Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

Nevitaw u nimmaniġġjaw l-iskart

Ir-riċiklaġġ u l-irkupru tal-materjali tal-iskart huma soluzzjoni ħafna aħjar mill-użu tal-miżbliet mhux sostenibbli u l-inċinerazzjoni. Il-prevenzjoni tal-iskart hija l-aħjar għażla minnhom kollha.

Tradizzjonalment l-iskart kien meqjus bħala sors ta’ tniġġis. Iżda skart immaniġġjat tajjeb jista' jkun sors prezzjuż ta’ materjali, speċjalment meta ħafna qed isiru skarsi.

L-ekonomija tal-UE tuża 16-il tunnellata ta’ materjali għal kull persuna fis-sena, li minnhom 6 tunnellati jsiru skart u nofshom jispiċċaw fil-miżbla. Ħafna Stati Membri għadhom jiddependu fuq il-miżbliet biex jimmaniġġjaw l-iskart tagħhom, minkejja li mhumiex sostenibbli.

Il-miżbliet jistgħu jikkontaminaw il-ħamrija u jniġġsu l-ilma u l-arja. Ir-rimi mhux ikkontrollat jista' jirrilaxxa sustanzi kimiċi perikolużi u jipperikola s-saħħa. Fuq kollox, il-materjali ta’ valur fl-iskart jintilfu.

L-aħjar għażla hija li ma nkomplux noħolqu skart. Meta dan mhux possibbli, għażliet oħra tajbin huma l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru.

Immaniġġjar tajjeb tal-iskart jista' jagħti kontribuzzjoni kbira għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Dan jiffranka riżorsi prezzjużi, jevita spejjeż tal-operazzjonijiet ta’ tindif, u jipprevjeni problemi tas-saħħa.

Skont studju tal-2012, jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE kollha dwar l-iskart tkun implimentata kompletament, l-Ewropa tista’ tiffranka EUR 72 biljun fis-sena, il-valur tal-bejgħ tal-immaniġġjar tal-iskart u tas-settur tar-riċiklaġġ jiżdied b’EUR 42 biljun, u jinħolqu 400,000 impjieg sal-2020.

Għaliex dan mhux qed isir? Ħafna drabi, il-prezzijiet ma jinkludux l-ispiża vera tar-rimi tal-oġġetti wara l-użu. Kieku dan isir, jgħin biex jiġi evitat l-iskart. Il-prattiki illegali huma mifruxa sew, speċjalment f’pajjiżi fejn l-iskart mhux isseparat, u fejn ir-riċiklaġġ, l-irkupru, u l-infurzar legali huma dgħajfa.

L-UE qed tipprova ttejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-Istati Membri li għandhom politiki dgħajfa dwar l-iskart, billi tirrakkomanda strumenti ekonomiċi bħalma huma t-taxxi fuq il-miżbliet, l-għoti lura tal-merkanzija mill-produtturi fi tmiem ħajjithom, u l-ħlas miċ-ċittadini għall-iskart tagħhom.

Il-liġijiet tal-UE fuq oġġetti bħat-tagħmir elettriku, l-ippakkjar, il-batteriji, u l-karozzi li jiġu skrappjati ġabu titjib ċar fil-ġbir u l-immaniġġjar tal-iskart, u ħafna prodotti issa fihom inqas sustanzi perikolużi bħala riżultat. Madankollu, għad hemm lok għat-titjib!