Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

Il-foresti

Il-foresti jipproteġuna kontra t-tibdil fil-klima, ineħħu s-CO2 mill-atmosfera li jinħażen fis-siġar, il-veġetazzjoni u l-ħamrija.

Aktar minn 40% (1.77 miljun kilometru kwadru) tal-art tal-UE hija miksija bil-foresti. Għall-kuntrarju ta’ bosta partijiet oħra tad-dinja, il-kopertura tal-foresta fl-UE qed tiżdied – b’ 0.4 kull sena. Il-ħabitats tal-foresta jikkostitwixxu kważi 20% (aktar minn 14-il miljun ettaru) tan-netwerk Natura 2000.

Il-foresti Ewropej qed jiffaċċaw l-isfida tat-tibdil fil-klima, għalhekk iridu jiġu mmaniġġjati tajjeb.

Il-biċċa l-kbira tal-liġijiet tal-foresta huma speċifiċi għall-Istati Membri. Iżda l-UE hi parteċipant attiv fin-negozjati internazzjonali dwar il-foresti madwar id-dinja.

Madwar 60 miljun ruħ jiddependu direttament mill-foresti għall-għajxien tagħhom fid-dinja, u 1.7 biljun oħra jiddependu minnhom indirettament għal attivitajiet ibbażati fuq il-foresti. U ħafna minna neħtiġuhom għar-rikreazzjoni – jew għall-ispirazzjoni artistika u spiritwali.

Id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkawżaw madwar 16% tal-emissjonijiet dinjin tas-CO2.

13-il miljun ettaru ta’ foresti (erja d-daqs tal-Greċja) jinqerdu kull sena xi mkien fid-dinja, l-aktar biex jinħoloq spazju għal azjendi agrikoli, mini u infrastruttura ġodda. Ħafna minn dan il-qtugħ tas-siġar isir b'mod illegali, u jikser il-liġijiet lokali.

Dan jaffettwa serjament lin-nies lokali u jhedded speċijiet importanti. Jikkontribwixxi wkoll għall-problema dinjija tat-tibdil fil-klima peress li l-qerda tal-foresti għal użu ieħor tista' tikkawża emissjonijiet sostanzjali ta’ gassijiet b’effett serra b'riżultat ta’ nirien u t-tħassir tal-veġetazzjoni, u b'hekk il-foresti jsiru sors tas-CO2.

L-UE qed tisħaq biex id-deforestazzjoni globali titnaqqas bin-nofs sal-2020 u titwaqqaf kompletament sal-2030. Qed tipproponi li jintlaħaq ftehim fil-livell internazzjonali biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jaġixxu biex iwaqqfu d-deforestazzjoni jiġu ppremjati.
L-UE qed taħdem ukoll ma’ għadd ta’ pajjiżi li jesportaw l-injam biex itejbu l-governanza tal-foresti u tiżgura li l-injam impurtat minn dawk il-pajjiżi jiġi maqtugħ b’mod legali. Minn Marzu 2013, injam maħsud illegalment ma jistax jinbiegħ fl-UE.