Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

Produzzjoni u konsum sostenibbli

Il-konsumaturi qed isiru aktar konxji tal-impatt ambjentali tal-prodotti, u l-ekotikkettar jgħinhom jagħmlu għażliet infurmati.

Biex niffaċċaw l-isfidi tal-lum, jeħtieġ inbiddlu l-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw l-oġġetti. Jeħtiġilna noħolqu aktar valur filwaqt li nużaw inqas riżorsi, innaqqsu l-ispejjeż u nimminimizzaw l-impatti fuq l-ambjent. Jeħtiġilna nagħmlu aktar b’inqas.

Proċessi ta’ produzzjoni aktar effiċjenti u sistemi ta' mmaniġġjar ambjentali aħjar jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti t-tniġġis u l-iskart, u jiffrankaw l-ilma u riżorsi oħra. Dan hu tajjeb għan-negozju wkoll, peress li jista’ jnaqqas l-ispejjeż operattivi u jnaqqas id-dipendenza fuq il-materja prima.

L-ekodisinn u l-ekoinnovazzjoni jistgħu jtaffu l-impatti tal-produzzjoni tal-prodotti. Jistgħu jikkontribwixxu biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-prodotti matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom, u jagħtu spinta lit-teknoloġiji tal-produzzjoni.

Il-konsumaturi wkoll jistgħu jagħmlu differenza kbira permezz tal-għażliet tal-konsum li jagħmlu.

L-akbar impatti tal-konsum tagħna fuq l-ambjent jiġu mill-ikel, il-bini u t-trasport, u dan hu fejn hi meħtieġa l-biċċa l-kbira tal-bidla. It-titjib tal-kostruzzjoni u tal-użu tal-bini fl-UE, pereżempju, jistgħu jnaqqsu 42% tal-konsum aħħari tal-enerġija tagħna u madwar 35% tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra tagħna, u jnaqqsu l-użu tal-ilma sa 30%.

L-ekotikkettjar jista' jgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet aktar infurmati. L-ekotikketta tal-UE tidentifika prodotti u servizzi li għandhom impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Il-kriterji huma żviluppati minn xjenzjati, NGOs u partijiet interessati biex joħolqu mod affidabbli biex jagħmlu għażliet ambjentalment responsabbli.

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex l-ekonomija tal-UE ssir aktar ekoloġika. L-infiq mill-entitajiet pubbliċi jammonta għal kważi 20% tal-PDG tal-UE – billi jiffissaw il-kundizzjonijiet it-tajbin jistgħu jagħmlu ħafna biex is-suq jitmexxa lejn aktar sostenibbiltà. Infiq aktar ekoloġiku mill-entitajiet pubbliċi jista' jgħin iżid id-domanda għal servizzi u prodotti aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Għalhekk, għalkemm hemm diġà firxa ta’ politiki biex iħeġġu konsum u produzzjoni aktar sostenibbli, kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu wkoll. Ara l-paġna dwar l-effiċjenza tar-riżorsi għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett.