Navigation path

High level navigation

Page navigation

Mistoqsijiet frekwenti dwar Natura 2000

X’inhi Natura 2000?

1. X’inhi Natura 2000? X’inhi d-differenza bejn sit tan-Natura 2000 u riżerva naturali nazzjonali jew park nazzjonali?

Is-siti tan-Natura 2000 ġew deżinjati speċifikament sabiex jipproteġu ż-żoni ewlenin għal subsett ta’ speċi jew tipi ta’ ħabitat elenkati fid-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar. Dawn huma meqjusin ta’ importanza Ewropea għaliex huma fil-periklu, vulnerabbli, rari, endemiċi jew jippreżentaw eżempji eċċezzjonali ta’ karatteristiċi tipiċi ta’ wieħed jew aktar mid-disa’ reġjuni bijoġeografiċi tal-Ewropa. B’kollox hemm madwar 2000 speċi u 230 tip ta’ ħabitat li għalihom jeħtieġ li jiġu deżinjati siti ewlenin bħala siti tan-Natura 2000.

Ir-riżervi naturali, il-parks nazzjonali jew siti protetti fuq il-livell nazzjonali jew reġjonali oħrajn huma, min-naħa l-oħra, stabbiliti esklussivament taħt il-liġi nazzjonali jew reġjonali, li tista’ tvarja minn pajjiż għall-ieħor. Is-siti jistgħu jiġu deżinjati għal firxa ta’ skopijiet differenti u jistgħu jikkonċernaw ukoll speċijiet/ħabitats apparti dawk immirati min-netwerk Natura 2000.

Dawn ma għandhomx l-istess status tas-siti tan-Natura 2000. Madankollu, jista’ jkun li xi siti protetti fil-livell nazzjonali jew reġjonali huma wkoll deżinjati bħala siti tan-Natura 2000 għaliex huma żoni importanti għall-ispeċijiet u l-ħabitats ta’ importanza għall-UE ukoll. Fit-tali każijiet japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-UE, sakemm ma jkunx hemm regoli aktar stretti stabbiliti skont il-liġi nazzjonali.

Aktar informazzjoni:

Il-bini tan-netwerk Natura 2000
Bażi tad-dejta EUNIS tan-Natura 2000

2. Kif jintgħażlu s-siti?

Is-siti tan-Natura 2000 jintgħażlu bl-għan li tkun żgurata s-sopravivenza fit-tul tal-ispeċijiet u l-ħabitats protetti skont id-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Ħabitats. L-għażla tas-siti hija bbażata fuq kriterji xjentifiċi.

F’konformità mad-Direttiva dwar l-Għasafar, l-Istati Membri tal-UE huma meħtieġa jiddeżinjaw “l-aktar territorji adatti”, kemm fin-numru kif ukoll fl-erja tas-superfiċje, sabiex ikunu protetti l-ispeċijiet ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva kif ukoll l-ispeċijiet migratorji.

F’konformità mad-direttiva dwar il-Ħabitats, l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw is-siti meħtieġa sabiex jiżguraw li t-tipi ta’ ħabitats naturali elenkati fl-Anness I u l-ħabitats tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness II tagħha jinżammu jew, fejn hu xieraq, jitreġġgħu lura għal status ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

Is-siti jintgħażlu u huma proposti mill-Istati Membri. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) imbagħad tassisti lill-Kummissjoni Ewropea fl-analiżi tal-proposti tas-siti u fl-evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni tas-siti proposti għall-istatus ta’ konservazzjoni ta’ kull tip ta’ ħabitat u speċi fil-livell bijoġeografiku. Ladarba s-siti proposti skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats jitqiesu suffiċjenti, il-listi tas-siti jiġu adottati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiddeżinjawhom bħala Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni (ŻSK) malajr kemm jista’ jkun u fi żmien sitt snin bħala massimu.

Aktar informazzjoni:

Id-deżinjazzjoni tas-siti tan-Natura 2000
Il-bini tan-netwerk Natura 2000

3. Liema tip ta’ ekosistemi huma inklużi f’siti tan-Natura 2000?

Tipi differenti ta’ ekosistemi huma inklużi fis-siti tan-Natura 2000, inklużi ekosistemi terrestri, tal-ilma ħelu u marittimi. Ekosistema tista’ tinkludi ħabitat wieħed jew ħafna differenti u normalment tospita komunità diversa ta’ pjanti u annimali.

Madankollu, xi ekosistemi huma aktar abbundanti minn oħrajn fin-netwerk Natura 2000. Pereżempju l-ekosistemi tal-foresta jirrappreżentaw madwar 50 % tas-superfiċje tan-netwerk filwaqt li l-ekosistemi agrikoli (mergħat u żoni agrikoli oħrajn) ikopru madwar 40 % tan-netwerk,

Attwalment (2016), kważi 6 % taż-żona marittima tal-UE hija inkluża fin-Netwerk Natura 2000 u x-xogħol huwa għaddej sabiex titlesta d-deżinjazzjoni tas-siti marittimi li se jiżguraw il-konservazzjoni ta’ tipi ta’ ħabitats u speċijiet protetti mid-direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar fl-ekosistemi marittimi.

4. Kien hemm konsultazzjoni pubblika dwar l-għażla tas-siti għan-netwerk Natura 2000?

Id-direttivi ma jistipulawx fid-dettall il-proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jiġi segwit għall-għażla ta’ siti. B’riżultat ta’ dan, il-proċeduri varjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri skont is-sistemi amministrattivi tagħhom. F’xi każijiet, l-identifikazzjoni tas-siti ġiet akkumpanjata minn diskussjoni dettaljata mas-sidien u l-utenti iżda, f’każijiet oħrajn, ma kien hemm ebda jew kien hemm ftit konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Dan ta bidu għal kontroversja f’xi Stati Membri, li wasslet għal varjetà ta’ sfidi amministrattivi u legali li dewmu s-sottomissjoni tal-proposti. Il-Kummissjoni madankollu ma kinitx involuta f’dan l-istadju u ma kellhiex setgħa li tintervjeni fil-proċeduri differenti segwiti fl-Istati Membri.

Fir-rigward tal-analiżi tal-listi nazzjonali tas-SIK u l-għażla tagħhom fil-livell bijoġeografiku, din twettqet b’mod trasparenti permezz ta’ seminars xjentifiċi msejħa mill-Kummissjoni u appoġġati mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. L-Istati Membri u l-esperti li jirrappreżentaw l-interessi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti mis-sidien sal-utenti kif ukoll l-NGOs ambjentali, ingħataw opportunità li jipparteċipaw f’dawn is-seminars.

5. Għaliex ma jitqiesux il-kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi fl-għażla tas-siti għan-netwerk Natura 2000?

L-identifikazzjoni u l-għażla tas-siti għall-inklużjoni fin-netwerk Natura 2000 isiru fuq bażi purament xjentifika skont il-kriterji tal-għażla stabbiliti fiż-żewġ direttivi. L-użu ta’ bażi xjentifika għall-għażla tas-siti tiżgura li:

  • l-aktar siti xierqa biss jintgħażlu biex jiġu deżinjati taħt in-Natura 2000 (jiġifieri mhux is-siti kollha li jospitaw speċijiet jew ħabitats partikolari) u
  • numru biżżejjed ta’ siti huma inklużi fin-netwerk Natura 2000 sabiex tkun żgurata l-konservazzjoni fit-tul ta’ kull wieħed mill-ispeċijiet u l-ħabitats elenkati matul il-firxa naturali sħiħa tagħhom fi ħdan l-UE.

Jekk l-aħjar siti mhumiex inklużi, jew jekk m’hemmx numru biżżejjed ta’ siti għal speċi jew tip ta’ ħabitat partikolari, in-netwerk ma jkunx ekoloġikament koerenti u ma jkunx kapaċi jissodisfa l-objettivi tiegħu skont iż-żewġ direttivi dwar in-natura.

Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi ma jitqiesux matul il-proċess tal-għażla tas-sit. Madankollu dawn il-kunsiderazzjoni huma fundamentali meta ssir id-deċiżjoni dwar kif sit tan-Natura 2000 għandu jkun protett u mmaniġġjat. L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jagħmilha ċara li l-miżuri kollha meħudin skont id-Direttiva għandhom jitfasslu sabiex jippreservaw u jirrestawraw, fi status ta’ konservazzjoni favorevoli, il-ħabitats naturali u l-ispeċijiet ta’ importanza għall-UE, u għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.

6. Kemm hemm siti u fejn qegħdin?

In-netwerk Natura 2000 attwalment (2016) jinkludi aktar minn 27,000 sit li jkopru superfiċje totali ta’ madwar 1,150,000 km2 kemm fuq żoni fl-art kif ukoll marittimi tal-Istati Membri tal-UE kollha. Iż-żona tal-art totali koperta minn Natura 2000 tirrappreżenta madwar 18 % tas-superfiċje tal-art tal-UE totali. Il-kopertura tal-art nazzjonali tas-siti tan-Natura 2000 tvarja minn madwar 9 % sa kważi 38 % skont il-pajjiżi. Din id-differenza hija parzjalment minħabba l-ammont ta’ ħabitat naturali jew seminaturali li jospita kull pajjiż. Pereżempju proporzjon ħafna ogħla ta’ tipi ta’ ħabitats u speċijiet protetti skont id-Direttivi jinsabu fir-Reġjuni tal-Mediterran, Kontinentali u Alpini milli-fir-Reġjun Atlantiku. Barra minn hekk, xi pajjiżi kienu storikament soġġetti għal livelli ogħla ta’ użu tal-art u frammentazzjoni intensivi li rriżultaw f’riżorsi naturali iżgħar għall-protezzjoni skont id-Direttivi. Il-ħabitats u l-ispeċijiet naturali u seminaturali bħal karnivori kbar ġeneralment huma aktar abbundanti u mxerrdin b’mod aktar estensiv fl-Istati Membri Ewropej Ċentrali u tal-Lvant li ssieħbu mal-UE mill-2004 ’il quddiem milli f’xi Stati Membri aktar antiki. Dan jirriżulta wkoll minn approċċi differenti li ħadu l-Istati Membri fid-delineazzjoni ta’ konfini ta’ siti magħżulin għad-deżinjazzjoni. Għadd ta’ Stati Membri pproponew siti tan-Natura 2000 kbar delineati b’mod wiesa’ li jħaddnu approċċ aktar olistiku li jinkludi żoni ta’ ħabitat li ma jikkwalifikax. Oħrajn iddelineaw is-siti tagħhom b’mod aktar preċiż, li llimitathom aktar għaż-żona ta’ ħabitat li jikkwalifika.

Il-abarometru tan-Natura 2000 regolarment jaġġorna l-informazzjoni dwar in-numru ta’ siti u superfiċje koperta f’kull pajjiżi u fil-livell tal-UE.

Il-viewer tan-Natura 2000 huwa faċilità online li tippermetti lill-utent sabiex isib u jesplora siti tan-Natura 2000 kullimkien fl-UE mal-għafsa ta’ buttuna.

Aktar informazzjoni:

Listi ta’ siti tan-Natura 2000 approvati mill-Kummissjoni f’kull reġjun bijoġeografiku.
Natura 2000 fl-Istati Membri kollha

7. X’inhi d-differenza bejn żona speċjali ta’ konservazzjoni (ŻSK), sit ta’ importanza Komunitarja (SIK), żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) u sit tan-Natura 2000?

Iż-ŻSK, is-SIK u ż-ŻPS kollettivament jissejħu siti tan-Natura 2000. Iż-ŻPS huma siti tan-Natura 2000 li ġew deżinjati skont id-Direttiva dwar l-Għasafar filwaqt li s-SIK u ż-ŻSK huma siti deżinjati skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats. Is-SIK u ż-ŻSK jikkonċernaw l-istess sit. L-unika distinzjoni bejn it-tnejn huwa l-livell ta’ protezzjoni.

Is-SIK huma siti li ġew adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni Ewropea u huma għalhekk soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni jew l-Artikoli 6.2, 6.3 u 6.4. Iż-ŻSK u s-SIK li ġew deżinjati mill-Istati Membri permezz ta’ att legali u li għalihom il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa huma applikati sabiex tkun żgurata l-konservazzjoni tal-ispeċijiet u tipi ta’ ħabitats ta’ importanza għall-UE preżenti.

Ara: Nota tal-Kummissjoni dwar id-deżinjazzjoni ta’ Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni (ŻSK)

8. In-Netwerk Natura 2000 huwa lest? Se jiżdiedu siti ġodda fil-futur?

In-Netwerk Natura 2000 tal-UE fih aktar minn 27,000 sit fit-28 Stat Membru kollha tal-UE (status 2016). Flimkien, dawn ikopru aktar minn miljun kilometru kwadru, li jirrappreżentaw kważi parti minn ħamsa taż-żona terrestri tal-Ewropa (18.36 %) kif ukoll parti importanti tal-ibħra tal-madwar. Dan jagħmlu wieħed mill-akbar netwerks ikkoordinati ta’ żoni ta’ konservazzjoni fid-dinja kollha.

Il-Kummissjoni Ewropea, bl-għajnuna taċ-Ċentru Topiku Ewropew dwar id-Diversità Bijoloġika, hija responsabbli għall-valutazzjoni, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak bijoġeografiku, ta’ jekk kull speċi u tip ta’ ħabitat humiex koperti biżżejjed mis-siti eżistenti fin-netwerk. Din ikkonkludiet li n-netwerk Natura 2000 issa huwa primarjament komplet fuq l-art, iżda talbet lil ċerti Stati Membri sabiex jipproponu aktar siti għal numru ta’ speċijiet u ħabitats sabiex jikkompletaw in-netwerk fit-territorju tagħhom.

Madankollu, l-progress fid-deżinjazzjoni tas-siti tan-Natura 2000 fl-ambjent marittimu sar ħafna aktar bil-mod minn ta’ dak fuq l-art. Sal-lum (Ġunju 2016), ġew deżinjati aktar minn 3000 sit tal-baħar tan-Natura 2000, li jkopru madwar 6 % taż-żona marittima totali tal-UE (aktar minn 360,000 km²). Waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-progress bil-mod fid-deżinjazzjoni tas-siti marittimi kienet in-nuqqas ta’ informazzjoni xjentifika dwar id-distribuzzjoni tal-ħabitats marittimi u tal-ispeċijiet protetti tal-UE, speċjalment fil-livell ta’ dettall meħtieġ sabiex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni tas-siti u jiġi introdott immaniġġjar xieraq.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri reċentement saħħew l-isforzi sabiex jiddeżinjaw aktar siti marittimi, speċjalment f’żoni ġurisdizzjonali marittimi lil hinn mill-kosta u mill-ibħra territorjali tal-istati Membri.

Aktar informazzjoni:

Natura 2000
Natura 2000 fl-ambjent tal-baħar

9. Is-siti jistgħu jiġu mmodifikati u mneħħija minn Natura 2000?

Sit jista’ jitneħħa mil-lista biss jekk jitlef il-valur konservattiv tiegħu minħabba żviluppi naturali u ma jistax jerġa’ jkun irrestawrat b’miżuri ta’ ġestjoni. Madankollu, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li s-sempliċi degradazzjoni tas-sit, minħabba pereżempju ġestjoni mhux adegwata, tkun ksur tal-Artikolu 6.2. Tali siti ma jistgħux jiġu sempliċiment deklassifikati għaliex tħallew jiddeterjoraw, u ma ġewx ġestiti b’mod tajjeb skont ir-rekwiżiti taż-żewġ direttivi tan-natura. Siti li nqerdu u ġew ikkumpensati kif xieraq b’applikazzjoni tal-Artikolu 6.4 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jistgħu jitneħħew mil-lista. Ukoll, siti li għalihom jidher li d-deżinjazzjoni jew id-delimitazzjoni inizjali kienu bbażati fuq informazzjoni xjentifika żbaljata jistgħu jiġu mmodifikati jew jitneħħew mil-lista. Kwalunkwe proposta għal tali modifikazzjoni minn Stat Membru tkun awtorizzata biss mill-Kummissjoni jekk hija sostnuta xjentifikament kif suppost.

Aktar informazzjoni: Sentenza tal-QtĠ C-301/12.

10. Kif nista’ nsib informazzjoni dwar is-siti tan-Natura 2000 fl-Istati Membri? Kif nista’ nkun naf jekk l-art tiegħi hijiex inkluża fin-Natura 2000 jew le?

Il-Kummissjoni Ewropea, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ħolqot sistema ta’ mmappjar GIS online pubblika – imsejħa viewer tan-Natura 2000 – li tagħti l-post preċiż ta’ kull sit tan-Natura 2000 fin-Netwerk tal-UE. L-utent jista’ jfittex kwalunkwe sit kullimkien fl-UE u jsaqsi dwaru. Minħabba li l-iskala tal-mapep hija kbira, il-konfini tas-sit u l-karatteristiċi tal-pajsaġġ ewlenin huma faċilment viżibbli.

Il-viewer tan-Natura 2000 jipprovdi wkoll aċċess għall-Formola ta’ Dejta Standard (SDF) li takkumpanja kull sit. L-SDF tirrekordja l-ispeċijiet u t-tipi ta’ ħabitats ta’ importanza għall-UE li għalihom ġie deżinjat is-sit, kif ukoll il-qies tal-popolazzjoni stmat tagħhom u l-grad ta’ konservazzjoni fi ħdan dak is-sit fiż-żmien tad-deżinjazzjoni.

Informazzjoni aktar dettaljata dwar siti tan-Natura 2000 hija disponibbli wkoll mingħand l-awtoritajiet ta’ konservazzjoni tan-natura kompetenti f’kull Stat Membru.

Aktar informazzjoni:

Il-viewer tan-Natura 2000
Aċċess għal dejta tan-Natura 2000
Natura 2000 fl-Istati Membri kollha

11. Id-deżinjazzjoni tan-Natura 2000 tfisser li rrid inwaqqaf l-attivitajiet ekonomiċi kollha fis-sit? Din taffettwa s-sjieda tiegħi?

In-nies ta’ spiss jassoċjaw il-konservazzjoni tan-natura ma’ riżervi tan-natura stretti fejn l-attivitajiet tal-bniedem huma sistematikament esklużi. Natura 2000 tadotta approċċ differenti. Din tirrikonoxxi kompletament li l-bniedem huwa parti integrali tan-natura u t-tnejn jaħdmu l-aħjar fi sħubija ma’ xulxin.

Id-deżinjazzjoni tas-siti tan-Natura 2000 għalhekk ma tfissirx li l-attivitajiet ekonomiċi kollha għandhom jitwaqqfu. F’xi każijiet, jistgħu fil-fatt ikunu meħtieġa adattamenti jew tibdiliet sabiex jissalvagwardjaw l-ispeċijiet u l-ħabitats li għalihom ġie deżinjat is-sit, jew sabiex jgħinu jirrestawrawhom għal stat tajjeb ta’ konservazzjoni. Iżda f’ħafna każijiet oħra, l-attivitajiet eżistenti se jkomplu bħal qabel.

Fil-fatt, għal bosta siti, l-ispeċijiet u l-ħabitats preżenti jistgħu jkunu kompletament dipendenti fuq it-tkomplija ta’ tali attivitajiet għas-sopravivenza fit-tul tagħhom u, f’tali każijiet, ikun importanti li jinstabu modi biex dan l-appoġġ jitkompla, u jekk xieraq, jitjiebu tali attivitajiet – eż. il-ħsad jew ir-ragħa regolari jew il-kontroll tas-siġar mhux żviluppati.

Għalhekk mhuwiex possibbli li tiġġeneralizza. Ħafna jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi ambjentali, kif ukoll soċjali u ekonomiċi speċifiċi ta’ kull sit u r-rekwiżiti ekoloġiċi preċiżi tal-ispeċijiet u t-tipi ta’ ħabitats preżenti. Dan jista’ jiġi vvalutat biss fuq bażi ta’ każ b’każ.

12. Id-deżinjazzjoni tan-Natura 2000 se twaqqaf l-attivitajiet tradizzjonali bħall-qtugħ tal-pit u l-qtugħ tas-siġar?

L-attivitajiet tradizzjonali se jitħallew għaddejjin bħal qabel jekk m’għandhom l-ebda impatt negattiv fuq l-ispeċijiet jew it-tipi ta’ ħabitats li għalihom is-sit ġie deżinjat. Ukoll, dan jeħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ. Imbagħad biss se jkun ċar jekk fil-fatt hemmx impatt jew le. Jekk hemm impatt negattiv, l-istudji se jgħinu sabiex jiddeterminaw il-livelli tiegħu u l-aħjar mezzi sabiex dan jitnaqqas jew jitneħħa (eż. ir-rilokazzjoni tal-attivitajiet għal parti oħra tas-sit jew l-adattament ta’ prattiki u ż-żmien tagħhom) sabiex ma jikkawżax aktar id-deterjorament jew degradazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats li għalihom ġie deżinjat is-sit.

13. Il-kaċċa hija permessa fis-siti tan-Natura 2000?

Il-kaċċa hija eżempju tipiku ta’ attivitajiet kontinwi li jistgħu jkunu permessi li jitkomplew f’sit tan-Natura 2000, diment li din ma jkollhiex impatt negattiv fuq l-ispeċijiet jew it-tipi ta’ ħabitats li għalihom is-sit ġie deżinjat. Id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats jirrikonoxxu l-leġittimità tal-kaċċa bħala forma ta’ użu sostenibbli u ma jipprojbixxux a priori l-prattika tagħha fi ħdan is-siti tan-Natura 2000. Minflok, id-Direttivi jistipulaw qafas għall-kontroll tal-attivitajiet tal-kaċċa sabiex jiżguraw li jkun hemm bilanċ bejn il-kaċċa u l-interess fit-tul li jkunu ppreservati popolazzjonijiet b’saħħithom u vijabbli ta’ speċijiet li jiġu kkaċċjati.

Aktar informazzjoni: Inizjattivi ta’ kaċċa sostenibbli

14. L-attivitajiet rikreattivi għadhom permessi fis-siti tan-Natura 2000?

In-nies imorru jfittxu n-natura għal varjetà kbira ta’ raġunijiet differenti. Ħafna jfittxu li jirrilassaw fil-paċi u l-kwiet ta’ ambjent b’xenarju sabiħ, uħud huma ħerqana li jesploraw żoni ġodda, filwaqt li oħrajn huma aktar interessati li jwettqu attivitajiet ibbażati fuq in-natura bħall-għawm, il-mixi, iċ-ċikliżmu, is-sajd, il-kaċċa, eċċ. Hi x’inhi l-motivazzjoni tagħhom, Natura 2000 toffri lin-nies opportunità unika li jiskopru u jgawdu l-wirt naturali għani tal-Ewropa.

Dawn l-attivitajiet rikreattivi huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar sakemm ma jaffettwawx b’mod negattiv il-ħabitats u l-ispeċijiet preżenti. Is-soluzzjoni ta’ spiss tkun fl-ippjanar sensibbli u użu għaqli tar-riżorsi sabiex ikun żgurat li ma jispiċċawx jeqirdu proprju l-ħaġa li huma bbażati fuqha.

L-istabbiliment ta’ objettivi ta’ konservazzjoni għal siti tan-Natura 2000

15. Għal xiex huma l-objettivi ta’ konservazzjoni u kif inhuma stabbiliti?

L-objettivi ta’ konservazzjoni huma maħsubin sabiex jiddefinixxu b’mod kemm jista’ jkun preċiż l-istat jew il-grad ta’ konservazzjoni mixtieq li għandu jintlaħaq f’sit partikolari. L-objettivi għandhom ikunu stabbiliti għal kull tip ta’ ħabitat u speċi rilevanti preżenti f’dak is-sit.

Ta’ spiss dawn huma ppreżentati bħala miri kwantitattivi, eż. il-preservazzjoni tal-popolazzjoni ta’ speċi partikolari f’numru minimu partikolari ta’ individwi jew it-titjib tal-grad ta’ konservazzjoni ta’ tip ta’ ħabitat mill-kategorija Ċ għall-B fi żmien 10 snin.

L-istabbiliment ta’ objettivi ta’ konservazzjoni ċari għal Natura 2000 huwa essenzjali sabiex jiżgura li kull sit fin-netwerk jikkontribwixxi b’mod effettiv kemm jista’ jkun għall-objettiv ġenerali taż-żewġ direttivi tan-natura, li huwa li jinkiseb status ta’ konservazzjoni favorevoli għat-tipi ta’ ħabitats u l-ispeċijiet kollha li jipproteġu1 fil-firxa kollha tagħhom fi ħdan l-UE.

L-objettivi ta’ konservazzjoni huma speċifiċi għal kull sit u għandhom ikunu bbażati fuq għarfien sod tas-sit u l-ispeċijiet/ħabitats preżenti, ir-rekwiżiti ekoloġiċi tagħhom kif ukoll kwalunkwe theddid u pressjonijiet fuq il-preżenza kontinwa tagħhom fuq is-sit. Dan għaliex kull sit tan-Natura 2000 jippreżenta s-sett uniku tiegħu ta’ kundizzjonijiet bijotiċi, abijotiċi u soċjoekonomiċi li jistgħu jvarjaw konsiderevolment minn sit għall-ieħor anke meta jospitaw l-istess speċijiet u ħabitats.

Huwa rrakkomandat li jiġu stabbiliti objettivi ta’ konservazzjoni usa’ għal firxa sħiħa ta’ siti, jew għal ċerti speċijiet jew ħabitats fi ħdan reġjun jew pajjiż partikolari (objettivi ta’ konservazzjoni nazzjonali jew reġjonali). Dan mhux biss se jgħin fl-istabbiliment ta’ objettivi ta’ konservazzjoni fil-livell ta’ sit individwali iżda se jgħin ukoll fl-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet ta’ konservazzjoni strateġiċi fi ħdan u fost is-siti differenti. B’dan il-mod, il-miżuri li għandhom l-akbar potenzjal li jitjiebu jew li jippreservaw l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ speċi jew ħabitat partikolari fi ħdan dak ir-reġjun jew pajjiż jistgħu jingħataw prijorità.

Il-Kummissjoni ppubblikat nota ta’ interpretazzjoni sabiex tipprovdi gwida dwar l-istabbiliment ta’ objettivi ta’ konservazzjoni għal Natura 2000, li tipprovdi aktar spjegazzjoni.

1 L-objettiv tad-Direttiva dwar l-Għasafar hija fformulata ftit differenti, iżda l-ambizzjoni hija l-istess.

16. Min hu responsabbli għall-istabbiliment tal-objettivi ta’ konservazzjoni? Is-sidien tal-art/maniġers huma kkonsultati?

L-istabbiliment tal-objettivi ta’ konservazzjoni huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru. Id-Direttivi dwar in-Natura ma jippreskrivux kif dan għandu jsir għaliex huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi fuq il-forma u l-metodi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu. Madankollu huwa l-objettiv tad-Direttivi dwar in-Natura li jintlaħaq Status ta’ Konservazzjoni Favorevoli għall-ispeċijiet u l-ħabitats ta’ interess Komunitarju u li jintuża n-netwerk Natura 2000 sabiex jinkiseb dak l-għan.

Il-Kummissjoni madankollu tirrakkomanda li, flimkien mal-iżgurar li l-objettivi ta’ konservazzjoni jkunu bbażati fuq għarfien sod, il-partijiet interessati kollha – sew jekk huma sidien tal-art, maniġers tal-art jew NGOs ta’ konservazzjoni – ikunu involuti fil-proċess ta’ stabbiliment ta’ objettivi ta’ konservazzjoni. Dan se jgħin sabiex ikunu ddefiniti objettivi ta’ konservazzjoni realistiċi u li jistgħu jinkisbu.

Mhux biss is-sidien u l-maniġers tal-art ġeneralment ikollhom għarfien tajjeb ħafna tal-ġestjoni tas-sit li wassal għal suċċessi jew fallimenti f’termini ta’ konservazzjoni fil-passat iżda huwa wkoll importanti li tkun tista’ ssir diskussjoni minn żewġ naħat bejn l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati ewlenin dwar kif objettivi u miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit jistgħu jiġu ddefiniti bl-aħjar mod. Id-diskussjoni u l-komunikazzjoni b’mod ċar tal-importanza, ir-rwol u l-objettivi ta’ konservazzjoni ta’ sit partikolari se jgħinu wkoll sabiex itejbu s-sensibilizzazzjoni u l-involviment ta’ dawk kollha involuti.

17. Fejn nista’ nsib aktar informazzjoni dwar l-objettivi ta’ konservazzjoni ta’ sit partikolari?

Kull pajjiż għandu l-mekkaniżmu tiegħu għall-pubblikazzjoni tal-objettivi ta’ konservazzjoni tas-siti tiegħu. Dawn jistgħu jkunu speċifikati fi ħdan id-deċiżjonijiet jew l-atti legali tad-deżinjazzjonitas-sit jew fid-dokument ta’ akkumpanjament. Dawn jistgħu jkunu ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tal-awtoritajiet tan-natura kompetenti. Normalment dawn huma inklużi wkoll, u spjegati aktar, fil-pjanijiet ta’ ġestjoni jew strumenti simili tas-sit tan-Natura 2000, fejn jeżistu tali strumenti. Il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni aċċessibbli faċilment dwar l-objettivi ta’ konservazzjoni tan-Natura 2000 b’mod li tkun rilevanti u tinftiehem faċilment mis-sidien u l-maniġers tal-art.

18. Kif nista’ nkun naf liema attivitajiet huma jew mhumiex kompatibbli ma’ Natura 2000 jekk l-ebda objettiv ta’ konservazzjoni ma ġie stabbilit?

L-objettivi ta’ konservazzjoni għandhom ikunu stabbiliti mill-awtoritajiet għas-siti kollha tan-Natura 2000. Madankollu jista’ jkun li l-proċess iddewwem u li l-objettivi ta’ konservazzjoni għadhom neqsin.

F’każ bħal dan, hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti li jinformaw lill-partijiet ikkonċernati dwar l-implikazzjonijiet tad-deżinjazzjoni ta’ żona bħala sit tan-Natura 2000. Dawn għandhom b’mod partikolari jikkomunikaw jekk ċerti attivitajiet għandhomx jiġu adatti jew possibbilment esklużi sabiex ikun evitat id-deterjorament tas-sit, jew liema attivitajiet għandhom ikunu promossi sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Il-Formola ta’ Dejta Standard (SDF) hija sors ta’ informazzjoni utli sabiex wieħed jifhem ir-raġunijiet għaliex ġie deżinjat sit partikolari. Għandha tkun ikkonsultata dejjem meta jittieħdu deċiżjonijiet ta’ ġestjoni (eż. meta jiġu abbozzati dokumenti ta’ ġestjoni jew jiġu ppjanati investimenti ġodda).

Ir-rekwiżit minimu għandu jkun li jiġi evitat id-deterjorament tal-ħabitats u tal-ispeċijiet kollha li jinsabu b’mod sinifikanti fis-sit, skont l-SDF. Meta tkun nieqsa l-informazzjoni xjentifika għandu jipprevali approċċ prekawzjonarju.

Informazzjoni dettaljata dwar ir-rekwiżiti tas-sit tista’ tinstab ukoll fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000 fejn dawn jeżistu jew f’dokumenti rilevanti oħrajn (jiġifieri dokumenti dwar objettivi ta’ konservazzjoni, atti dwar id-deżinjazzjoni tas-siti, eċċ.).

L-Istati Membri normalment jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar is-siti tan-Natura 2000 tagħhom, inklużi raġunijiet għad-deżinjazzjoni tagħhom, objettivi ta’ konservazzjoni, pjanijiet ta’ ġestjoni u miżuri ta’ konservazzjoni, li huma magħmulin disponibbli pubblikament permezz ta’ siti tal-Internet u mezzi oħrajn (eż. permezz ta’ amministrazzjonijiet lokali). Xi pajjiżi jipprovdu wkoll informazzjoni speċifika u dettaljata lis-sidien tal-art u lill-utenti tal-art ewlenin f’kull sit tan-Natura 2000 (eż. permezz ta’ notifiki partikolari, bħal fir-Renju Unit, jew permezz tal-istabbiliment ta’ gruppi jew kumitati lokali fejn il-partijiet ikkonċernati ewlenin huma involuti, mill-bidu, fil-ġestjoni tas-siti, bħal fil-każ ta’ Franza u Stati Membri tal-UE oħrajn). Is-sidien tal-art u l-utenti tal-art jistgħu jindirizzaw ukoll lill-awtoritajiet ta’ konservazzjoni lokali sabiex isiru jafu aktar dwar siti tan-Natura 2000 speċifiċi.

Il-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000

19. ¿Quién es responsable de establecer las medidas de conservación?

L-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni fis-siti tan-Natura 2000 huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru. Skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (l-Artikolu 6.1): “Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti”.

Il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni (SAC) kollha u dan ir-reġim ta’ konservazzjoni ġenerali japplika għat-tipi ta’ ħabitats naturali kollha tal-Anness I u l-ispeċijiet tal-Anness II li hemm fis-siti, ħlief dawk identifikati bħala mhux sinifikanti fil-Formola ta’ Dejta Standard tan-Natura 2000.

Il-Kummissjoni pprovdiet gwida dwar l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni għal siti tan-Natura 2000 u ppubblikat reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6.1 u l-implimentazzjoni prattika tagħhom fi Stati Membri differenti.

Kumpilazzjoni tal-aktar deċiżjonijiet importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea relatati mal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats hija disponibbli, inkluż dwar l-obbligu li jittieħdu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa f’siti tan-Natura 2000.

20. Kif huma identifikati u stabbiliti l-miżuri ta’ konservazzjoni għal sit tan-Natura 2000? Sa meta għandhom ikunu stabbiliti?

Il-miżuri ta’ konservazzjoni huma l-azzjonijiet prattiċi li jeħtieġ li jkunu implimentati sabiex sit jilħaq l-objettivi ta’ konservazzjoni tiegħu. Dawn għandhom jikkorrispondu mar-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ ħabitats u speċijiet preżenti. Meta jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ konservazzjoni, il-kuntesti ekonomiċi, soċjali u kulturali wkoll għandhom jiġu kkunsidrati, kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali. Dan il-prinċipju huwa stabbilit fid-Direttiva dwar il-Ħabitats (Artikolu 2).

Sabiex jiġu identifikati l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa, huwa essenzjali li jkun hemm bażi ta’ informazzjoni soda tal-kundizzjonijiet eżistenti fis-sit, kif ukoll dwar l-istatus ta’ konservazzjoni, it-theddid, il-pressjonijiet u l-ħtiġijiet tal-ispeċijiet u t-tipi ta’ ħabitats preżenti u dwar il-kuntest soċjoekonomiku ġenerali (l-użu tal-art u s-sjieda eżistenti, l-interessi tal-partijiet ikkonċernati, l-attivitjiet ekonomiċi għaddejjin, eċċ.).

Il-miżuri ta’ konservazzjoni, bħall-objettivi ta’ konservazzjoni, ġeneralment huma speċifiċi għal kull sit u għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi ta’ każ b’każ. Dan għaliex kull sit tan-Natura 2000 jippreżenta s-sett uniku tiegħu ta’ kundizzjonijiet bijotiċi, abijotiċi u soċjoekonomiċi li jistgħu jvarjaw konsiderevolment minn sit għall-ieħor anke meta jospitaw l-istess speċijiet u ħabitats.

L-Istati Membri għandhom sa 6 snin miż-żmien li sit jiġi adottat bħala Sit ta’ Importanza Komunitarja (SIK) sabiex jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa u jiddeżinjaw is-sit bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni (ŻSK). Dawn is-6 snin għandhom jintużaw mhux biss sabiex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa kollha dwar is-sit iżda anke sabiex jiġu informati u jsiru diskussjonijiet u negozjati mal-gruppi interessati kollha dwar liema miżuri huma l-aktar xierqa sabiex jiġu implimentati sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ konservazzjoni stabbiliti għas-sit.

Id-Direttivi dwar in-Natura ma jippreskrivux kif dan għandu jsir għaliex huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi fuq il-forma u l-metodi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

Il-Kummissjoni pprovdiet gwida dwar l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni għal siti tan-Natura 2000.

21. Liema tip ta’ miżuri ta’ konservazzjoni jistgħu jkunu introdotti?

Kif imsemmi qabel, dan jeħtieġ li jkun deċiż fuq bażi ta’ każ b’każ skont iċ-ċirkustanzi ekoloġiċi kif ukoll soċjoekonomiċi tas-siti. Il-miżuri ta’ konservazzjoni jistgħu ivarjaw minn:

  • “xejn” għaliex ma tkun meħtieġa l-ebda miżura addizzjonali apparti milli titkompla l-ġestjoni tas-sit bil-mod li kien ġestit sa issa;
  • miżuri “sempliċi”, bħall-evitar ta’ disturbi matul l-istaġun tat-tnissil jew li jsir ħsad jew qtugħ tat-tiben regolari, jew iż-żieda tal-ammont ta’ injam mejjet fil-foresta;
  • għal attivitajiet ta’ restawr “kbar” li jinvolvu t-tneħħija fi kwantitajiet kbar ta’ speċijiet aljeni jew ir-restawr idroloġiku ta’ art mistagħdra pereżempju.

F’xi każijiet, nuqqas ta’ intervent u protezzjoni aktar stretta jistgħu jitqiesu bħala miżura ta’ konservazzjoni, speċjalment għall-ħabitats u l-ispeċijiet li huma vulnerabbli ħafna għal kwalunkwe tip ta’ intervent mill-bniedem u għalhekk jeħtieġu żoni ta’ rifuġju stretti sabiex tkun żgurata s-sopravivenza kontinwa tagħhom.

Il-Kummissjoni ppubblikat reviżjoni ta’ approċċi għall-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni fi Stati Membri differenti u għadd kbir ta’ eżempji ta’ miżuri ta’ konservazzjoni differenti li ġew implimentati skont firxa ta’ ċirkostanzi soċjoekonomiċi fl-UE.

Jistgħu jkunu meħtieġa tipi differenti ta’ miżuri fis-siti tan-Natura 2000, inklużi attivitajiet ta’ restawr li jeħtieġu xogħlijiet li għandhom jitwettqu f’ċerti ħinijiet speċifiċi, bħal xogħlijiet għar-restawr tal-idroloġija ta’ art mistagħdra, it-tħawwil ta’ xi speċijiet, l-introduzzjoni mill-ġdid jew infurzar mill-ġdid ta’ popolazzjonijiet, l-installazzjonijiet jew infrastruttura meħtieġa, eċċ. Azzjonijiet rikorrenti regolarment jista’ jkun li jeħtieġ li jiġu implimentati perjodikament fis-sit sabiex jippreservaw jew itejbu l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ xi ħabitats jew il-popolazzjoni ta’ ċerti speċijiet. Dan it-tip ta’ azzjonijiet jista’ jinkludi, pereżempju, il-ħsad jew ir-raggħa, it-tneħħija regolari tas-siġar mhux żviluppati , il-ġestjoni ta’ reġimi idroloġiċi għal żoni ta’ art mistagħdra, eċċ. Attivitajiet ta’ sorveljanza, għassa u protezzjoni jistgħu jkunu meħtieġa wkoll sabiex tkun żgurata protezzjoni adegwata ta’ xi żoni.

Il-preparazzjoni tal-miżuri meħtieġa teħtieġ ippjanar b’attenzjoni u l-elaborazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni u speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni korretta tagħhom. Il-monitoraġġ normalment huwa wkoll parti mill-miżuri ta’ konservazzjoni ppjanati, għaliex hemm ħtieġa li r-riżultati miksuba jiġu segwiti u evalwati sabiex tkun ivvalutata l-effikaċja tal-miżuri u jiġu introdotti l-aġġustamenti meħtieġa meta jkun hemm bżonnhom.

Fl-aħħar, l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni f’siti tan-Natura 2000 normalment tinkiseb l-aħjar jekk tkun akkumpanjata b’informazzjoni xierqa u bis-sensibilizzazzjoni tal-popolazzjoni li tgħix fiż-żona u b’mod speċjali tal-parti kkonċernata ewlenija u l-gruppi interessati kkonċernati mill-azzjonijiet jew involuti fl-implimentazzjoni tagħhom. Is-sensibilizzazzjoni hija utli b’mod speċjali fejn is-siti huma miftuħin għall-aċċess u għall-użu minn partijiet terzi, jiġifieri persuni li mhumiex sidien tal-art, kerrejja jew awtoritajiet pubbliċi. Iż-żieda ta’ sensibilizzazzjoni u għarfien fost dawk li jużaw iż-żoni tista’ tkun waħda mill-aktar approċċi ta’ ġestjoni importanti.

22. X’inhuma l-pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000 u dawn huma obbligatorji?

Sabiex jgħinu biex is-siti jkunu ġestiti b’mod ċar u trasparenti, il-Kummissjoni Ewropea tinkoraġġixxi ħafna lill-Istati Membri sabiex jelaboraw pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati lokali. L-istabbiliment ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000 huwa responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti għal Natura 2000. Pjan ta’ ġestjoni jirrappreżenta qafas solidu u effiċjenti għall-implimentazzjoni u s-segwitu ta’ miżuri ta’ konservazzjoni.

Għalkemm mhumiex obbligatorji skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000 huma għodod utli ħafna għaliex:

  • Jipprovdu rekord komplet tal-objettivi ta’ konservazzjoni u l-kundizzjoni ekoloġika u r-rekwiżiti tal-ħabitats u l-ispeċijiet preżenti fis-sit sabiex ikun ċar għal kulħadd x’qiegħed ikun ikkonservat u għaliex.
  • Janalizzaw il-kuntest soċjoekonomiku u kulturali taż-żona u l-interazzjonijiet bejn użi tal-art differenti u l-ispeċijiet u ħabitats preżenti.
  • Jipprovdu qafas għal dibattitu miftuħ fost il-gruppi interessati kollha u jgħinu sabiex jinbena konsensus komuni dwar il-ġestjoni fit-tul tas-sit kif ukoll jinħoloq sens ta’ sjieda kondiviża għar-riżultat finali.
  • Jgħinu sabiex jinstabu soluzzjonijiet ta’ ġestjoni prattiċi li huma sostenibbli u integrati aħjar fi prattiki tal-użu tal-art oħrajn.
  • Jipprovdu mezz ta’ stabbiliment tar-responsabbiltajiet rispettivi tal-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet u l-NGOs soċjoekonomiċi differenti fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa identifikati.

Il-pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000 jistgħu jitfasslu speċifikament għas-sit jew jiġu integrati fi pjanijiet ta’ żvilupp oħrajn, sakemm l-objettivi ta’ konservazzjoni tan-Natura 2000 jkunu inklużi b’mod ċar f’dawn il-pjanijiet.

23. Hemm għodod disponibbli sabiex jgħinu fil-preparazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000?

Gwida għall-preparazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000, għall-formulazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni kif ukoll għat-twettiq tal-proċessi ta’ ppjanar ta’ ġestjoni f’siti tan-Natura 2000 hija disponibbli fis-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea2, kif ukoll f’ħafna pajjiżi.

Appoġġ finanzjarju jista’ jkun disponibbli wkoll mill-Fondi Strutturali tal-UE (Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Fond ta’ Koeżjoni), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Programm LIFE, għat-tfassil, l-aġġornament u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni għal siti tan-Natura 2000.

Fil-passat sar użu sostanzjali ta’ dawn il-fondi Ewropej għall-preparazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000, eż. FAEŻR fi Franza, fl-Italja, fi Spanja, fil-Portugall, f’xi Länder Ġermaniżi; FEŻR fil-Greċja, fil-Polonja, fl-Ungerija, fl-Italja; Fond ta’ Koeżjoni fil-Litwanja; u finanzjament ta’ LIFE f’Ċipru, fl-Ungerija, fil-Litwanja u f’ħafna pajjiżi oħrajn. Dawn il-fondi se jkomplu jintużaw fil-futur għar-reviżjoni u l-aġġornament ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni, skont il-programmi ta’ implimentazzjoni nazzjonali.

24. Kif jiġu identifikati r-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ ħabitats u l-ispeċitajiet? Is-sempliċi preżenza ta’ speċi/tip ta’ ħabitat ta’ importanza għall-UE jimplika tibdiliet ta’ ġestjoni f’sit?

Ir-rekwiżiti ekoloġiċi ta’ tipi ta’ ħabitats u speċijiet jinvolvu l-ħtiġijiet ekoloġiċi kollha, inklużi fatturi abijotiċi u bijotiċi, li huma meqjusin meħtieġa sabiex tkun żgurata l-konservazzjoni tat-tipi ta’ ħabitats (jiġifieri l-istruttura speċifika tal-ħabitat u funzjonijiet meħtieġa għall-preservazzjoni fit-tul tiegħu, l-ispeċijiet tipiċi tiegħu, eċċ.) u speċijiet preżenti fuq is-sit, inklużi r-relazzjonijiet tagħhom mal-ambjent fiżiku (arja, ilma, ħamrija, veġetazzjoni, eċċ.).

Dawn ir-rekwiżiti huma bbażati fuq għarfien xjentifiku u għandhom ikunu ddefiniti fuq bażi ta’ każ b’każ, li tfisser li r-rekwiżiti ekoloġiċi jistgħu jvarjaw minn speċi jew tip ta’ ħabitat wieħed għall-ieħor fi ħdan sit iżda anke għall-istess speċi jew tip ta’ ħabitat minn sit wieħed għall-ieħor. Dawn huma indipendenti minn kwalunkwe kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi.

Is-sorsi nazzjonali u reġjonali disponibbli jistgħu jiġu kkonsultati sabiex tinġabar informazzjoni rilevanti u dettaljata dwar ir-rekwiżiti ekoloġiċi ta’ tipi ta’ ħabitats u speċijiet ta’ importanza għall-UE sabiex tkun appoġġata l-ġestjoni tagħhom. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll linji gwida dwar il-ġestjoni għal xi ħabitats u speċijiet, li jipprovdu informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward.

25. Is-siti tan-Natura 2000 ta’ spiss jinkludu speċijiet u ħabitats mhux koperti mid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għal tali speċijiet u ħabitats?

Normalment le; fir-rigward tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, l-ispeċijiet u t-tipi ta’ ħabitats protetti skont dawn iż-żewġ direttivi u preżenti fuq is-sit tan-Natura 2000 biss jeħtieġu l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni. Madankollu l-ispeċijiet li mhumiex protetti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats iżda tipiċi għal tip ta’ ħabitat tal-Anness I jew meħtieġa għall-konservazzjoni ta’ speċi ta’ importanza Komunitarja (eż. protezzjoni ta’ bejtiet tan-nemel għall-għasafar) jista’ jkun li jeħtieġu attenzjoni wkoll. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu informazzjoni rilevanti.

Barra minn hekk, il-ġestjoni tas-sit tista’ tikkunsidra wkoll speċijiet u ħabitats oħrajn li mhumiex protetti skont id-Direttivi tan-Natura tal-UE. L-Istati Membri u tabilħaqq is-sidien u l-maniġers individwali huma kompletament liberi li jfasslu objettivi u/jew miżuri ta’ konservazzjoni anke għal speċijiet u ħabitats li mhumiex koperti minn dawn iż-żewġ direttivi, eż. għal ħabitats u speċijiet li huma protetti jew mhedda fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

26. Il-miżuri ta’ konservazzjoni tan-Natura 2000 huma obbligatorji?

Il-proċess ta’ stabbiliment tal-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għal kull sit tan-Natura 2000 mhuwiex dispożizzjoni fakultattiva; huwa obbligatorju għall-Istati Membri kollha. Dan ifisser li, għal kull sit tan-Natura 2000, li huma meqjusin meħtieġa, għandhom jiġu stabbiliti u implimentati dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni (Kawża QtĠ C-508/04).

Huwa madankollu utli li ssir distinzjoni bejn dawn il-miżuri li huma meqjusin meħtieġa għall-konservazzjoni u r-restawr tal-ispeċijiet u t-tipi ta’ ħabitats preżenti fis-sit u dawk li huma meqjusin mixtieqa u “jkun tajjeb li jiġu implimentati jekk hemm il-mezzi u l-opportunitajiet biex dan isir”. Dan tal-aħħar jista’ idealment ikun identifikat bħala tali fil-pjan ta’ ġestjoni tan-Natura 2000 filwaqt li jkun ikkunsidrat bħala miżuri tal-aħjar prattika mmirati sabiex itejbu l-livell ġenerali tal-bijodiversità fis-sit filwaqt li jmur lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji għas-sit.

L-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni mhux dejjem timplika ġestjoni attiva jew miżuri ta’ restawr, bħat-tneħħija ta’ speċi aljena invażiva jew id-diversifikazzjoni tal-istruttura tal-età ta’ stands tal-foresta. Tista’ tinkludi wkoll miżuri protettivi bħall-evitar ta’ disturbi ta’ speċijiet matul l-istaġun tat-tnissil.

Kumpilazzjoni tal-aktar deċiżjonijiet importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea relatati mal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats hija disponibbli, inkluż dwar l-obbligu li jittieħdu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa fis-siti tan-Natura 2000.

27. Kif inhuma fformulati miżuri ta’ konservazzjoni?

Il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom ikunu deskritti f’biżżejjed dettall sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. Il-post tagħhom u deskrizzjoni tal-mezzi u għodod meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet differenti involuti għandhom jiġu pprovduti. Il-lingwa użata meta jiġu deskritti l-miżuri ta’ konservazzjoni għandha tkun ċara sabiex jinftiehmu faċilment minn kulħadd.

Il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jiġu riveduti u adatti meta jkun meħtieġ, eż. abbażi tar-riżultati attwali tal-miżuri diġà magħmulin. Huwa importanti wkoll li jkunu indikati l-ispejjeż stmati u l-fondi disponibbli u li tiġi stabbilita skeda taż-żmien sabiex jiġu riveduti l-miżuri ta’ konservazzjoni meħudin, fir-rigward tal-implimentazzjoni attwali tagħhom u l-adegwatezza tagħhom għall-ilħuq tal-objettivi ta’ konservazzjoni.

28. Min jiddeċiedi liema miżuri ta’ konservazzjoni huma meħtieġa? Il-partijiet ikkonċernati huma kkonsultati?

Id-deċiżjoni ta’ liema miżuri ta’ konservazzjoni huma meħtieġa taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti f’kull pajjiż. Id-direttivi tan-natura ma jippreskrivux it-tip ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li għandhom jiġu implimentati, ħlief li jispeċifikaw li dawn għandhom jikkorrispondu mar-rekwiżiti ekoloġiċi tal-ispeċijiet u t-tipi ta’ ħabitats preżenti fuq sit. Iħalluha f’idejn kull Stat Membru li jfassal u jimplimenta t-tip ta’ miżuri li hu jqis l-aktar xierqa u effettivi għas-siti tan-Natura 2000 tiegħu.

Il-Kummissjoni madankollu tirrakkomanda ħafna li, flimkien mal-iżgurar li l-miżuri ta’ konservazzjoni jkunu bbażati fuq għarfien sod, il-maniġers jew is-sidien tal-art kif ukoll partijiet interessati rilevanti oħrajn – sew jekk huma rappreżentanti ta’ komunitajiet lokali kif ukoll NGOs ta’ konservazzjoni – ikunu involuti b’mod attiv fil-proċess ta’ identifikazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa u l-preparazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000.

B’mod partikolari, is-sidien u l-maniġers tal-art għandhom ikunu involuti fi stadju bikri fl-iżvilupp tal-miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit. Il-parteċipazzjoni tagħhom fl-ippjanar u l-preparazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni għal sit tan-Natura 2000 tagħmilha possibbli li jittieħed benefiċċju mill-għarfien espert tagħhom u tipprovdi opportunità eċċellenti wkoll biex ikunu involuti b’mod attiv fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni. Prattika tajba attwali tinvolvi l-iżgurar tal-kontribuzzjoni attiva tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, eż. permezz tal-istabbiliment ta’ gruppi jew kumitati ta’ tmexxija.

Komunikazzjoni tajba mill-bidu se tgħin ukoll sabiex jinstabu kompromessi u sinerġiji bejn dak li diġà sar u dak li jista’ jittejjeb. Ir-riżultat aktarx se jkun proċess aktar kosteffikaċi u li jieħu anqas ħin. Dan se jżid ħafna l-probabbiltà ta’ suċċess għaliex se jinkoraġġixxi u jagħti s-setgħa lill-partijiet ikkonċernati differenti sabiex isiru involuti b’mod aktar attiv u impenjati fil-ġestjoni tas-sit tan-Natura 2000 tagħhom.

Ladarba jkunu stabbiliti, il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-pubbliku ġenerali (eż. fuq siti tal-Internet, fl-istampa lokali, fir-reġistri uffiċjali tal-awtoritajiet lokali).

29. Kif issir id-deċiżjoni bejn il-miżuri ta’ konservazzjoni li huma probabbli li jkollhom effetti pożittivi fuq ħabitat jew speċi partikolari filwaqt li possibbilment jikkontribwixxu għad-deterjorament ta’ tip ta’ ħabitat jew speċi oħrajn?

Jista’ jkun li miżura ta’ konservazzjoni partikolari tkun ta’ benefiċċju għal speċi jew ħabitat wieħed filwaqt li jista’ jkollha effett negattiv fuq oħrajn. Pereżempju, id-deċiżjoni li titneħħa speċi aljena invażiva tista’ tirrappreżenta l-eliminazzjoni ta’ ħabitat għal xi għasafar. Kompromessi iżgħar huma frekwenti iżda objettivi ta’ konservazzjoni maħsubin sew se jgħinu sabiex issir id-deċiżjoni t-tajba. Huwa importanti li ssir referenza għalihom u li wieħed jara fejn qegħdin il-prijoritajiet tal-miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit u li jiġi vvalutat x’se jkunu l-impatti potenzjali pożittivi u negattivi tal-miżuri previsti fuq dawn il-prijoritajiet.

Il-kompromessi ta’ spiss jistgħu jkunu evitati jew minimizzati b’għażla intelliġenti taż-żmien għall-miżuri u billi dawn jiġu diretti lejn ċerti partijiet tas-sit jew saħansitra billi impatt jiġi kkumpensat fuq parti waħda tas-sit b’miżuri ta’ konservazzjoni għall-istess ħabitat jew speċi f’parti oħra.

30. Miżuri ta’ konservazzjoni jistgħu jkunu simili għal siti tan-Natura 2000 differenti?

Il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jikkorrispondu għall-objettivi ta’ konservazzjoni stabbiliti għal kull sit u normalment huma speċifiċi għas-sit. Madankollu, miżuri simili jistgħu jkunu meħtieġa f’siti tan-Natura 2000 differenti li għandhom karatteristiċi u objettivi simili. F’każijiet bħal dawn, il-miżuri ta’ konservazzjoni jistgħu jkunu applikati wkoll b’mod konġunt (eż. pjan ta’ ġestjoni tan-Natura 2000 jista’ jkopri bosta siti li jeħtieġu miżuri simili).

31. Il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa kif għandhom jiġu implimentati?

Huwa f’idejn l-awtoritajiet kompetenti li jiddeterminaw kif inhu l-aħjar mod sabiex jiġu implimentati l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li ġew identifikati għas-siti tan-Natura 2000 tagħhom. Id-Direttiva sempliċiment tgħid li dawn jistgħu jinvolvu miżuri statutorji, amministrattivi jew kuntrattwali xierqa. L-għażla bejn dawn il-miżuri hija f’idejn l-Istati Membri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jagħżlu mill-anqas waħda mit-tliet kategoriji u jiżguraw li jistgħu jilħqu l-objettivi ta’ konservazzjoni bil-miżuri li ġejjin:

  • Miżuri statutorji: dawn normalment isegwu mudell stipulat fil-liġi proċedurali u jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi b’rabta ma’ attivitajiet li jistgħu jkunu permessi, ristretti jew ipprojbiti fis-sit.
  • Miżuri amministrattivi: dawn jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet rilevanti b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni jew l-awtorizzazzjoni ta’ attivitajiet oħrajn fis-sit.
  • Miżuri kuntrattwali: dawn jinvolvu l-istabbiliment ta’ kuntratti jew ftehimiet normalment fost l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u s-sidien jew l-utenti tal-art.

Ma hemmx ġerarkija bejn dawn it-tliet kategoriji. Għalhekk l-Istati Membri għandhom l-għażla li jużaw, fuq sit tan-Natura 2000, kategorija waħda biss ta’ miżuri (eż. miżuri kuntrattwali biss) jew taħlita ta’ miżuri (eż. taħlita ta’ miżuri statutorji u kuntrattwali). L-uniċi kundizzjonijiet vinkolanti huma li l-miżuri jkunu adegwati bl-għan li jevitaw kwalunkwe deterjorament tal-ħabitats jew disturbi sinifikanti tal-ispeċijiet li għalihom ġie deżinjat is-sit (skont l-Artikolu 6.2 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats) u li dawn jikkorrispondu mar-rekwiżiti ekoloġiċi tal-ħabitats u speċijiet preżenti fis-sit (skont l-Artikolu 6.1 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats). Tali rekwiżiti ekoloġiċi jistgħu jvarjaw minn protezzjoni sempliċi kontra d-deterjorament għar-restawr attiv ta’ strutturi u funzjonijiet tal-ekosistemi favorevoli, skont il-grad ta’ konservazzjoni attwali tal-ispeċijiet u l-ħabitats involuti.

Il-miżuri proattivi ta’ konservazzjoni jew restawr jistgħu jinkisbu permezz ta’ ftehimiet kuntrattwali ma’ sidien u maniġers tal-art inklużi ftehimiet dwar kif l-ispejjeż tal-miżuri li jmorru lil hinn mill-obbligi legali għandhom ikunu koperti. L-ispejjeż addizzjonali għandhom ikunu appoġġati b’fondi adegwati sa fejn hu possibbli u dħul mitluf ikkawżat minn restrizzjonijiet imposti ta’ użu għandu jiġu kkumpensat. Il-grad ta’ kumpens se jiddependi fuq in-natura tar-restrizzjonijiet imposti u t-telf attwali kif ukoll fuq iċ-ċirkustanzi lokali.

Il-pagamenti tan-Natura 2000, kif ukoll il-miżuri ambjentali agrikoli u tal-foresta skont il-politika taż Żvilupp Rurali jservu bħala eżempju tajjeb ta’ kif jiġu stabbiliti kuntratti u ftehimiet mas-sidien tal-art dwar il-ġestjoni tal-art sabiex tkun żgurata l-konservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet. Filwaqt li l-miżuri tan-Natura 2000 jistgħu jħallsu għall-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf ġejjin minn obbligi tan-Natura 2000, il-miżuri ambjentali agrikoli u tal-foresta jistgħu jħallsu għall-impenji addizzjonali li jmorru lil hinn minn din il-linja ta’ referenza.

32. Is-sidien u l-maniġers tal-art kif jistgħu jkunu involuti jew jikkontribwixxu?

Is-sidien tal-art u l-maniġers tal-art lokali għandhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tan-Natura 2000. Huma jafu l-art tagħhom u għandhom esperjenza estensiva fl-implimentazzjoni ta’ miżuri prattiċi fuq il-post. Dawn għalhekk huma sħab kruċjali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni b’suċċess tan-Natura 2000.

Natura 2000 tirrikonoxxi li l-persuni huma parti integrali min-natura u li s-sħubiji huma essenzjali għall-ilħuq tal-objettivi ta’ konservazzjoni. Kulħadd għandu rwol x’jaqdi f’li jagħmel Natura 2000 suċċess – kemm jekk huma awtoritajiet pubbliċi, sidien ta’ art privata u utenti, żviluppaturi, NGOs ta’ konservazzjoni, esperti xjentifiċi, komunitajiet lokali jew ċittadini ġenerali.

L-iffurmar ta’ sħubiji u t-tlaqqigħ flimkien tan-nies jagħmel sens prattiku wkoll. Ħafna siti f’Natura 2000 diġà kienu taħt xi forma ta’ użu tal-art attiv għal żmien twil li jikkostitwixxi parti integrali mill-kampanja usa’. Bosta żoni huma siewja għan-natura preċiżament minħabba l-mod li bih ġew ġestiti s’issa, u jkun importanti li jiġi żgurat li dawn l-attivitajiet jinżammu fil-futur għal żmien twil.

B’dan il-mod, id-Direttiva dwar il-Ħabitats tappoġġa l-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ ġestjoni integrata. L-għan tagħha mhuwiex li teskludi l-attivitajiet soċjoekonomiċi mis-siti tan-Natura 2000, iżda li dawn jitwettqu b’modi li jissalvagwardjaw u jappoġġaw l-ispeċijiet u l-ħabitats siewja preżenti, u li tinżamm is-saħħa ġenerali tal-ekosistemi naturali.

Madankollu għandu jkun innutat li xi foresti inklużi f’Natura 2000 ġew iffurmati minn proċessi naturali, bi ftit jew xejn influwenza mill-bniedem, u l-ġestjoni tagħhom għandha timmira għall-konservazzjoni tal-grad għoli ta’ naturalezza tagħhom.

pId-Direttiva dwar il-Ħabitats tistabbilixxi l-qafas għal azzjoni u tistipula l-objettivi ġenerali li għandhom jintlaħqu, iżda tħalli f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi kif l-aħjar imexxi s-siti tan-Natura 2000 individwali f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati lokali. L-enfasi hija ħafna fuq li jinstabu soluzzjonijiet lokali għal kwistjonijiet ta’ ġestjoni lokali, filwaqt li fl-istess ħin issir ħidma lejn objettiv ġenerali kondiviż għall-preservazzjoni ta’ tipi ta’ ħabitats u speċijiet ta’ interess għall-Komunità fi status ta’ konservazzjoni favorevoli jew għar-restawr tagħhom.

33. Hemm għodod disponibbli għall-appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, iż-żieda ta’ sensibilizzazzjoni jew il-bini ta’ kapaċità fost il-partijiet ikkonċernati?

L-implimentazzjoni tan-Natura 2000 għandha tinkludi proċessi sabiex tibni kapaċitajiet lokali għall-ġestjoni ta’ żoni tan-Natura 2000. Il-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza aċċessibbli għall-partijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni jew miżuri ta’ konservazzjoni tan-Natura 2000 mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali kompetenti hija rakkomandata ħafna. Xi Stati Membri diġà jipprovdu tali servizzi.

Ippjanar parteċipatorju jeħtieġ l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti lill-partijiet interessati kollha u li jkunu jistgħu jsiru azzjonijiet interdixxiplinarji u tekniċi b’bażi soda. Il-perċezzjoni hija bbażata fuq l-ammont disponibbli u l-kwalità ta’ informazzjoni. Dan se jeħtieġ l-identifikazzjoni ta’ gruppi fil-mira u ppjanar ta’ informazzjoni ad hoc li jinvolvu għodod u materjali differenti li huma adegwati għal kull grupp. Huwa importanti li jkun ikkunsidrat l-għarfien tagħhom u jkun ikkoreġut kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim dwar objettivi u miżuri ta’ konservazzjoni tan-Natura 2000.

Il-Proċess Bijoġeografiku tan-Natura 2000 ġie stabbilit bl-għan li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattika dwar il-ġestjoni tan-Natura 2000 u sabiex jiżviluppa l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u r-reġjuni. Riżorsi finanzjarji minn fondi tal-UE huma disponibbli sabiex iżidu l-kapaċità għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati ewlenin bħall-bdiewa u s-sidien tal-foresti, b’mod partikolari taħt il-FAEŻR iżda anke taħt il-LIFE u programmi ta’ finanzjament oħrajn.

L-iżgurar ta’ nuqqas ta’ deterjorament ta’ sit tan-Natura 2000

34. Xi tfisser fil-prattika li s-sit m’għandux jitħalla jiddeterjora?

Id-Direttiva dwar il-Ħabitats (Artikolu 6.2) tobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw id-deterjorament tal-ħabitats naturali u d-disturb sinifikanti tal-ispeċijiet li għalihom ikun ġie deżinjat sit. Id-Direttiva dwar l-Għasafar (Artikolu 4.4) titlob sabiex ikun evitat id-deterjorament ta’ ħabitats tal-ispeċijiet tal-għasafar.

F’dan il-kuntest “jieħdu passi xierqa” tfisser li l-Istat Membru għandu jadotta l-miżuri legali u/jew kuntrattwali meħtieġa sabiex jiżgura li d-deterjorament tal-ħabitats naturali u d-disturb sinifikanti tal-ispeċijiet li għalihom ġie deżinjat is-sit ikunu evitati.

Sidien/maniġers/utenti tal-art ovvjament għandhom jirrispettaw kwalunkwe dispożizzjoni legalment vinkolanti adottata f’dan ir-rigward fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali (eż. proċeduri ta’ permessi). Jekk qed jittieħdu miżuri kuntrattwali biss minn Stat Membru, hija r-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar li jiżgura mhux biss li tali miżuri huma “adegwati” fis-sens tal-Artikolu 6.2 iżda anke li dawn fil-fatt qed jiġu implimentati b’mod li jista’ jkun eskluż kwalunkwe deterjorament ta’ ħabitats naturali u disturb sinifikanti ta’ speċijiet.

  • Il-“passi xierqa” li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri mhumiex limitati għall-atti intenzjonati, iżda għandhom jindirizzaw kwalunkwe avveniment li jista’ jseħħ inċidentalment (nirien, għargħar, eċċ.) sakemm tali avveniment huwa prevedibbli u jkunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni sabiex jiġu minimizzati r-riskji għas-sit.Disturbi naturali mhux prevedibbli li huma parti mid-dinamika tal-ekosistema m’għandhomx jiġu interpretati bħala deterjorament (maltempati, nirien, għargħar, eċċ.).
  • Ir-rekwiżit għall-Istati Membri sabiex jieħdu l-“passi xierqa” mhuwiex limitat biss ukoll sabiex jindirizza l-attivitajiet tal-bniedem iżda jkopri ċerti żviluppi naturali li jistgħu jikkawżaw l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats fis-sit sabiex jiddeterjora. Pereżempju fil-każ ta’ suċċessjoni naturali li sseħħ f’tipi ta’ ħabitats seminaturali, għandhom jittieħdu miżuri sabiex iwaqqfu dan il-proċess jekk hemm probabbiltà li jaffettwa b’mod negattiv l-ispeċijiet jew it-tipi ta’ ħabitats li għalihom ġie deżinjat is-sit (Deċiżjoni tal-QtĠ C-06/04). Id-dispożizzjoni ma tapplikax meta l-proċess ma jistax jiġi influwenzat minn ġestjoni attiva (eż. deterjorament ġej mit-tibdil fil-klima).
  • Ir-rekwiżit japplika wkoll għal attivitajiet li diġà kienu jeżistu fuq is-sit qabel ma ġie inkluż f’Natura 2000. Dan ifisser li attivitajiet għaddejjin jista’ jkun li jkollhom jiġu pprojbiti jew immodifikati jekk jaffettwaw is-sit b’mod negattiv (Deċiżjoni tal-QtĠ C-404/09).
  • Jekk meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri xierqa sabiex jevitaw id-deterjorament jkunu implimentati wkoll barra s-siti jekk hemm riskju ta’ effett negattiv fuq il-ħabitats jew l-ispeċijiet preżenti fis-siti.
  • Il-miżuri meħtieġa sabiex ikun evitat id-deterjorament ta’ sit għandhom jiġu implimentati qabel ma jidhru sintomi ta’ deterjorament evidenti (Deċiżjonijiet tal-QtĠ C-355/90, u C-117/00).

Fil-prattika dan ifisser li fin-Natura 2000 is-sidien/il-maniġers/l-utenti tal-art għandhom jevitaw kwalunkwe azzjoni li jkollha impatt negattiv fuq l-istruttura ekoloġika u fuq il-funzjonijiet tal-ħabitats protetti jew fuq l-adegwatezza tal-ħabitats għall-ispeċijiet protetti (eż. bħala postijiet tal-ikel, ta’ mistrieħ jew ta’ tnissil). Dan ifisser l-evitar ta’ kwalunkwe azzjoni li tista’ tikkawża disturbi sinifikanti ta’ speċijiet protetti, speċjalment matul il-perjodi ta’ tnissil, mistrieħ jew ikel tagħhom.

Jekk attività partikolari hux se twassal għad-deterjorament ta’ sit jew le jiddependi wkoll fuq il-kundizzjonijiet ekoloġiċi ġenerali tas-sit u l-grad ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u t-tipi ta’ ħabitats preżenti hemmhekk. Jekk dawn aktarx se jkunu affettwati b’mod negattiv għandhom jittieħdu miżuri preventivi. Fil-każ ta’ dubju dwar l-effetti ta’ miżuri partikolari, għandu jkun applikat approċċ prekawzjonarju.

Analiżi każ b’każ għalhekk hija dejjem rakkomandata. Miżuri, regolamenti jew kundizzjonijiet xierqa jistgħu jkunu inklużi pereżempju fl-elaborazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni, sabiex ikun żgurat li xi attivitajiet għaddejjin jitwettqu b’mod li jipprevjeni kwalunkwe disturb lill-ispeċijiet jew id-deterjorament tal-ħabitats ta’ importanza għall-UE.

Għandhom jiġu kkunsidrati l-effetti indiretti wkoll. Jistgħu jkunu meħtieġa xi miżuri preventivi sabiex ikun evitat id-deterjorament ikkawżat minn fatturi jew riskji esterni, bħan-nirien tal-foresti, it-tniġġis tal-ilma li ġej minn fuq l-għoljiet, eċċ., li jistgħu jseħħu barra mis-sit tan-Natura 2000 iżda jkollhom impatt fuqu.

Hemm disponibbli kumpilazzjoni tal-aktar sentenzi importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea relatati mal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, inkluż l-obbligu li jittieħdu passi xierqa sabiex ikun evitat id-deterjorament tal-ħabitats naturali u d-disturb sinifikanti tal-ispeċijiet li għalihom ikun ġie deżinjat sit.

35. Il-ġestjoni eżistenti teħtieġ li tkun f’konformità mal-objettivi ta’ konservazzjoni tas-sit tan-Natura 2000?

Iva. Skont l-Artikolu 6.2 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, kwalunkwe deterjorament tal-ħabitats u disturb sinifikanti tal-ispeċijiet li għalihom ikun ġie deżinjat sit għandu jiġi evitat. Dan japplika wkoll għall-attivitajiet li diġà kienu jeżistu meta sit ġie inkluż f’Natura 2000. Jekk tali attività eżistenti f’sit tan-Natura 2000 tikkawża deterjorament tal-ħabitats naturali jew disturb tal-ispeċijiet li għalihom ikun ġie deżinjat sit, din għandha tkun indirizzata jew permezz ta’ miżuri xierqa sabiex jitwaqqaf id-deterjorament skont l-Artikolu 6.2 jew permezz ta’ miżuri ta’ konservazzjoni proattivi stabbiliti skont l-Artikolu 6.1 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Dan jista’ jkun jeħtieġ, skont kif xieraq, li jitwaqqaf l-impatt negattiv jew billi titwaqqaf l-attività jew billi jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni. Xi inċentivi ekonomiċi jew kumpens jistgħu jkunu previsti fejn l-isforzi imposti fuq sidien tal-foresti jmorru lil hinn minn prattika ta’ ġestjoni ta’ foresti sostenibbli normali.

Pereżempju, jista’ jkun il-każ li xi speċijiet ta’ għasafar li jbejtu fiż-żona jeħtieġu adattament għat-twaqqit jew restrizzjoni ta’ ċerti attivitajiet sabiex ikun evitat id-disturb għall-ispeċijiet matul perjodi sensittivi jew f’żoni partikolarment sensittivi sabiex ikun evitat id-deterjorament ta’ ħabitats speċifiċi jew tal-karatteristiċi naturali preżenti fis-sit.

Min-naħa l-oħra, fejn hemm kontribuzzjoni pożittiva tal-attivitajiet eżistenti, dawn għandhom jittejbu jew jiġu ottimizzati sabiex ikun massimizzat il-kontribut potenzjali ta’ ġestjoni kontinwa għall-ilħuq tal-objettivi ta’ konservazzjoni.

36. Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni u l-verifika ta’ dan l-obbligu ta’ nuqqas ta’ deterjorament?

L-Istati Membri huma responsabbli għat-teħid ta’ miżuri xierqa sabiex ikun evitat id-deterjorament ta’ tipi ta’ ħabitats u d-disturb sinifikanti ta’ speċijiet fis-siti tan-Natura 2000 skont l-Artikolu 6.2 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Skont deċiżjonijiet riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġim legali speċifiku, koerenti u komplet, li huwa kapaċi jiżgura l-protezzjoni effettiva tas-siti kkonċernati. Miżuri purament amministrattivi jew miżuri volontarji għalhekk jistgħu ma jkunux biżżejjed għal dan l-għan.

Hija wkoll ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew reġjonali li jivverifikaw li l-miżuri biex jiġu evitati d-deterjorament u d-disturb sinifikanti huma infurzati b’mod adegwat. Il-linja ta’ referenza għall-valutazzjoni ta’ deterjorament jew disturb hija l-grad ta’ konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċijiet fil-ħin meta sit huwa propost bħala Sit ta’ Importanza Komunitarja. Dan irid ikun evalwat kontra dawk il-kundizzjonijiet inizjali li huma deskritti fil-Formola ta’ Dejta Standard tan-Natura 2000. Meta meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea bil-ħtieġa li tkun aġġornata l-Formola ta’ Dejta Standard ta’ sit minħabba xi raġunijiet (eż. għarfien xjentifiku aħjar jew żviluppi naturali). Jekk aċċettata mill-Kummissjoni, is-sitwazzjoni kif riflessa fil-Formola ta’ Dejta Standard aġġornata ssir il-linja ta’ referenza ġdida għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe deterjorament jew disturb possibbli. Fil-każ ta’ deterjorament, se jkun meħtieġ restawr.

Hemm disponibbli kumpilazzjoni tal-aktar sentenzi importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea relatati mal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, inkluż l-obbligu li jittieħdu passi xierqa sabiex ikun evitat id-deterjorament ta’ ħabitats naturali u d-disturb sinifikanti tal-ispeċijiet li għalihom ikun ġie deżinjat sit.

Attivitajiet ġodda f’Natura 2000

37. Liema tip ta’ attivitajiet jeħtieġu proċedura tal-Artikolu 6.3? X’inhu kkunsidrat pjan jew proġett fil-kuntest tad-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar?

Id-Direttiva dwar il-Ħabitats ma tiddefinixxix “pjan” jew “proġett”, iżda l-ġurisprudenza wriet li dawn it-termini jeħtieġu interpretazzjoni wiesgħa għaliex l-uniku fattur li jagħti bidu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6.33 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats huwa jekk hemmx ċans kbir li jkollhom effett sinifikanti fuq sit. Fil-każ ta’ proġett, id-definizzjoni użata fid-direttiva tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali issa hija applikata wkoll għad-Direttiva dwar il-Ħabitats fejn proġett tfisser l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjonijiet jew skemi oħrajn, u kwalunkwe intervent ieħor fl-inħawi naturali u l-pajsaġġ.

Il-każ Waddensea (C-127/02) iċċara aktar li l-attivitajiet li twettqu perjodikament għal għadd ta’ snin fuq is-sit iżda li għalihom hija mogħtija liċenzja annwalment għal perjodu limitat, b’kull liċenzja tinvolvi valutazzjoni ġdida kemm tal-possibbiltà li titkompla dik l-attività kif ukoll tas-sit fejn din tista’ titwettaq, għandhom jiġu kkunsidrati, fil-ħin ta’ kull applikazzjoni, bħala pjan jew proġett distint skont it-tifsira tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet ukoll li l-proġetti jinkludu:

  • attivitajiet rikorrenti u fuq skala żgħira (C-127/02, C-226/08)
  • l-intensifikazzjoni ta’ attività (C-127/02)
  • modifikazzjonijiet fl-attivitajiet (C-72/95)
  • attivitajiet barra mis-sit li iżda aktarx se jkollhom effett sinifikanti fuqu (C-98/03, C-418/04)

U li:

  • L-għażla li jkunu eżentati b’mod ġenerali ċerti attivitajiet ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) (C-256/98), C-6/04, C-241/08, -418/04C, C-538/09)
  • Id-daqs tal-proġett mhuwiex rilevanti għaliex fih innifsu dan ma jipprekludix il-possibbiltà li għandu probabbiltà kbira li jkollu effett sinifikanti fuq sit protett (C-98/03, C-418/04).

Il-kelma “pjan” għandha wkoll, għall-għanijiet tal-Artikolu 6(3), potenzjalment tifsira wiesgħa ħafna. Referenza b’analoġija għad-Direttiva tal-VAS 2001/42/KE, l-Artikolu 2(a) ta’ dik id-Direttiva tiddefinixxi pjanijiet u programmi bħala:

“Pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

  • li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u
  • li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi”.

Il-ħtieġa għal valutazzjoni xierqa ta’ pjan għalhekk għandha tkun ikkunsidrata fir-rigward tan-natura, skop u kontenut tal-pjan, u mhux sempliċiment fuq jekk hux imsejjaħ “pjan”. Eżempji ta’ pjanijiet li aktarx se jkollhom impatt sinifikanti fuq sit hemm: pjanijiet ta’ użu tal-art u pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti li jikkonċernaw siti tan-Natura 2000, eċċ.

Hu rakkomandat li tali pjanijiet jikkunsidraw u jintegraw bis-sħiħ l-objettivi ta’ konservazzjoni tan-Natura 2000 sabiex ikun evitat kwalunkwe effett sinifikanti probabbli fuq is-siti. Fi kwalunkwe każ, l-improbabbiltà ta’ kwalunkwe effett negattiv sinifikanti għandha tkun ivverifikata abbażi ta’ argumenti oġġettivi (skrinjar tal-pjan) u ddokumentata kif suppost. Il-pjan ma jeħtieġx li jkun soġġett għal valutazzjoni xierqa sħiħa fis-sens tal-Artikolu 6.3 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jekk din il-kundizzjoni tkun issodisfata.

Huwa utli li wieħed jiftakar li pjanijiet jew proġetti li huma konnessi direttament ma’ jew huma meħtieġa għall-ġestjoni ta’ konservazzjoni ta’ sit tan-Natura 2000 (jiġifieri pjan ta’ ġestjoni tan-Natura 2000) m’għandhomx bżonn li jgħaddu mill-proċess ta’ permessi tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Dan ġeneralment jassumi li l-effetti ta’ tali miżuri għal sit tan-Natura 2000 huma kkunsidrati għal kollox fil-proċess ta’ ppjanar tal-ġestjoni tan-Natura 2000 u li din il-valutazzjoni għalhekk m’għandhiex għalfejn tkun ripetuta. Madankollu jekk tali pjan jew proġett fih ukoll komponent mhux ta’ konservazzjoni xorta jista’ jkun li jkollu bżonn valutazzjoni xierqa (C-241/08) jekk effetti sinifikanti probabbli fuq is-sit ma jistgħux jiġu esklużi.

Kumpilazzjoni tal-aktar deċiżjonijiet importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea relatati mal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats hija disponibbli, inkluż dwar konformità ma’ proċedura tal-Artikolu 6.3.

3 Ara l-Gwida dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6.3 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats fuq: https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/art6/natura_2000_assess_en.pdf

38. Fil-każ ta’ pjan jew proġett li x’aktarx ikollu effett sinifikanti fuq sit tan-Natura 2000, dan huwa awtomatikament miċħud? Jekk le, x’inhuma l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti? Il-proċedura għall-permessi għal pjanijiet u proġetti ġodda kif taħdem?

Pjanijiet jew proġetti li x’aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq sit tan-Natura 2000 mhumiex awtomatikament miċħuda. Madankollu, dawn għandhom jgħaddu minn valutazzjoni pass pass tal-implikazzjonijiet tagħhom għas-sit fid-dawl tal-objettivi ta’ konservazzjoni tas-sit.

Il-passi huma li ġejjin:

  • L-ewwel pass: skrinjar – dan l-ewwel pass jiddetermina jekk pjan jew proġett jeħtieġx valutazzjoni xierqa (AA) jew le. Jekk probabbli li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq sit tan-Natura 2000, jew il-probabbiltà ta’ impatti sinifikanti ma tistax tiġi eskluża, imbagħad ikun hemm bżonn ta’ valutazzjoni xierqa. Huwa rakkomandat li l-elementi ewlenin tal-istadju ta’ skrinjar jittieħdu bil-miktub fuq karta f’każ li dawn jintalbu aktar tard.
  • It-tieni pass: valutazzjoni xierqa — ladarba jkun ġie deċiż li hija meħtieġa AA, trid issir analiżi dettaljata tal-impatti potenzjali tal-pjan jew tal-proġett, waħda jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħrajn, fuq l-integrità tas-sit(i) tan-Natura 2000 fid-dawl tal-objettivi ta’ konservazzjoni tiegħu.
  • It-tielet pass: teħid ta’ deċiżjonijiet - jekk il-valutazzjoni xierqa tikkonkludi li hemm effett negattiv fuq l-integrità tas-sit, ikun meħtieġ li jkun eżaminat jekk miżuri preventivi jew ta’ mitigazzjoni jistgħux jiġu introdotti sabiex jitneħħew dawn l-effetti.

Dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni għandhom ikunu marbutin direttament mal-impatti probabbli li ġew identifikati fil-Valutazzjoni Xierqa (AA) u jistgħu jkunu ddefiniti biss ladarba dawn l-impatti jkunu ġew ivvalutati bis-sħiħ u deskritti fl-AA. L-identifikazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni, bħall-valutazzjoni tal-impatt stess, għandha tkun ibbażata fuq għarfien sod tal-ispeċijiet u l-ħabitats ikkonċernati. Il-miżuri ta’ mitigazzjoni jistgħu, pereżempju, jinvolvu tibdil jew restrizzjoni fuq id-dati u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ xi attivitajiet (pereżempju, jiġu evitati ċerti xogħlijiet matul l-istaġun tat-tnissil ta’ speċijiet partikolari). Jekk dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni jistgħu jneħħu b’suċċess jew jantiċipaw l-effetti negattivi identifikati il-proġett jista’ jiġi approvat. Jekk le, ikollu jiġi miċħud.

  • Pass 4: derogi - l-Artikolu 6.4 jipprevedi ċerti derogi għal din ir-regola ġenerali. Għalhekk, jekk jiġi konkluż li l-pjan jew proġett se jkollu effett negattiv sinifikanti fuq sit tan-Natura 2000, dan xorta jista’ jkun approvat taħt ċirkustanzi eċċezzjonali jekk ma jkunx hemm alternattivi, jekk il-pjan jew proġett huwa kkunsidrat meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti (IROPI) u jekk il-miżuri kumpensatorji meħtieġa qed jittieħdu sabiex tkun protetta l-koerenza tan-netwerk Natura 2000. F’tali każijiet anke l-Kummissjoni Ewropea għandha tkun infurmata u, jekk jiġu affettwati speċijiet jew tipi ta’ ħabitats ta’ prijorità fuq is-sit, hija meħtieġa opinjoni mill-Kummissjoni.

Ara l-flow chart dwar il-proċedura tal-Artikolu 6.3.

39. X’inhi r-relazzjoni bejn ir-rekwiżit ta’ nuqqas ta’ deterjorament skont l-Artikolu 6.2 u l-proċedura tal-Artikolu 6.3?

Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma fil-fatt, “żewġ uċuħ tal-istess munita”. L-Artikolu 6(2) u 6(3) it-tnejn huma maħsubin sabiex jipprevjenu kwalunkwe effetti negattivi sinifikanti fuq is-siti tan-Natura 2000. Fil-każ tal-Artikolu 6(2) l-obbligu huwa li jittieħdu miżuri xierqa sabiex ikun evitat “deterjorament ...jew tfixkil sinifikanti”. L-Artikolu 6(3) jimmira b’mod aktar partikolari pjanijiet jew proġetti ġodda li jistgħu “jaffettwaw ħażin l-integrità tas-sit”. Għall-kuntrarju tal-Artikolu 6.2 fejn ma tkun possibbli l-ebda eċċezzjoni, l-Artikolu 6.4 jipprevedi reġim ta’ deroga li jagħmel pjanijiet u proġetti b’effetti negattivi possibbli taħt kundizzjonijiet strettament limitati (l-ebda soluzzjoni alternattiva disponibbli, raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti, miżuri kumpensatorji, eċċ.). L-objettivi tal-Artikolu 6.2 u 6.3 għalhekk huma simili b’mod ġenerali.

Għalhekk, fejn pjan jew proġett ikun ġie awtorizzat mingħajr ma kkonforma mal-Artikolu 6(3), jista’ jinstab ukoll ksur tal-Artikolu 6(2). Dan huwa l-każ meta d-deterjorament ta’ ħabitat jew disturb ta’ speċi li għalihom iż-żona inkwistjoni kienet deżinjata ikun ġie stabbilit (Kawża C-304/05, C-388/05, u C-404/09) ). Kwalunkwe pjanijiet u proġetti awtorizzati skont l-Artikolu 6(3) u 6(4) ukoll se jkunu f’konformità mal-Artikolu 6(2).

Kumpilazzjoni tal-aktar deċiżjonijiet importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea relatati mal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats hija disponibbli, inkluż dwar konformità mal-Artikolu 6(2) u 6(3).

40. X’inhu meqjus li huwa mifhum bil-frażi “Raġunijiet Imperattivi ta’ Interess Pubbliku Prevalenti (IROPI)”?

It-termini “raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti (IROPI)” jirreferu għal sitwazzjonijiet fejn tingħata prova li l-pjan jew il-proġett previst huwa indispensabbli. Il-kelma “imperattiv” tfisser li l-pjan jew il-proġett huwa essenzjali, aktar milli sempliċiment mixtieq. Twassal ukoll sens ta’ urġenza – li, fl-interess tal-pubbliku, il-pjan jew il-proġett għandu jkun implimentat malajr kemm jista’ jkun.

Fir-rigward tat-terminu “ta’ interess pubbliku prevalenti”, l-interessi pubbliċi biss, irrispettivament minn jekk humiex promossi minn entitajiet pubbliċi jew privati, jistgħu jkunu bbilanċjati kontra l-miri ta’ konservazzjoni tad-Direttiva. L-interess pubbliku għandu jkun ukoll prevalenti: jiġifieri l-pjan jew il-proġett għandu jkun ta’ importanza biżżejjed li jkun jista’ jitqies fil-konfront tal-objettiv ta’ konservazzjoni ġenerali tad-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar.

Fil-każ ta’ pjan jew proġett li jaffettwaw b’mod negattiv l-integrità ta’ sit tan-Natura 2000 li jospita l-hekk imsejħa tipi ta’ ħabitats u/jew speċijiet “ta’ prijorità” ta’ importanza għall-UE, il-kundizzjonijiet ta’ interess pubbliku prevalenti huma aktar stretti. Dawn jistgħu jkunu ġġustifikati biss jekk ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti jikkonċernaw is-saħħa tal-bniedem u s-sikurezza pubblika, jew għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju prevalenti għall-ambjent, jew huma għal raġunijiet imperattivi oħrajn fejn, qabel ma tingħata approvazzjoni għall-pjan jew proġett, tkun ingħatat opinjoni pożittiva tal-Kummissjoni.

41. Pjanijiet jew proġetti barra mis-siti tan-Natura 2000 ukoll jeħtieġu proċedura tal-Artikolu 6.3?

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6.3, valutazzjoni xierqa mhux biss hija meħtieġa għall-attivitajiet ġo sit tan-Natura 2000 iżda għal “Kull pjan jew proġett ... li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu”.

Il-proċedura tal-Artikolu 6.3 tapplika għalhekk għall-pjanijiet jew proġetti kollha, irrispettivament minn jekk humiex ġewwa jew barra sit tan-Natura 2000 (eż. drenaġġ upstream).

42. X’inhi d-differenza bejn valutazzjoni xierqa (AA, appropriate assessment) u valutazzjoni tal-impatt ambjentali (VIA) jew valutazzjoni ambjentali strateġika (VAS)?

Hemm bosta similaritajiet bejn Valutazzjoni Xierqa magħmula skont l-Artikolu 6.3 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali oħrajn imwettqa skont id-Direttivi tal-VIA jew tal-VAS. Dawn it-tnejn ta’ spiss jitwettqu wkoll flimkien bħala parti minn proċedura integrata, u jinvolvu passi analogi (skrinjar, valutazzjoni, konsultazzjoni pubblika, teħid ta’ deċiżjonijiet). Iżda hemm ukoll numru ta’ distinzjonijiet importanti.

Kull waħda għandha għan differenti u tivvaluta impatti b’fokus differenti. Fil-każ tal-VAS/VIA, il-valutazzjoni tħares lejn impatti fuq fawna u flora b’mod ġenerali filwaqt li, għall-AA, din tiffoka espliċitament fuq l-ispeċijiet protetti u t-tipi ta’ ħabitats ta’ importanza għall-UE fi ħdan in-Natura 2000. VAS jew VIA għalhekk ma jistgħux jissostitwixxu, jew ikunu sostitut għal, Valutazzjoni Xierqa, u l-ebda proċedura ma tipprevali fuq l-oħra.

Ir-riżultat ta’ kull proċedura ta’ valutazzjoni huwa wkoll differenti. Fil-każ tal-VIA jew VAS, l-awtoritajiet u l-proponenti għandhom sempliċiment jikkunsidraw l-impatti. Għall-AA, madankollu, ir-riżultat tal-valutazzjoni huwa legalment vinkolanti għall-awtorità kompetenti. Għalhekk, jekk l-AA żgurat li se jkun hemm effett negattiv, jew jekk ma tistax teskludi l-possibbiltà ta’ tali effett fuq l-integrità tas-sit tan-Natura 2000, l-awtorità kompetenti ma tistax tapprova l-pjan jew proġett kif inhu.

Il-proċedura ta’ permess tan-Natura 2000 hija wkoll mhux ristretta għal ċerti tipi ta’ pjanijiet jew proġetti. Hija applikabbli għal kwalunkwe pjan jew proġett li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuq sit tan-Natura 2000.

Il-finanzjament tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000

43. Il-miżuri ta’ konservazzjoni tan-Natura 2000 dejjem jinvolvu spejjeż?

Mhux dejjem. Jiddependi ħafna fuq it-tip ta’ miżura u ż-żona partikolari fejn dawn huma implimentati. Hemm ċerti miżuri ta’ konservazzjoni li ma jinvolvu l-ebda spiża jew dħul imnaqqas, jew jistgħu jiġu assorbiti mingħajr spejjeż żejda jew telf ta’ dħul fl-attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ kuljum (eż. tibdil tal-kompożizzjoni tal-ispeċijiet ta’ stands tal-foresti fejn tali kompożizzjoni mhijiex sostenibbli ekonomikament u ekoloġikament billi jiġu introdotti speċijiet ta’ siġar produttivi li jikkorrispondu għall-veġetazzjoni naturali jew sempliċiment jiżguraw li l-prattiki ta’ ġestjoni tal-foresta eżistenti qed jitkomplew fejn urew li huma ta’ benefiċċju għall-istabbiliment jew preservazzjoni ta’ grad ta’ konservazzjoni tajjeb ta’ speċijiet u tipi ta’ ħabitats preżenti f’sit).

Xi miżuri ta’ konservazzjoni jistgħu saħansitra jwasslu għal ċerti benefiċċji ekonomiċi fuq terminu qasir jew twil (eż. il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ kaċċa aħjar għall-ispeċijiet tal-kaċċa, anqas ħsara għall-ispeċijiet tal-kaċċa, possibbiltajiet ta’ sajd aħjar bħala riżultat ta’ silvikultura aktar favur ix-xmajjar, interess turistiku ogħla, metodi ta’ silvikultura aktar favur in-natura u anqas għaljin, kundizzjonijiet tal-ħamrija mtejbin, eċċ.)

Madankollu, inevitabbilment se jkun hemm numru ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li jinvolvu spejjeż għaliex jeħtieġu ħaddiema addizzjonali, jeħtieġu investimenti ġodda f’infrastruttura jew tagħmir ġodda, jew għaliex inaqqsu l-opportunitajiet kummerċjali disponibbli għas-sid. Dawn jeħtieġ li jiġu eżaminati fuq bażi ta’ każ b’każ.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda ħafna li l-pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000 jipprovdu wkoll stima tal-ispejjeż ta’ implimentazzjoni ta’ kull waħda mill-miżuri ta’ konservazzjoni li ġew identifikati għas-sit inkwistjoni u jeżaminaw ukoll is-sorsi possibbli kollha ta’ finanzjament fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE u minn sorsi kemm pubbliċi kif ukoll privati. Dan għandu jinvestiga wkoll il-possibbiltà li jintużaw skemi ta’ awtofinanzjament (eż. permezz tal-bejgħ ta’ prodotti tan-Natura 2000, l-ekoturiżmu, ħlasijiet għall-preservazzjoni tal-kwalità tal-ilma, eċċ. - ara l-eżempji fil-Mistoqsija 45).

44. Kemm qed tiswa l-ġestjoni tan-netwerk Natura 2000 bħala total?

Il-ġestjoni effettiva u r-restawr tas-siti fin-netwerk Natura 2000 fl-UE-28 kollha jeħtieġu investimenti finanzjarji sinifikanti. Fl-2007, il-Kummissjoni stmat li se jkunu meħtieġa madwar €5.8 biljun fis-sena għall-UE-27 sabiex jimmaniġġjaw u jirrestawraw is-siti fin-netwerk. Madankollu, l-użu ta’ strumenti tal-UE differenti s’issa kien anqas b’mod sinifikanti mill-ħtiġijiet finanzjarji tan-Natura 2000 kif iddefinit mill-Istati Membri, li jkopru biss 20 % ta’ dawn il-ħtiġijiet4.

Madankollu, dawn l-ispejjeż huma megħluba sew mill-benefiċċji soċjoekonomiċi multipli pprovduti miż-żoni inklużi fin-netwerk. Barra mir-rwol kruċjali ta’ protezzjoni tal-bijodiversità tal-Ewropa, is-siti tan-Natura 2000 jipprovdu firxa wiesgħa ta’ benefiċċji oħrajn għall-ekosistema u servizzi għas-soċjetà. Skont l-istudji riċenti tal-Kummissjoni, il-benefiċċji li jirriżultaw minn żoni deżinjati bħala siti tan-Natura 2000 huma stmati li huma madwar €200 sa €300 biljun/sena.

Għalkemm dawn iċ-ċifri jipprovdu biss stima tal-ewwel, ir-riżultati preliminari diġà juru li l-benefiċċji ekonomiċi miksubin min-Netwerk Natura 2000 jikkumparaw favorevolment ħafna mal-ispejjeż assoċjati mal-ġestjoni u l-protezzjoni ta’ din ir-riżorsa importanti, li tirrappreżenta biss frazzjoni tal-benefiċċji potenzjali tagħha.

Il-proporzjon kostijiet-benefiċċji preċiż ovvjament se jiddependi fuq firxa ta’ fatturi, inkluż il-post tas-siti u l-użu tal-art tagħhom, iżda, l-evidenza kollha s’issa tipponta lejn il-fatt li Netwerk tan-Natura 2000 ġestit tajjeb se jħallas lura ħafna aktar mill-ispejjeż għall-preservazzjoni tiegħu.

Eżempji ta’ benefiċċji ekonomiċi tan-Natura 2000:

TURIŻMU:

Natura 2000 diġà qed turi li hija mutur importanti ta’ ħafna ekonomiji lokali billi tattira t-turisti, li l-infiq tagħhom jappoġġa lill-ekonomiji lokali. Huwa stmat li l-infiq appoġġat mill-viżitaturi ġo siti tan-Natura 2000 huwa madwar €50-85 biljun/sena (fl-2006). Jekk jitqies biss l-infiq ta’ dawn il-viżitaturi li għandhom affinità għad-deżinjazzjoni tan-Natura 2000 (għall-kuntrarju ta’ żoni naturali b’mod ġenerali), il-firxa ssir €9-20 biljun/sena fl-2006, iġġenerati minn madwar 350 miljun ġurnata ta’ viżitaturi.

L-infiq totali pprovdut mit-turiżmu u mir-rikreazzjoni jappoġġa bejn 4.5 u 8 miljun Impjieg Full-Time (FTE). Il-benefiċċji ġġenerati mill-viżitaturi b’affinità għan-Natura 2000 jappoġġaw minn 800,000 sa 2 miljun impjieg FTE. Dan jikkumpara ma’ total ta’ madwar 13-il miljun impjieg FTE fis-settur turistiku fi ħdan l-EU27 (fl-2008). Barra minn hekk, iż-żoni protetti jistgħu jipprovdu benefiċċji addizzjonali għall-ekonomija lokali u reġjonali, billi jattiraw investiment minn barra u jtejbu l-immaġni u l-kwalità tal-ħajja lokali.

ILMA:

Jistgħu jiġu ffrankati l-flus permezz ta’ xogħol b’kapital naturali, filwaqt li jiġu ffrankati l-ispejjeż tal-purifikazzjoni u tal-provvista tal-ilma. Il-purifikazzjoni u l-provvista tal-ilma huma servizzi tal-ekosistema importanti li huma pprovduti minn ekosistemi naturali, inklużi żoni protetti bħan-Natura 2000. Numru ta’ bliet Ewropej ewlenin, inklużi Munich, Berlin, Vjenna, Oslo, Madrid, Sofia, Ruma u Barċellona kollha jibbenefikaw minn filtrazzjoni naturali b’modi differenti. Dawn il-muniċipalitajiet jiffrankaw il-flus fuq it-trattament tal-ilma minħabba trattament naturali mill-ekosistemi. Il-flus iffrankati jistgħu jgħaddu għall-konsumaturi, li jirriżultaw fi spejjeż ta’ utilità aktar baxxi għar-residenti tal-UE.

Informazzjoni mill-erbat ibliet Ewropej ta’ Berlin, Vjenna, Oslo u Munich tippermetti stampa tal-benefiċċji taż-żoni protetti għall-purifikazzjoni u l-provvista tal-ilma. Bl-użu tat-trasferiment tal-benefiċċji, jista’ jkun stmat li l-benefiċċji ekonomiċi annwali tal-purifikazzjoni tal-ilma huma bejn €7 u €16-il miljun u tal-provvista tal-ilma bejn €12 u €91 miljun għal kull belt. Il-benefiċċji medji per capita huma madwar €15 u €45 fis-sena għall-purifikazzjoni u l-provvista tal-ilma flimkien fl-erbat ibliet Ewropej analizzati. Dan jikkumpara ma’ kontijiet tal-ilma domestiċi medji ta’ €200 fis-sena fil-każ tal-Ġermanja.

45. Min hu responsabbli sabiex jiżgura l-finanzjament tan-Netwerk? Hemm xi fondi tal-UE disponibbli sabiex jappoġġaw il-ġestjoni tal-konservazzjoni tas-siti tan-Natura 2000?

Bħala netwerk fl-UE kollha, Natura 2000 huwa bbażat fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Dan jirrappreżenta riżorsa kondiviża importanti li kapaċi tipprovdi għadd ta’ benefiċċji għas-soċjetà u għall-ekonomija tal-Ewropa. Iżda hija wkoll responsabbiltà kondiviża li teħtieġ investimenti finanzjarji biżżejjed sabiex issir operattiva bis-sħiħ.

Filwaqt li r-responsabbiltà ewlenija tal-finanzjament tan-Natura 2000 tibqa’ f’idejn l-Istati Membri, l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jirrikonoxxi l-ħtieġa għal appoġġ fuq livell tal-UE għall-ġestjoni tan-Natura 2000, u b’mod espliċitu jgħaqqad ir-riżultati l tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji mal-għoti tal-kofinanzjament tal-UE.

Ir-rekwiżiti ta’ ġestjoni tan-Natura 2000 ġew integrati fi flussi ta’ finanzjament tal-UE differenti, bħall-Fondi Strutturali (FEŻR), il-Fond għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), LIFE, eċċ.

Dan l-approċċ ta’ integrazzjoni kien magħżul għal għadd ta’ raġunijiet:

  • Jiżgura li l-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000 hija parti mill-politiki ta’ ġestjoni tal-art usa’ tal-UE.
  • Jippermetti lill-Istati Membri jistipulaw prijoritajiet u jiżviluppaw politiki u miżuri li jirriflettu l-ispeċifitajiet nazzjonali u reġjonali tagħhom;
  • Jevita duplikazzjoni u trikkib ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE differenti u l-kumplikazzjonijiet amministrattivi assoċjati ma’ tali duplikazzjoni.

Hemm għadd ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli taħt il-Fondi tal-UE ġodda għall-perjodu 2014-2020 iżda jiddependi mill-awtoritajiet tal-Istat Membru jekk u kif dawn l-opportunitajiet humiex disponibbli fil-pajjiż/reġjun speċifiku.

Sabiex isir l-aħjar użu tal-fondi tal-UE disponibbli, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri jadottaw approċċ ta’ ppjanar pluriennali aktar strateġiku għall-finanzjament tan-Natura 2000. Dan jieħu l-forma ta’ Oqfsa ta’ Azzjoni Prijoritizzati (PAFs, Prioritised Action Frameworks), li jiddefinixxu l-ħtiġijiet ta’ finanzjament u prijoritajiet strateġiċi għan-Natura 2000 fil-livell nazzjonali jew reġjonali għall-perjodu 2014-2020. Dawn il-PAFs huma mfassla speċifikament sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni xierqa, inklużi dawk għal foresti, fil-programmi operattivi ġodda għall-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE differenti (SEC(2011) 1573 final).

46. Hemm miżuri speċifiċi skont ir-Regolament għall-Iżvilupp Rurali tal-UE li jappoġġaw lin-Natura 2000?

Iva, hemm miżura speċifika li tirreferi għan-Natura 2000 u l-ħlasijiet tad-Direttiva dwar il-Qafas dwar l-Ilma. Skont ir-Regolament FAEŻR il-ġdid (1305/2013), il-ħlasijiet tan-Natura 2000 għandhom jingħataw annwalment għal kull ettaru sabiex jikkumpensaw lill-benefiċjarji għall-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf li jirriżultaw minn żvantaġġi fiż-żoni kkonċernati, relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar. L-appoġġ għandu jingħata lill-bdiewa u lid-dententuri tal-foresti privati u lill-assoċjazzjonijiet tad-detenturi tal-foresti privati. F’każijiet debitament ġustifikati, jista’ jingħata wkoll lil maniġers tal-art oħrajn (l-Artikolu 30).

Il-ħlasijiet tan-Natura 2000 huma disponibbli għal operazzjonijiet relatati ma’ żvantaġġi u restrizzjonijiet fiż-żoni deżinjati tan-Natura 2000 u ddefiniti fil-pjanijiet ta’ ġestjoni jew strumenti ekwivalenti oħrajn. Tali restrizzjonijiet għandu jkollhom karattru obbligatorju, jiġifieri għandhom ikunu ssodisfati mill-maniġers tal-art kollha fiż-żoni kkonċernati u huma marbutin mad-dispożizzjonijiet dwar il-preservazzjoni jew ir-restawr tal-ħabitats u tal-ispeċijiet u dwar l-evitar tad-deterjorament u d-disturb tagħhom.

Din il-miżura tkun disponibbli wkoll għas-sidien tal-foresti sakemm din tkun inkluża mill-Istati Membri fil-Programm tal-Iżvilupp Rurali tagħhom.

47. Hemm miżuri oħrajn taħt l-iżvilupp rurali tal-UE li jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-finanzjament tan-Natura 2000? Min jista’ jibbenefika minn dan il-finanzjament?

Iva, hemm miżuri oħrajn taħt ir-Regolament FAEŻR ġdid li jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-finanzjament tan-Natura 2000. L-aktar rilevanti huma dawn li ġejjin:

Artikolu 21:Investimenti fl-iżvilupp taż-żoni tal-foresti u titjib tal-vijabbiltà tal-foresti, inklużi:

  • it-tisġir u l-ħolqien ta’ msaġar (l-Artikolu 22)
  • l-istabbiliment ta’ sistemi agroforestali (l-Artikolu 23)
  • il-prevenzjoni u r-restawr tal-ħsara lill-foresti minn nirien tal-foresti u diżastri naturali, inklużi t-tifrix ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara u ta’ mard, avvenimenti katastrofiċi u t-theddidiet relatati mal-klima (l-Artikolu 24)
  • investimenti li jtejbu r-reżistenza u l-valur ambjentali kif ukoll il-potenzjal ta’ mitigazzjoni tal-ekosistemi tal-foresti (l-Artikolu 25)
  • investimenti fit-teknoloġiji tal-forestrija u fl-ipproċessar, il-mobilizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-foresta (l-Artikolu 26)

Artikolu 34:Servizzi ambjentali u klimatiċi b’rabta mal-foresti u l-konservazzjoni tal-foresti.

Artikolu 35:Il-Kooperazzjoni.

Ir-regolament il-ġdid jeħtieġ li mill-anqas 30 % tal-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR għall-programm tal-iżvilupp rurali għandhom jiġu riżervati għal kwistjonijiet ambjentali u mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima permezz ta’ appoġġ għal investimenti relatati mal-ambjent u l-klima, investimenti f’foresti (l-Artikoli 21 u 34), miżuri agrikoli ambjentali u tal-klima, biedja organika, żoni li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali jew oħrajn u ħlasijiet f’Natura 2000.

48. L-ispejjeż addizzjonali mġarrba jew id-dħul mitluf għandu jkun appoġġat biss mis-sidien/mill-maniġers tal-art?

Filwaqt li l-benefiċċji tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni partikolari jgħinu lis-soċjetà b’mod ġenerali, ma jkunx ġust jekk l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni ta’ tali miżuri, kemm jekk l-ispejjeż diretti kif ukoll id-dħul leġittimu mitluf ikunu mġarrba mis-sidien/mill-maniġers tal-art.

L-Istati Membri jista’ jkollhom ir-regoli tagħhom biex jindirizzaw din il-kwistjoni u f’ħafna każijiet dawn jappoġġaw lis-sidien u lill-maniġers fejn iridu jippromwovu xi tip ta’ ġestjoni li tfisser spejjeż addizzjonali jew nuqqas ta’ dħul. Hemm riżorsi finanzjarji disponibbli sabiex ikopru tali spejjeż, eż. minn fondi tal-UE, b’mod partikolari l-FAEŻR.

49. L-ispejjeż ta’ miżuri ta’ ġestjoni tan-Natura 2000 dejjem għandhom ikunu kkumpensati finanzjarjament?

Hemm il-ħtieġa li jkun eżaminat jekk xi miżuri ta’ konservazzjoni jistgħux ikunu kkumpensati finanzjarjament, b’mod partikolari miżuri li jnaqqsu dħul mingħand is-sid li kieku kien mistenni fil-kuntest ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti jew li jeħtieġu investimenti addizzjonali mingħajr qligħ produttiv. Għotjiet, ftehimiet kuntrattwali, ħelsien mit-taxxa, assistenza teknika, eċċ. huma għażliet possibbli sabiex jikkumpensaw lis-sidien għal dħul mitluf, servizzi mogħtija lis-soċjetà b’mod ġenerali u, jekk applikabbli, deprezzament tal-kapital.

L-evitar tad-deterjorament huwa obbligu legali ġej mid-Direttiva dwar il-Ħabitats li fil-prinċipju ma jeħtieġx kumpens. Madankollu, id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ inċentivi ekonomiċi jew il-ħlasijiet kumpensatorji għandhom jittieħdu fil-livell tal-Istati Membri, skont il-kuntest nazzjonali. Pereżempju fejn restrizzjonijiet jew obbligi huma imposti għal xi tip ta’ ġestjoni li kien tradizzjonali f’żona, li jikkawżaw nuqqas ta’ dħul jew spejjeż addizzjonali, jista’ jkun rakkomandat kumpens xieraq lis-sidien tal-art ikkonċernati. Jista’ jkun il-każ ukoll meta l-obbligu ta’ nuqqas ta’ deterjorament imur lil hinn mill-viġilanza ta’ kuljum sabiex jevita d-deterjorament u jeħtieġ miżuri ta’ ġestjoni proattivi importanti (eż. it-tneħħija ta’ speċi invażiva li tkun inxterdet fis-sit).

50. Liema miżura hija disponibbli taħt l-istrument LIFE tal-UE sabiex ikun appoġġat il-finanzjament ta’ miżuri ta’ konservazzjoni fis-siti tan-Natura 2000?

Fil-passat, LIFE iffinanzja numru kbir ta’ proġetti ta’ konservazzjoni tan-natura u se jkompli jiffinanzja miżuri ta’ konservazzjoni fis-siti tan-Natura 2000, essenzjalment permezz ta’ proġetti tal-LIFE Natura u Bijodiversità.

Hemm sejħa għal proposti kull sena, b’madwar €100 miljun disponibbli għall-proġetti li jappoġġaw il-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità b’mod ġenerali. LIFE jikkofinanzja sa 60 % tal-ispejjeż ta’ proġetti tal-LIFE Natura u Bijodiversità magħżulin.

Huwa possibbli wkoll li jkun hemm mira fuq il-konservazzjoni tan-natura permezz ta’ proġetti li essenzjalment jinvolvu l-komunikazzjoni, li f’dan il-każ l-applikanti għandhom iħarsu lejn il-pakkett tal-applikazzjoni għal LIFE Governanza Ambjentali u Informazzjoni.

Fl-aħħar, il-konservazzjoni tas-siti tan-Natura 2000 tista’ tkun immirata wkoll bħala parti minn proġett ferm akbar li jimmira għan-netwerk Natura 2000 b’mod ġenerali fil-livell reġjonali jew nazzjonali. Għal aktar dettalji, l-applikanti (ġeneralment amministraturi nazzjonali/reġjonali) għandhom jirreferu għall-pakkett ta’ applikazzjoni għal LIFE Proġetti Integrati.

51. Hemm xi opportunitajiet jew inċentivi ta’ finanzjament oħrajn għan-Natura 2000 fil-livell nazzjonali jew reġjonali?

Iva, hemm ukoll potenzjal għoli għal kontribut għall-konservazzjoni tan-natura permezz ta’ programmi nazzjonali u reġjonali, ladarba r-responsabbiltà ewlenija għall-finanzjament ta’ siti tan-Natura 2000 hija f’idejn Stati Membri individwali. F’xi Stati Membri hemm ftehimiet volontarji għall-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000 b’mod li huwa favorevoli għall-konservazzjoni tas-sit u/jew kuntratti ta’ ġestjoni għall-preservazzjoni ta’ speċijiet u ħabitats li huma ffinanzjati permezz ta’ fondi nazzjonali.

F’xi pajjiżi, is-sidien tal-art jistgħu jibbenefikaw ukoll minn inċentivi bħal eżenzjonijiet mit-taxxa tal-proprjetà u benefiċċji tat-taxxa oħrajn (eż. fil-Belġju).

Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, is-sidien tal-art huma intitolati għal kumpens sħiħ għall-ispejjeż addizzjonali u għad-dħul mitluf fiż-żoni tan-Natura 2000, eż. fejn d-deżinjazzjoni ta’ ħabitats tal-foresta tfisser ċerti restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-injam fl-Iżvezja.

Monitoraġġ u rappurtar

52. Kif tista’ tkun taf jekk l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats jew tal-ispeċijiet tjiebx fil-firxa naturali tagħhom kollha fl-UE?

Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, l-Istati Membri għandhom iwettqu sorveljanza tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-ispeċijiet ta’ interess Komunitarju. L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats ta’ importanza għall-UE kollha qiegħed ikun ivvalutat regolarment fil-qafas tar-rapporti ta’ progress ta’ kull 6 snin sottomessi mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Għasafar. L-għan huwa li jkun iddeterminat l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ kull speċi jew tip ta’ ħabitat fil-firxa naturali sħiħa fl-UE. Ġew adottati erba’ klassijiet ta’ status ta’ konservazzjoni: Favorevoli (FV), Mhux Favorevoli-Mhux Adegwat (U1) u Mhux Favorevoli-Ħażin (U2), Mhux magħruf (XX).

F’numru ta’ Stati Membri (eż. l-Awstrija, il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit) ġie żviluppat programm ta’ monitoraġġ sistematiku sabiex jissorvelja l-grad ta’ konservazzjoni f’siti differenti.

L-objettiv finali, ovvjament, huwa li t-tipi ta’ ħabitats u speċijiet kollha jilħqu status ta’ konservazzjoni favorevoli, kif iddefinit fid-Direttiva dwar il-Ħabitats. Iżda dan se jieħu l-ħin biex jinkiseb. It-tipi ta’ ħabitats u speċijiet intgħażlu għaliex kienu mhedda jew rari li tfisser li kienu, fil-maġġor parti, diġà fi status ta’ konservazzjoni ħażin fil-bidu. Għalhekk se jkun hemm ċertu dewmien qabel ma l-miżuri ta’ konservazzjoni li ġew implimentati “jagħtu l-frott” fir-rigward ta’ titjib fl-istatus ta’ konservazzjoni ġenerali tal-ispeċi jew ħabitat fl-UE.

Kull sforz huwa għaddej sabiex tintlaħaq din il-mira u l-aktar valutazzjonijiet ta’ status ta’ konservazzjoni riċenti ġew ippubblikati fl-2015.

53. X’inhuma l-obbligi ta’ monitoraġġ fuq is-siti individwali tan-Natura 2000? Min hu responsabbli għal dan? Kif nista’ nsib l-aktar status ta’ konservazzjoni riċenti ta’ speċi jew tip ta’ ħabitat partikolari fiż-żona tiegħi?

Huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi kif l-aħjar jissorvelja l-kundizzjoni tat-tipi ta’ ħabitats u speċijiet ta’ importanza għall-UE fil-livell ta’ kull sit tan-Natura 2000 fil-pajjiż tiegħu. Din ir-responsabbiltà taqa’ fuq l-awtoritajiet kompetenti f’kull pajjiż. L-aħħar riżultati ta’ monitoraġġ fil-livell nazzjonali jew reġjonali għandhom ikunu magħmulin disponibbli għall-pubbliku, pereżempju fuq is-sit tal-Internet tal-awtoritajiet.

Madankollu m’hemmx obbligu għas-sidien jew il-maniġers tal-art sabiex jimmonitorjaw il-kundizzjoni tal-ispeċijiet u tat-tipi ta’ ħabitats preżenti fl-art tagħhom. Ovvjament merħba bihom jekk xorta jwettqu dan il-monitoraġġ għaliex din dejjem hija informazzjoni prezzjuża, pereżempju bħala mezz sabiex jitwasslu sinjali ta’ twissija meta jista’ jseħħ id-deterjorament.

Il-grad ta’ konservazzjoni ta’ speċi jew tip ta’ ħabitat partikolari f’sit tan-Natura 2000 huwa rrekordjat u miżmum aġġornat fil-Formola ta’ Dejta Standard, li hija disponibbli pubblikament għal kull sit tan-Natura 2000. Awtoritajiet kompetenti u maniġers tas-siti jistgħu jkunu kapaċi wkoll li jipprovdu informazzjoni dettaljata f’dan ir-rigward.

54. X’inhuma l-obbligi fir-rigward tal-monitoraġġ ta’ miżuri ta’ konservazzjoni f’siti tan-Natura 2000?

L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jobbliga lill-Istati Membri jwettqu sorveljanza tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-ispeċijiet ta’ interess Komunitarju. L-Artikolu 17.1 jeħtieġ li l-Istati Membru jipprovdu informazzjoni dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni meħudin fis-siti tan-Natura 2000 kif ukoll evalwazzjoni tal-impatt ta’ dawn il-miżuri.

Il-format ta’ rappurtar ġdid taħt l-Artikolu 17 (adottat għar-rappurtar dwar il-perjodu 2007-2012) jeħtieġ informazzjoni li għandha tagħmilha possibbli li ssir evalwazzjoni tal-kontribut tan-netwerk Natura 2000 għall-istatus ta’ konservazzjoni ta’ ħabitats u speċijiet u l-effettività ġenerali tan-netwerk.

Dan il-format ta’ rappurtar ġdid jinkludi r-rekwiżit li jsir rappurtar fuq l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni jew strumenti oħrajn użati mill-Istati Membri sabiex jimmaniġġjaw in-netwerk tagħhom, is-siti affettwati minn proġetti/pjanijiet li għalihom kienu meħtieġa miżuri ta’ kumpens u l-miżuri ewlenin meħudin sabiex jiżguraw il-koerenza tan-netwerk Natura 2000 skont l-Artikolu 10.

Minħabba l-obbligu għall-Istati Membri li jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u dwar l-impatt tal-miżuri fuq l-istatus ta’ konservazzjoni, huwa rakkomandat mekkaniżmu ta’ monitoraġġ fil-livell tas-siti għall-miżuri ta’ konservazzjoni. Tali mekkaniżmu għandu jinkludi kriterji li jistgħu jitkejlu u jkunu vverifikati b’mod ċar u indikaturi sabiex jiffaċilitaw is-segwitu u l-evalwazzjoni tar-riżultati.

Il-monitoraġġ fin-Natura 2000 normalment huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti. Kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-konservazzjoni tan-natura u s-sidien u l-maniġers tal-art hija rakkomandata.

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati huma essenzjali fir-rigward ta’ li jkun hemm il-kapaċità li jiġu adattati objettivi u miżuri ta’ konservazzjoni għal kwalunkwe żvilupp naturali jew għal kwalunkwe żvilupp ieħor sinifikanti li jistgħu jaffettwaw il-konservazzjoni ta’ ħabitats u speċijiet ta’ interess għall-Komunità preżenti fis-sit.

Il-protezzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats ta’ importanza għall-UE fil-firxa tagħhom, barra mis-siti tan-Natura 2000

55. Art barra min-netwerk Natura 2000 għandha rwol fil-konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats ta’ importanza għall-UE?

Iva, art barra min-netwerk Natura 2000 jista’ jkollha rwol sinifikanti fil-konservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet ta’ interess għall-UE, speċjalment dawk li huma vulnerabbli għal frammentazzjoni jew iżolament. Tali art tista’ tgħin sabiex ittejjeb sostanzjalment il-koerenza ekoloġika tan-netwerk u l-konnettività funzjonali bejn siti tan-Natura 2000.

Iż-żoni barra min-netwerk Natura 2000 jistgħu jipprovdu wkoll aktar rifuġji għall-ispeċijiet u tipi ta’ ħabitats barra mis-siti deżinjati. Dan huwa partikolarment siewi fil-każ ta’ speċijiet u ħabitats li għandhom firxa wiesgħa (eż. l-orsijiet u l-linċi) jew li għandhom distribuzzjoni wiesgħa (eż. il-foresti riparji) għaliex parti biss mir-riżorsi totali tagħhom hija inkluża fin-netwerk Natura 2000 (xi kultant anqas minn 50 %). Dawk iż-żoni barra min-netwerk Natura 2000 huma meħtieġa sabiex jinkiseb status ta’ konservazzjoni favorevoli.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jimmaniġġjaw karatteristiċi tal-pajsaġġ li huma ta’ importanza ewlenija għall-migrazzjoni, għat-tixrid u għall-iskambju ġenetiku ta’ speċijiet selvaġġi ta’ fawna u flora. Tali miżuri jistgħu jinvolvu wkoll art li mhijiex deżinjata bħala siti tan-Natura 2000. L-Artikolu 10 għandu implikazzjonijiet prattiċi għas-sidien u għall-maniġers tal-art biss jekk l-Istati Membri jkunu ħadu miżuri speċifiċi marbutin ma’ dik il-kwistjoni. Xi pajjiżi qegħdin jindirizzaw din il-kwistjoni fi strateġiji nazzjonali jew reġjonali (eż. In-“Netwerk tan-Natura Nazzjonali” fin-Netherlands, “Ecoforests” fil-Latvja, is-“Schémas Régionaux de Cohérence Ecologique” fi Franza, l-Istrateġija ta’ konnettività ekoloġika fi Spanja). L-inizjattiva Infrastruttura Ekoloġika tal-Kummissjoni Ewropea se tkompli tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri bħal dawn.

L-importanza taż-żoni barra min-netwerk Natura 2000 għall-għasafar hija riflessa fl-Artikolu 3(b) u 4 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, li jobbligaw lill-Istati Membri sabiex jistinkaw biex jippreservaw u jimmaniġġjaw il-ħabitats ġewwa u barra ż-żoni protetti skont il-ħtiġijiet ekoloġiċi u sabiex jevitaw it-tniġġis jew id-deterjorament tal-ħabitats.

56. L-ispeċijiet fil-periklu huma protetti wkoll barra mis-siti tan-Natura 2000?

Iż-żewġ direttivi dwar in-natura tal-UE wkoll jeħtieġu l-protezzjoni ta’ ċerti speċijiet fl-UE kollha, kemm ġewwa kif ukoll barra s-siti tan-Natura 2000, sabiex tkun żgurata l-konservazzjoni tagħhom fil-firxa naturali tagħhom fl-UE. Dan jikkonċerna l-ispeċijiet kollha ta’ għasafar selvaġġi li jinsabu fin-natura fl-UE kif ukoll speċijiet oħrajn elenkati fl-Anness IV u V tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

Barra minn hekk, l-Istati Membri huma meħtieġa wkoll li jippreservaw, imantnu jew jistabbilixxu mill-ġdid diversità biżżejjed u żona ta’ ħabitats għall-ispeċijiet ta’ għasafar selvaġġi fit-territorju Ewropew (l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Għasafar). Dak ir-rekwiżit jista’ jimplika miżuri ta’ protezzjoni tal-ħabitat barra min-netwerk Natura 2000.

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet fil-firxa tagħhom kollha, iż-żewġ Direttivi jeħtieġu li l-Istati Membri jipprojbixxu:

  • il-qtil apposta jew il-qabda tal-ispeċijiet protetti bi kwalunkwe metodu ieħor;
  • il-qerda intenzjonata jew it-teħid ta’ bajd jew bejtiet, jew il-ġbir, il-kollezzjoni, il-qtugħ, il-qlugħ mill-għeruq jew il-qerda ta’ pjanti protetti;
  • id-deterjorazzjoni jew il-qerda ta’ siti ta’ tnissil jew ta’ postijiet ta’ mistrieħ;
  • id-disturb intenzjonat, partikolarment matul it-tnissil, it-trobbija taż-żgħar, l-ibernazzjoni u l-migrazzjoni;
  • iż-żamma, il-bejgħ u t-trasport ta’ kampjuni meħuda mis-selvaġġ.

Dawn il-projbizzjonijiet kif trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhom ikunu rispettati mis-sidien, mill-utenti u mill-maniġers tal-art kollha wkoll.

Aktar gwida dwar id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats hija disponibbli.

57. Huma permessi derogi għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet u jekk iva f’liema ċirkustanzi?

F’ċerti ċirkostanzi jiġu permessi derogi għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet fil-firxa kollha tagħhom (ara l-mistoqsija 46) (eż. biex tiġi evitata ħsara serja lill-għelejjel, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma) sakemm ma jkunx hemm soluzzjoni sodisfaċenti oħra u li l-konsegwenzi ta’ dawn id-derogi ma jkunux inkompatibbli mal-għanijiet ġenerali tad-Direttivi.

Il-kundizzjonijiet għad-derogi huma stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

Aktar gwida dwar id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats hija disponibbli.

Komunikazzjoni, kooperazzjoni, involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati

58. X’jista’ jkun r-rwol tas-sidien u tal-maniġers tal-art fl-implimentazzjoni tan-Natura 2000?

L-implimentazzjoni tan-Natura 2000 hija responsabbiltà tal-Istati Membri iżda għandha implikazzjonijiet importanti ħafna għas-sidien u għall-maniġers tal-art u l-parteċipazzjoni tagħhom hija ta’ importanza kbira. Hemm ħtieġa u valur reali fl-involviment tas-sidien u tal-maniġers tal-art minn stadju bikri. Is-sidien tal-art jafu l-proprjetà tagħhom, għandhom l-objettivi ta’ ġestjoni tagħhom u għandhom rwol ewlieni fl-istabbiliment u fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni fl-art tagħhom. Dawn għalhekk huma sħab kruċjali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni b’suċċess tan-Natura 2000.

Il-preparazzjoni u l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni li jindirizzaw l-objettivi ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit u li jinkludu miżuri ta’ konservazzjoni f’siti tan-Natura 2000 huma rrakkomandati ħafna. Huwa importanti li jkunu involuti l-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jiġu esplorati kemm jista’ jkun l-għażliet li jissodisfaw aspettattivi differenti, sabiex jiġu indirizzati u evitati kunflitti possibbli u jinstabu soluzzjonijiet sabiex jikkumpensaw għat-telf ekonomiku (spejjeż addizzjonali u dħul mitluf) li jista’ jkun ikkawżat minn miżuri ta’ konservazzjoni partikolari li jmorru lil hinn minn prattika normali skont il-ġestjoni sostenibbli tal-art.

59. Għaliex huwa importanti li jkunu involuti l-gruppi differenti tal-partijiet ikkonċernati fl-istabbiliment tal-objettivi ta’ konservazzjoni tan-natura u tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tan-Natura 2000.

Jekk wieħed jikkunsidra li Natura 2000 jimmira li jikkontribwixxi sabiex jiżgura l-bijodiversità filwaqt li jikkunsidra rekwiżiti soċjoekonomiċi u kulturali, huwa rrakkomandat ħafna li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jiġu identifikati minn qabel u jkunu involuti fil-preparazzjoni u fl-iżvilupp ta’ miżuri li jindirizzaw il-konservazzjoni ta’ ħabitats u speċijiet fis-siti tan-Natura 2000.

Tipi differenti ta’ partijiet ikkonċernati jistgħu jkunu bejn wieħed u ieħor interessati direttament mill-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000. L-awtoritajiet, is-sidien u l-maniġers tal-art huma l-aktar rilevanti fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, iżda l-fehmiet ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn għandhom ikunu kkunsidrati wkoll, b’mod partikolari l-komunitajiet lokali u utenti tal-art oħrajn, l-NGOs, il-kaċċaturi, is-sajjieda, eċċ. li jistgħu jkunu kapaċi jikkontribwixxu għall-proċessi bl-għarfien u l-esperjenza tagħhom.

Il-parteċipazzjoni pubblika fl-ippjanar u fil-preparazzjoni tal-objettivi ta’ konservazzjoni u tal-miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għal sit tan-Natura 2000 tippermetti l-kunsiderazzjoni tal-fehmiet tan-nies li jgħixu u jaħdmu fuq is-sit jew jużawh. Din tipprovdi opportunità eċċellenti sabiex tinħoloq atmosfera soċjali aktar favorevoli għall-konservazzjoni ambjentali. Il-probabbiltà għal suċċess tkun imtejba ħafna jekk il-partijiet ikkonċernati differenti jkunu infurmati u kkonsultati dwar u, fejn possibbli, involuti fil-ġestjoni tas-sit. Tista’ tkun opportunità wkoll sabiex jiġu żviluppati approċċ multidixxiplinarju u professjonali kif ukoll kooperazzjoni u sinerġiji possibbli bejn atturi differenti.

L-involviment tal-partijiet rilevanti kollha huwa opportunità sabiex ikunu evitati jew solvuti kunflitti possibbli u sabiex ikun hemm benefiċċju mill-għarfien u mill-esperjenza tal-oħrajn. Jekk wieħed jikkunsidra li l-istatus ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ ħabitats u tal-ispeċijiet protetti ta’ spiss huwa influwenzat mill-attivitajiet ta’ firxa ta’ partijiet ikkonċernati (il-bdiewa, il-forestiera, il-kaċċaturi, is-settur turistiku, eċċ.) il-komunikazzjoni magħhom u bejniethom hija essenzjali sabiex tintlaħaq ġestjoni integrata u jinkisbu l-konservazzjoni u objettivi oħrajn b’mod bilanċjat.

60. Liema passi għandu jinkludi proċess parteċipatorju?

Hemm bosta metodi ta’ kif jitwettqu proċessi parteċipatorji. Proċess parteċipatorju fil-ġestjoni ta’ siti ta’ foresta tan-Natura 2000 jista’ jinkludi l-passi ewlenin li ġejjin:

  • L-identifikazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha.
  • L-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma ta’ bosta partijiet ikkonċernati jew kumitat ta’ tmexxija kif xieraq.
  • L-immappjar ta’ valuri, drittijiet, riżorsi, artijiet u territorji u valutazzjoni tal-impatti.
  • Valutazzjoni tal-impatt parteċipatorja – definizzjoni tal-impatti pożittivi u negattivi.
  • Informazzjoni dettaljata u pubblika dwar l-objettivi ta’ konservazzjoni u diskussjoni dwar il-miżuri ppjanati. Informazzjoni mmirata għall-partijiet ikkonċernati direttament kollha.
  • Id-diskussjoni u l-identifikazzjoni tal-aħjar mezzi u mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riżorsi finanzjarji, il-kumpens u l-qsim ta’ benefiċċji.
  • Faċilitazzjoni f’każ ta’ stqarrijiet kunfliġġenti, bl-użu ta’ proċeduri adegwati għas-soluzzjoni tat-tilwim.
  • L-istabbiliment ta’ mudell ta’ monitoraġġ parteċipatorju li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha mill-bidu: x’se jkun immonitorjat, kif, x’ħin, fejn, minn min.
  • L-implimentazzjoni ta’ servizzi konsultattivi.

61. Liema tip ta’ informazzjoni għandha tkun magħmula pubblika?

Aċċess pubbliku u miftuħ għall-informazzjoni huwa importanti ħafna, b’mod partikolari informazzjoni dwar l-objettivi u l-miżuri ta’ konservazzjoni, l-obbligi, ir-rakkomandazzjonijiet, il-ftehimiet, kemm fil-livell tas-siti kif ukoll fil-livelli nazzjonali/reġjonali. Flimkien mal-konsultazzjonijiet meħtieġa, is-sidien u l-maniġers tal-art għandhom jiġu infurmati tajjeb dwar ir-raġunijiet wara u l-importanza tal-objettivi u l-miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit fis-siti tan-Natura 2000. Għalhekk huwa rakkomandat li deskrizzjoni dettaljata tal-objettivi u miżuri ta’ konservazzjoni, kif ukoll informazzjoni adattata dwar il-post ta’ karatteristiċi naturali ewlenin u l-miżuri ta’ konservazzjoni rispettivi jkunu magħmulin disponibbli pubblikament. Għall-kuntrarju ta’ xi pjanijiet oħrajn, li jista’ jkollhom informazzjoni privata u sensittiva, pjan ta’ ġestjoni tan-Natura 2000 normalment huwa dokument disponibbli pubblikament (ara wkoll il-Mistoqsija 22).

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti u li tinftiehem hija ta’ importanza kbira sabiex jittejjeb l-għarfien reċiproku u sabiex jitrawwem djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati. Huwa wkoll prerekwiżit għal diskussjonijiet li jħallu frott dwar l-objettivi ta’ konservazzjoni u l-miżuri ta’ konservazzjoni. Pjan ta’ komunikazzjoni tajjeb jeħtieġ l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ komunikazzjoni u informazzjoni xierqa dwar l-objettivi ġenerali tan-Natura 2000, l-objettivi u l-miżuri ta’ konservazzjoni tas-siti, eċċ. Dan jista’ jinvolvi l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma jew kumitat b’għadd ta’ partijiet ikkonċernati jekk possibbli u l-iżvilupp ta’ proċess trasparenti għal laqgħat u konsultazzjonijiet (roundtables, bullettini, eċċ.). Huwa importanti li l-partijiet ikkonċernati ikunu infurmati kif xieraq mhux biss dwar ir-restrizzjonijiet iżda anke dwar l-opportunitajiet offruti min-Natura 2000.

62. Is-sidien tal-art ta’ spiss ikollhom diffikultajiet sabiex jifhmu Natura 2000. Kif tista’ tittejjeb din is-sitwazzjoni?

Għalkemm ma hemmx obbligi ta’ komunikazzjoni fid-Direttiva dwar il-Ħabitats, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza u l-ħtieġa li jiġu kkomunikati u spjegati l-objettivi tan-Natura 2000 għall-pubbliku ġenerali u b’mod partikolari lill-partijiet ikkonċernati konnessi direttament mas-sit għall-ġestjoni tas-siti. Il-Kummissjoni pproduċiet gwida utli dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats kif ukoll gwida indirizzata aktar speċifikament għal setturi ekonomiċi partikolari (ara l-Artikolu 6 – Gwida Speċifika għas-Settur)

Hemm bosta għodod disponibbli sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni, jingħataw pariri u sabiex jinbnew il-kapaċitajiet lokali għall-ġestjoni ta’ sit tan-Natura 2000 u sabiex ikun żviluppat il-proċess parteċipatorju (ara wkoll il-Mistoqsija 34).

Natura 2000 f’kuntest ta’ żvilupp sostenibbli usa’

63. Kif inhuma kkunsidrati r-rekwiżiti ta’ konservazzjoni tan-Natura 2000 fi pjanijiet spazjali u pjanijiet u politiki ta’ żvilupp usa’?

Ir-rekwiżiti ta’ konservazzjoni tan-Natura 2000 għandhom jiġu kkunsidrati fil-preparazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ pjanijiet spazjali u pjanijiet u politiki ta’ żvilupp usa’. Dan normalment isir matul l-elaborazzjoni ta’ pjanijiet bħal dawn, permezz tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti li jistgħu jipprovdu informazzjoni utli sabiex jippermettu l-antiċipazzjoni u l-evitar ta’ kwalunkwe effett possibbli fuq dawn ir-rekwiżiti ta’ konservazzjoni. Dan jista’ jinkiseb pereżempju billi jintgħażel post tajjeb għall-attivitajiet ippjanati, eż. l-evitar tal-aktar żoni sensittivi, eċċ.

Kwalunkwe pjan li aktarx se jkollu effett sinifikanti fuq sit tan-Natura għandu jkun soġġett għal Valutazzjoni Xierqa tal-impatt potenzjali tiegħu fuq l-integrità tas-sit fid-dawl tal-objettivi ta’ konservazzjoni tiegħu.

Il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika tipprovdi għodda sabiex tivvaluta, tipprevjeni u ttaffi kwalunkwe impatt potenzjali fuq ir-rekwiżiti ta’ konservazzjoni ta’ siti tan-Natura 2000 meta tintegra kunsiderazzjoni xierqa tal-impatti potenzjali fuq is-siti u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats fir-rigward tal-Valutazzjoni Xierqa. (Ara wkoll il-Mistoqsijiet 39 u 43)

64. Id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar kif jinteraġixxu ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE (WFD, VIA, VAS, MSFD)

Id-Direttivi dwar l-”Għasafar” u l-”Ħabitats” (BHD) jinteraġixxu ma’ leġiżlazzjoni ambjentali oħra tal-UE li hija mmirata wkoll sabiex jinkiseb status ekoloġiku tajjeb f’ekosistemi tal-ilma ħelu u tal-baħar, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) u d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina (MSFD).

Iż-żewġ direttivi tan-natura u d-WFD jimmiraw li jiżguraw ekosistemi akkwatiċi b’saħħithom filwaqt li jiżguraw bilanċ bejn il-protezzjoni tal-ilma u tan-natura u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali. Hemm ħafna sinerġiji għaliex l-implimentazzjoni ta’ miżuri taħt il-WFD b’mod ġenerali se tkun ta’ benefiċċju għall-objettivi tad-direttivi tan-natura. Numru ta’ dokumenti gwida ġew prodotti sabiex jassistu u jarmonizzaw l-implimentazzjoni tal-BHD u d-WFD fl-Unjoni Ewropea kollha. Kumpilazzjoni tal-mistoqsijiet ewlenin dwar ir-rabiet bejn il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma u dwar in-natura hija disponibbli.

Id-direttivi dwar in-natura huma relatati b’mod ċar mal-MSFD fis-sens li kollha huma kkonċernati b’aspetti ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità fl-ambjent tal-baħar, inkluż rekwiżit sabiex jinkiseb status tajjeb għall-elementi ta’ bijodiversità koperti minn kull Direttiva. Għalkemm il-kunċetti ta’ status ambjentali tajjeb (GES, fl-MFSD) u status ta’ konservazzjoni favorevoli (FCS, fid-Direttiva dwar il-Ħabitats) jew status tal-popolazzjoni (Direttiva dwar l-Għasafar) mhumiex neċessarjament ekwivalenti dawn jistgħu jkunu ta’ appoġġ reċiproku. Il-miżuri implimentati skont id-direttivi tan-natura jistgħu jagħmlu kontribut importanti għall-ilħuq tal-objettivi usa’ tal-MSFD u viċi versa. Mistoqsijiet Frekwenti dwar ir-rabtiet bejn id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina u d-direttivi tan-natura huma disponibbli.

Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt ta’ pjanijiet u proġetti fuq Natura 2000, hemm similaritajiet u sinerġiji bejn il-Valutazzjoni Xierqa (AA) magħmula skont l-Artikolu 6.3 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-valutazzjonijiet imwettqa skont il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali jew id-Direttivi tal-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika. Dawn il-valutazzjonijiet jitwettqu ta’ spiss flimkien bħala parti minn proċedura integrata.

L-AA madankollu għandha tiffoka espliċitament fuq l-ispeċijiet u t-tipi ta’ ħabitats protetti ta’ importanza għall-UE fi ħdan Natura 2000. Fejn proġetti jew pjanijiet huma soġġetti għad-direttivi dwar il-VIA jew il-VAS, il-valutazzjoni tal-Artikolu 6 tista’ tifforma parti minn dawn il-valutazzjonijiet għalkemm għandha tkun distinta u identifikabbli b’mod ċar fi ħdan stqarrija ambjentali jew irrapportata separatament (ara wkoll il-Mistoqsija 43).

Aktar Informazzjoni:

Studji tal-każ dwar sinerġiji bejn il-WFD, l-MSFD u d-direttivi tan-Natura u l-“Gwida għal min qed jibda”.

65. Id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar kif jinteraġixxu ma’ politiki tal-UE oħrajn (Reġjonali, PAK, PKS, Trasport, Enerġija...)

Id-direttivi tan-natura jinteraġixxu ma’ politiki tal-UE oħrajn b’modi differenti. Dawn il-politiki jikkunsidraw id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tan-natura li japplikaw fl-Unjoni Ewropea u jappoġġaw l-implimentazzjoni tagħhom.

B’mod partikolari, il-fondi tal-UE li jappoġġaw il-politiki ewlenin tal-UE (żvilupp reġjonali, koeżjoni soċjali, agrikoltura u żvilupp rurali, politiki tal-baħar u tas-sajd) jintegraw objettivi u miżuri rilevanti li jappoġġaw l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tad-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar u n-netwerk Natura 2000.

Fil-qafas finanzjarju attwali, il-fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) jappoġġaw numru ta’ objettivi tematiċi, li jinkludu: il-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi. Dawn l-objettivi tematiċi huma kkonkretizzati fi prijoritajiet speċifiċi għal kull wieħed mill-fondi SIE.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (CF) jinkludu fost il-prijoritajiet ta’ investiment tagħhom: il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ħamrija u l-promozzjoni ta’ servizzi ta’ ekosistemi, inkluż permezz tan-Natura 2000, u infrastruttura ekoloġika.

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd jappoġġa l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità akkwatika u tal-ekosistemi akkwatiċi u jinkludi bosta miżuri li jimmiraw li jikkontribwixxu għall-konservazzjoni ta’ speċijiet u ħabitats protetti mid-direttivi tan-natura u għall-ġestjoni, ir-restawr u l-monitoraġġ tas-siti tan-Natura 2000.

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jinkludi fost il-prijoritajiet tiegħu: ir-restawr, il-preservazzjoni u t-titjib fl-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u l-forestrija, b’fokus partikolari fuq ir-restawr, il-preservazzjoni u t-titjib tal-bijodiversità, inkluż fiż-żoni tan-Natura 2000.

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) inkludiet sensiela ta’ dispożizzjonijiet sabiex tipproteġi u ttejjeb il-bijodiversità u l-ekosistemi naturali, magħrufin bħala Greening, li jinkludu l-preservazzjoni ta’ bur permanenti u elementi ta’ benefiċċju ekoloġiku f’“żoni ta’ fokus ekoloġiku” fost miżuri rilevanti oħrajn.

Il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) ukoll tinkludi sensiela ta’ miżuri għall-konservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar, inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-istabbiliment ta’ miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd għas-siti tan-Natura 2000 u Żoni Protetti tal-Baħar oħrajn.

Fir-rigward tal-politiki tat-trasport u l-enerġija, id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tan-natura huma kkunsidrati fil-livell ta’ ppjanar u b’mod speċjali fil-valutazzjonijiet ambjentali ta’ pjanijiet u programmi. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll gwida speċifika dwar it-Trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u Natura 2000, dwar l-Iżviluppi fl-enerġija mir-riħ u Natura 2000.

Hija disponibbli wkoll gwida dwar il-biedja, il-forestrija u l-akkwakultura fin-Natura 2000 u dwar l-infrastruttura tat-trasport tal-enerġija u Natura 2000 (ara l-Artikolu 6 - Gwida Speċifika għas-Settur: https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/guidance_en.htm)

66. Liema tip ta’ servizzi tal-ekosistema jipprovdu s-siti tan-Natura 2000 għas-soċjetà?

In-netwerk Natura 2000 jipprovdi benefiċċji lis-soċjetà u lill-ekonomija permezz tal-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema differenti. Dawn jinkludu l-provvista ta’ riżorsi tanġibbli bħall-ilma u għelejjel u injam prodotti b’mod sostenibbli (servizzi ta’ provvista), u proċessi li jirregolaw il-kwalità tal-ilma u l-arja, il-prevenzjoni ta’ perikli naturali bħal għargħar u erożjoni tal-ħamrija, u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima permezz tal-ħażna u l-qbid tal-karbonju (servizzi ta’ regolamentazzjoni). Iż-żoni tan-Natura 2000 jipprovdu wkoll servizzi kulturali, pereżempju billi jappoġġaw ir-rikreazzjoni u t-turiżmu, u jippreservaw l-identità kulturali u sens tal-post. Huwa stmat li kull sena hemm bejn 1.2 u 2.2 biljun viżitatur fis-siti tan-Natura 2000 li jiġġeneraw benefiċċji rikreattivi ta’ bejn €5 u €9 biljun fis-sena.

Studji riċenti promossi mill-Kummissjoni Ewropea evalwaw u stmaw il-benefiċċji ekonomiċi ġenerali pprovduti minn Natura 2000. Il-valur tal-benefiċċji tan-netwerk Natura 2000 (terrestri) – ibbażat fuq żieda gradwali minn studji eżistenti bbażati fuq sit u mill-valur ta’ servizzi mwassla minn ħabitats differenti – jissuġġerixxi li dawn jistgħu jkunu bejn €200 u €300 biljun fis-sena fil-preżent (jiġifieri 2 % sa 3 % tal-PDG tal-UE). Dan il-valur għandu jiġi pperċeput bħala l-ewwel stima illustrattiva tal-livell tal-benefiċċji annwali u mhux bħala riżultat preċiż robust.

Fl-Ewropa, madwar 4.4 miljun impjieg, u €405 biljuni fi dħul annwali, huma dipendenti direttament fuq il-preservazzjoni ta’ ekosistemi b’saħħithom, li proporzjon sinifikanti minnhom jinsabu fi ħdan Natura 2000. Għalkemm dawn iċ-ċifri jipprovdu biss stima tal-ewwel, ir-riżultati preliminari diġà juru li l-benefiċċji ekonomiċi miksubin min-Netwerk Natura 2000 jikkumparaw favorevolment ħafna mal-ispejjeż assoċjati mal-ġestjoni u protezzjoni ta’ din ir-riżorsa importanti. Din tal-aħħar hija stmata f’madwar €5.8 biljuni/sena – li hija frazzjoni tal-valur potenzjali għas-soċjetà.

Billi jiġu protetti s-siti tan-Natura 2000 u tkun meħtieġa azzjoni ta’ konservazzjoni, in-netwerk itejjeb il-funzjonament tal-ekosistemi, li min-naħa tagħhom huma ta’ benefiċċju għas-soċjetà u għall-ekonomija.

Aktar informazzjoni:

Spiża u benefiċċji tan-Natura 2000
Benefiċċji soċjoekonomiċi tan-Natura 2000 tal-baħar

Right navigation