Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

Is-sustanzi kimiċi u s-sikurezza

Il-leġiżlazzjoni REACH tal-UE tgħabbi lill-industriji bir-responsabbiltà li jinvestigaw u jiżguraw is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi li jużaw.

Is-sustanzi kimiċi huma parti mill-ħajja moderna. Ħafna minn dawn is-sustanzi jikkontribwixxu għall-benesseri tagħna u jtejbu l-kwalità ta' ħajjitna, iżda xi wħud jistgħu jkunu ta’ dannu għal saħħitna jew għall-ambjent tagħna. Il-politika tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għandha l-għan li tiżgura li s-sustanzi kimiċi huma sikuri u li l-industrija tal-UE tibqa’ kompetittiva fil-livell internazzjonali.

Is-sustanzi kimiċi li huma ta' preokkupazzjoni kbira:

  • jikkawżaw il-kanser jew mutazzjonijiet, jew jikkaġunaw ħsara fis-sistema riproduttiva
  • ma jitkissrux fl-ambjent u jakkumulaw f'ġisem il-bniedem u l-annimali
  • jinterferixxu fis-sistemi tal-ormoni tal-bniedem u tal-annimali.

Pollutanti serji jistgħu jakkumulaw fl-ambjent, u nstabu fil-ħalib tal-ommijiet, fid-demm, fix-xagħar u fit-tessut ta' xaħam tal-bniedem. F’ċerti ilmijiet, is-sustanzi kimiċi li jħarbtu l-ormoni jistgħu jiffemminizzaw il-ħut u jikkawżaw il-produzzjoni tal-bajd f'ħut tas-sess maskil. Fin-nies, is-sustanzi kimiċi ġew konnessi ma’ għadd ta’ problemi tas-saħħa, inklużi diversi tipi ta' kansers, l-ażma, għadd baxx ta' sperma, difetti mat-twelid u problemi fis-sistema immunitarja.

Sabiex tagħmel tajjeb għal dawn il-preokkupazzjonijiet, l-UE għandha l-aktar leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi avvanzata fid-dinja – REACH – li daħlet fis-seħħ fl-2007. L-akronomu REACH ifisser Ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi.

Fl-imgħoddi, kien f’idejn l-awtoritajiet li jipprovaw li sustanza kienet perikoluża, u spiss kien ikollhom ftit wisq informazzjoni sabiex jivvalutaw u jikkontrollaw is-sustanzi. REACH treġġa’ lura din, tgħabbi lill-industrija bir-responsabbiltà sabiex tiżgura li s-sustanzi kimiċi li tipproduċi huma sikuri.

Il-kumpaniji kollha li jimmanifatturaw jew jimportaw is-sustanzi kimiċi bi kwantitajiet ta’ tunnellata metrika jew aktar għandhom jirreġistraw dawn is-sustanzi mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi. Il-kumpaniji għandhom jipprovdu informazzjoni dwar in-natura tas-sustanza u kif għandha tiġi trattata. Sustanzi prodotti fi kwantitajiet akbar jeħtiġilhom ukoll rapport dwar is-sikurezza.

L-Aġenzija tiċċekkja l-informazzjoni pprovduta mill-kumpaniji u, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, tiddeċiedi liema sustanzi jeħtiġilhom li jiġu valutati mill-qrib.

Jekk sustanza kimika tippreżenta riskju serju għas-saħħa jew għall-ambjent, l-awtoritajiet ikunu jistgħu jintervjenu. Jistgħu jirrikjedu awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, jagħmlu l-użu tagħha dipendenti fuq awtorizzazzjoni minn qabel, jirrestrinġuha jew jipprojbixxuha għalkollox.

REACH tħeġġeġ lill-kumpaniji biex jissostitwixxu l-aktar sustanzi perikolużi b’oħrajn aktar sikuri.