjar u iktar inklussiva. Fil-fatt qed naraw li hawn domanda qawwija għall-integrazzjoni ta’ barranin li emigraw lejn pajjiżna. Mhux biss għal-lingwa imma anki biex jifhmu aħjar id-drawwiet Maltin. It-tfal qed jispiċċaw l-interpreti kulturali tal-ġenituri tagħhom u dan hu piż kbir li qed iġorruh huma.”

L-għan hu li jintleħqu l-komunitajiet u dawk responsabbli mit-tfal (ġenituri u mhux) u jingħataw l-għodda meħtieġa biex jiżviluppaw u jtejbu ħiliethom. Dan għandu jwassal għal tħeġġiġ ta’ prattiċi inklussivi li joffru lok għal djalogu miftuħ. Id-Direttorat bħalissa qed jaħdem biex jilħaq adulti responsabbli minn tfal li jmorru l-iskola primarja.

Il-ħidma tad-Direttorat tkompli għaddejja biex jiżdiedu proġetti ta’ tagħlim għall-adulti fil-komunità. L-applikazzjonijiet għall-iskejjel primarji li huma interessati jwettqu dan il-proġett huma dejjem miftuħin.

Share on Facebook Share on Twitter Epale SoundCloud Share on LinkedIn