Kif inhu applikat?
Infurzar tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam (EUTR)
L-EUTR huwa vinkolattiv f'kull pajjiż tal-UE, iżda kif jiġi infurzat u minn min? Sir af minn hawn taħt u tinsiex tikkonsulta d-Dokument ta' Gwida
(375 KB)
għal aktar informazzjoni.

Il-leġiżlatur f'pajjiżek jistabbilixxi penali 'effettivi, proporzjonati u disswassivi' sabiex jiżgura l-konformità.
Ftakar li l-EUTR ma għandux effett retroattiv, dan ifisser li huwa japplika biss għal injam u għal prodotti tal-injam li jitpoġġew fis-suq nhar u wara t-3 ta' Marzu 2013.
Sir af dwar il-penali f'pajjiżek billi tikkuntattja lill-awtorità kompetenti.

Awtorità kompetenti f'pajjiżek tikkoordina l-applikazzjoni tar-Regolament.
Awtoritajiet kompetenti iwettqu kontrolli fuq operaturi u fuq organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ.
Sib l-awtorità kompetenti tiegħek minn hawn.

Organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ madwar l-UE jiżviluppaw sistemi ta' diliġenza dovuta li, bħala operatur, tista' tuża sabiex tiżgura li inti qed tikkonforma mal-EUTR. Madankollu, tista' tagħżel ukoll li tiżviluppa s-sistema tiegħek stess.
Kif jista' n-negozju tiegħek jimplimenta r-Regolament? Aktar dwar id-'diliġenza dovuta'
Kif għandu n-negozju tiegħek iħejji sabiex jikkonforma mal-EUTR? Ladarba tkun stabbilixxejt jekk intix operatur jew kummerċjant, inti tieħu passi ċari.
Jekk inti kummerċjant mela kullma għandek tagħmel huwa li żżomm l-informazzjoni fuq in-negozju mingħand min tixtri l-prodotti tal-injam u l-informazzjoni fuq dawk li inti tbiegħilhom.
Jekk inti operatur, inti għandek iktar responsabbiltà. Għandek teżerċita diliġenza dovuta sabiex tagħmel ċert li l-injam fil-prodotti tal-injam tiegħek ikun inqata' legalment.
Għandek tuża sistema tad-diliġenza dovuta li fiha l-elementi li ġejjin:
Informazzjoni: Għandu jkollok aċċess għall-informazzjoni li ġejja dwar l-injam:
- deskrizzjoni (inkluż l-isem kummerċjali, it-tip ta' prodott u l-isem komuni/isem xjentifiku sħiħ tal-ispeċje);
- pajjiż tal-qtugħ (u, jekk applikabbli, reġjun tal-ħsad, kif ukoll il-konċessjoni tal-ħsad - jiġifieri kwalunkwe arranġament li jikkonferixxi d-dritt għall-qtugħ tal-injam f'żona definita);
- il-kwantità (espressa skont il-volum, il-piż jew in-numru ta' unitajiet);
- l-isem u l-indirizz tal-fornitur għall-operatur;
- l-isem u l-indirizz tax-xerrej (kummerċjant) li jixtri l-injam;
- dokumenti jew informazzjoni oħra li tindika l-konformità tal-injam u tal-prodotti tal-injam mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Għal xi eżempji konkreti ta' x'jgħodd bħala 'dokumenti jew informazzjoni oħra', jekk jogħġbok ara s-sezzjoni 4 tad-Dokument ta' Gwida.
Valutazzjoni tar-riskju: Inti għandek tanalizza u tevalwa r-riskju li l-injam li inti qed tinnegozja huwiex maqtugħ illegalment. Meta tagħmel din il-valutazzjoni, investiga l-injam li inti qed tinnegozja billi tuża l-kriterji li ġejjin:
- assigurazzjoni tal-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, li tista' tinkludi ċertifikazzjoni jew skemi minn parti terza vverifikata oħra li jkopru konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli;
- prevalenza tal-qtugħ illegali ta' speċji ta' siġar speċifiċi;
- prevalenza ta' qtugħ illegali jew jew prattiċi illegali fil-pajjiż tal-qtugħ u/jew reġjun sub-nazzjonali fejn l-injam inqata', inkluż il-kunsiderazzjoni tal-prevalenza ta' kunflitt armat;
- sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar importazzjonijiet jew esportazzjonijiet ta' injam;
- il-kumplessità tal-katina tal-provvista ta' injam u ta' prodotti tal-injam.
Jekk jogħġbok ara d-Dokument ta' Gwida
(375 KB)
għal informazzjoni aktar dettaljati.
Taffija tar-riskju: Jekk m’intix sodisfatt/a li r-riskju tat-tqegħid ta' injam maqtugħ illegalment fis-suq huwa negliġibbli, inti għandek tieħu azzjoni billi timplimenta miżuri ta' taffija tar-riskju. Dawn jistgħu jinkludu:
- il-ħtieġa ta' informazzjoni addizzjonali mingħand il-fornituri tiegħek;
- il-ħtieġa ta' dokumenti addizzjonali mingħand il-fornituri tiegħek;
- il-ħtieġa ta' verifika minn parti terza, eċċ.
