Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

It-tniġġis tal-arja u l-kwalità tal-arja fl-UE

Il-kwalità ħażina tal-arja minħabba t-tniġġis u l-emissjonijiet tqiegħed is-saħħa tan-nies f’riskju u tikkawża ħafna mwiet prematuri fl-Ewropa.

Bosta Ewropej huma mħassba ħafna dwar it-tniġġis tal-arja. Dan jagħmel ħsara lill-pulmun u lill-pajpijiet tan-nifs u jista' jikkawża l-ażma, il-bronkiti u l-mard kardjovaskulari.

Minkejja titjib ġenerali fil-kwalità tal-arja, it-tniġġis tal-arja minn partikuli fini u l-ożonu troposferiku għadu joħloq ħafna mwiet prematuri fl-UE kull sena u jnaqqas l-istennija tal-għomor. Dan jiswa biljuni ta’ euro kull sena fil-kura tas-saħħa.

It-tniġġis tal-arja huwa ta’ dannu għall-ambjent f’diversi modi.

L-aċidifikazzjoni mis-sustanzi li jniġġsu bħad-diossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u l-ammonja tikkawża x-xita aċiduża, li tniġġes il-foresti, ix-xmajjar, il-lagi u żoni naturali oħrajn.

L-ewtrofikazzjoni hija kkawżata minn livelli għoljin ta’ nutrijenti bbażati fuq in-nitroġenu li qed jispiċċaw fin-natura. Hija kontributur ewlieni għat-telf tal-bijodiversità. Dawn in-nutrijenti jiffiltraw f’lagi jew f'passaġġi tal-ilma, u jissarrfu f'algi tossiċi li jifgaw il-ħut u organiżmi salvaġġi oħrajn.

L-ożonu troposferiku jagħmel ħsara lill-weraq tal-pjanti u jnaqqas it-tkabbir tagħhom, jagħmel ħsara lill-foresti u lill-pjanti salvaġġi, u jnaqqas ir-rendiment tal-għelejjel.

Il-biċċa l-kbira tat-tniġġis tal-arja ġej mis-settur tal-enerġija, mis-sistemi ta’ tisħin domestiku, l-industriji peżanti bħall-fabbriki tal-ħadid u r-raffineriji taż-żejt, it-trasport, l-agrikoltura u t-trattament tal-iskart.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi standards stretti fejn jidħlu:

  • Il-materja partikulata – partikuli żgħar b'dijamentru ta' frazzjoni ta’ millimetru. Is-sorsi jinkludu t-trasport, il-biċċa l-kbira tal-forom ta’ kombustjoni u ċerti proċessi industrijali
  • L-ożonu troposferiku – iffurmat meta jirreaġixxu l-ossidi tan-nitroġenu u l-komposti organiċi volatili fil-preżenza tad-dawl tax-xemx, u għalhekk dan huwa problema partikolari fis-sajf
  • Il-komposti organiċi volatili li joħorġu minn solventi, żebgħa u verniċ, u mid-dħaħen tal-karozzi u l-istazzjonijiet tal-fjuwil
  • L-ossidi tan-nitroġenu inkluż id-diossidu tan-nitroġenu ġġenerat waqt il-kombustjoni, pereżempju mill-magni tal-vetturi u tal-impjanti termali tal-elettriku
  • Id-diossidu tal-kubrit li jifforma meta jinħarqu l-fjuwils fossili
  • L-ammonja (NH3) rilaxxata mill-ħmieġ tal-annimali u l-fertilizzanti
  • Il-metalli tqal rilaxxati mill-proċessi industrijali bħall-purifikazzjoni tal-metalli u l-kisi ta' metalli bl-elettroliżi, l-inċinerazzjoni tal-iskart u l-ħruq tal-faħam fl-impjanti tal-enerġija (il-merkurju).
  • Il-benżen li huwa solvent industrijali użat b’mod wiesa’ li joħroġ minn ħafna sorsi differenti inklużi attivitajiet industrijali, dħaħen tal-vetturi, pompi tal-petrol, duħħan mill-injarm u sigaretti.