Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

L-immaniġġjar tar-riżorsi

Ir-riżorsi naturali, bħall-injam, se jiġu eżawriti fil-futur jekk ma nimmaniġġjawhomx tajjeb.

Ilkoll neħtieġu r-riżorsi naturali bħall-metalli, il-minerali, il-foresti, l-art, l-ikel, l-arja u l-ilma għall-prosperità u l-benessri tagħna, iżda qed nużawhom b’rata aktar mgħaġġla milli qed jiġu sostitwiti. Meta neqirdu l-annimali u l-pjanti li jżommu l-bilanċ tal-ekosistemi tagħna, inkunu qed nakkumulaw il-problemi għall-futur. X’nistgħu nagħmlu dwar dan?

Sal-2050, jekk inkomplu sejrin hekk, inkunu qed nużaw ħames darbiet aktar riżorsi mil-lum. Probabbilment dan hu impossibbli. Aktar minn 60% tal-ekosistemi tagħna diġà huma sfruttati żżejjed, l-istokkijiet dinjin tal-ħut qed jiffaċċjaw theddid serju, u qed nipperikolaw il-kwalità tal-ilma u tal-arja tagħna billi naqtgħu wisq siġar.

Hekk kif il-popolazzjoni tad-dinja dalwaqt se tilħaq 9 biljuni, jeħtieġ li nsiru soċjetà li tuża r-riżorsi b’mod aktar effiċjenti – jeħtiġilna ntejbu l-ambjent minflok ma’ nagħmlulu l-ħsara.
L-UE għandha strateġija fit-tul biex tnaqqas il-ħsara kkawżata mill-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali. L-għan huwa li jinħoloq aktar valur filwaqt li jintużaw inqas riżorsi, u fejn nistgħu nissostitwixxuhom b’għażliet li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent.

Jeħtieġ li nnaqqsu l-impatti ambjentali tal-produzzjoni u l-konsum f’kull stadju – mill-estrazzjoni tal-materja prima sal-użu tal-prodotti li jsiru u l-iskart li joħolqu meta jintremew. L-aħjar mod biex isir dan hu li jittejjeb id-disinn tal-prodotti u jiġu inkoraġġiti proċessi ta’ fabbrikazzjoni li jużaw inqas materjali.

Meta nnaqqsu l-ammont ta’ materjali li nużaw, u nużaw mill-ġdid u nirriċiklaw, inkunu qed nirkupraw materjali ta’ valur u ngħinu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet. Ir-riċiklaġġ tal-aluminju jiffranka madwar 95% tal-enerġija meta mqabbel mal-estrazzjoni, pereżempju. Bl-istess mod, it-tnaqqis tal-ammont ta’ skart li qed jintrema fil-miżbla jnaqqas l-emissjonijiet tal-metanu, gass b'effett serra qawwi ħafna.

Neħtieġu wkoll informazzjoni aħjar dwar dak li qed nagħmlu. Il-PDG ikejjel il-valuri monetarji, iżda ma jkejjilx affarijiet li mhumiex innegozjati, bħal ambjent nadif. Indikaturi addizzjonali – li l-Kummissjoni qed tipprova tiżviluppa – għandhom jgħinuna nkejlu aħjar l-impatti fuq l-ambjent, is-soċjetà u l-benesseri tagħna. Dan jgħinna nifhmu t-tip ta’ tibdiliet li neħtieġu biex insiru aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.