Skip to main content
Environment

Strateġija għall-bijodiversità għall-2030

L-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030

L-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 hija pjan komprensiv, ambizzjuż u fit-tul għall-protezzjoni tan-natura u t-treġġigħ lura tad-degradazzjoni tal-ekosistemi. L-istrateġija għandha l-għan li tpoġġi l-bijodiversità tal-Ewropa fit-triq tal-irkupru sal-2030, u tinkludi azzjonijiet u impenji speċifiċi.

Din hija l-proposta għall-kontribut tal-UE għan-negozjati internazzjonali li ġejjin dwar il-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020. Bħala parti ewlenija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se tappoġġja wkoll l-irkupru ekoloġiku wara l-pandemija tal-COVID-19.

Għanijiet

L-istrateġija għall-bijodiversità se tpoġġi l-bijodiversità tal-Ewropa fit-triq tal-irkupru sal-2030, għall-benefiċċju tan-nies, tal-klima u tal-pjaneta.

Fil-kuntest ta’ wara l-COVID-19, l-istrateġija għandha l-għan li tibni r-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna għal theddid futur bħal

  • l-impatti tat-tibdil fil-klima
  • in-nirien fil-foresti
  • l-insigurtà tal-ikel
  • it-tifqigħat ta’ mard - inkluż permezz tal-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi u l-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi

Azzjonijiet

L-istrateġija fiha impenji u azzjonijiet speċifiċi li għandhom jitwettqu sal-2030.

Stabbiliment ta’ network akbar fl-UE kollha ta’ żoni protetti fuq l-art u fil-baħar

L-UE se tkabbar iż-żoni eżistenti ta’ Natura 2000, bi protezzjoni stretta għal żoni ta’ bijodiversità u ta’ valur klimatiku għoli ħafna.

Tnedija ta’ pjan tal-UE għar-restawr tan-natura

Permezz ta’ impenji u azzjonijiet konkreti, l-UE għandha l-għan li tirrestawra l-ekosistemi degradati sal-2030 u li timmaniġġjahom b’mod sostenibbli, filwaqt li tindirizza l-ixprunaturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità.

Bħala parti minn dan il-pjan, il-Kummissjoni se tipproponi miri vinkolanti għar-restawr tan-natura sa tmiem l-2021.

Introduzzjoni ta’ miżuri li jippermettu l-bidla trasformattiva meħtieġa

L-istrateġija tenfasizza l-ftuħ ta’ finanzjament għall-bijodiversità, u t-tnedija ta’ qafas ta’ governanza ġdid u msaħħaħ biex

  • tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar u jiġi segwit il-progress
  • jitjiebu l-għarfien, il-finanzjament u l-investimenti
  • jintwera aktar rispett lin-natura fit-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliċi u kummerċjali

Introduzzjoni ta’ miżuri biex tiġi indirizzata l-isfida tal-bijodiversità globali

Dawn il-miżuri se juru li l-UE hija lesta li tmexxi bl-eżempju biex tindirizza l-kriżi globali tal-bijodiversità. B’mod partikolari, se titwettaq ħidma lejn l-adozzjoni b’suċċess ta’ qafas globali ambizzjuż tal-bijodiversità skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

Kronoloġija

Azzjonijiet preċedenti u futuri

  1. Jannar 2020
    It-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-miri tar-restawr tan-natura

    Ikkontribwixxi għall-konsultazzjoni pubblika hawnhekk.

  2. 20 ta’ Mejju 2020
    Il-pubblikazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030

Oqsma ta' politika

Media

LinkedIn dirett mal-Kummissarju Virginijus SINKEVIČIUS dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u l-irkupru ekoloġiku tal-Ewropa.