Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

Il-ħarsien tal-organiżmi selvaġġi

Kważi nofs l-ispeċijiet mammiferi selvaġġi fl-Ewropa, inklużi l-linċi tal-Iberja, huma mhedda minħabba l-attivitajiet tal-bniedem.

L-Ewropa għandha diversità impressjonanti ta’ pjanti, annimali u ħabitats. Ftit postijiet fuq il-pjaneta għandhom taħlita daqstant differenti ta' ħabitats, ħajja selvaġġa u pajsaġġi kulturali f'erja tant żgħira.
Neħtieġu din il-ħajja selvaġġa biex nibqgħu ngħixu u ma ninqerdux. Pereżempju, l-insetti jdakkru l-uċuħ tar-raba' tagħna, – servizz li jiswa €22 biljun lill-agrikoltura Ewropea kull sena.

Iżda l-attivitajiet tal-bniedem qed jitfgħu pressjoni kbira fuq l-ambjent u qed iwasslu biex xi speċijiet jinqerdu. It-theddid ewlieni huwa l-għejbien ta’ ħabitats naturali, l-isfruttar żejjed, speċijiet mhux indiġeni, it-tibdil fil-klima u t-tniġġis.

Illum, kważi nofs il-mammiferi tal-Ewropa u terz tal-ispeċijiet tar-rettili, il-ħut u l-għasafar jinsabu mhedda li jinqerdu. Dan huwa prinċipalment minħabba li l-ħabitats tagħhom qed jiċkienu peress li ż-żoni urbani qed jikbru u qed nużaw aktar art għall-infrastruttura bħat-toroq.

Nofs l-artijiet mistagħdra tal-Ewropa issa xxuttaw, u kważi tliet kwarti tad-duni fi Franza, l-Italja u Spanja sparixxew.
Parti kbira mill-ħabitats prezzjużi għall-ħajja selvaġġa huma protetti bil-liġi, iżda ħafna ħabitats protetti jinsabu f'qagħda ħażina u jeħtieġ li jiġu restawrati.
Xi speċijiet selvaġġi jinsabu fil-periklu minħabba l-isfruttar żejjed – problema partikolari fl-ibħra, fejn is-sajd żejjed wassal biex xi stokkijiet tal-ħut naqsu ħafna.

L-ispeċijiet aljeni invażivi huma pjanti, annimali, faqqiegħ u mikroorganiżmi li jistabbilixxu ruħhom barra miż-żona naturali tagħhom. Il-moluski Żebra, pereżempju, inaqqsu l-kwalità tal-ilma fil-lagi u jimblukkaw is-sistemi tal-ilma. Dawn l-invażuri mhumiex kollha ħżiena, iżda xi ftit minnhom jinxterrdu malajr u jirbħu fuq l-ispeċijiet nattivi. L-effett ekonomiku tagħhom hu enormi: jiswew €12.5 biljun fis-sena, u l-problema qed tikber il-ħin kollu.

It-tibdil fil-klima se jkollu effetti kbar fl-Ewropa. Xi speċijiet se jadattaw u jiċċaqalqu, iżda oħrajn se jsibuha diffiċli biex ikampaw. Jekk it-temperatura togħla b’madwar 1.5 °C u 2.5 °C, sa 30% tal-ispeċijiet tal-pjanti u l-annimali jistgħu jinqerdu.

Il-kwalità tal-ilma tjiebet matul l-aħħar 20 sena bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u issa nafu nittrattaw aħjar id-dranaġġ u l-iskart industrijali. Iżda għadna nniġġsu l-ilma ta’ taħt l-art bl-użu tal-fertilizzanti. Dan jirriżulta fl-ewtrofikazzjoni – wisq nitroġenu fix-xmajjar, il-lagi u l-estwarji, li jikkawża t-tixrid tal-alka.