Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

L-effiċjenza tar-riżorsi fl-UE

Aktar riċiklaġġ u effiċjenza akbar se jgħinu biex tittaffa l-pressjoni fuq it-tnaqqis fir-riżorsi tad-dinja.

It-tkabbir tal-ekonomija dinjija qed iqiegħed pressjoni mhux sostenibbli fuq ir-riżorsi tad-Dinja. Din se tiggrava billi l-popolazzjoni globali qed tersaq lejn 9 biljuni. Aktar kompetizzjoni għal riżorsi limitati se tfisser prezzijiet ogħla u instabbiltà – tendenzi globali li se jħallu impatti enormi fuq l-ekonomija Ewropea.

Dan hu għaliex l-UE qed tinsisti għall- “effiċjenza tar-riżorsi”, li tfisser li r-riżorsi jintużaw b’mod aktar sostenibbli. Materja prima bħall-ilma, il-minerali u l-injam jeħtiġilhom li jiġu mmaniġġjati b’mod aktar effiċjenti matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom, mill-bidu tal-estrazzjoni tagħhom sal-aħħar mumenti meta jintremew.

Anqas dipendenza fuq riżorsi limitati se tagħmel lill-Ewropa anqas vulnerabbli għan-nuqqasijiet fil-provvisti u għall-prezzijiet volatili tas-suq. It-teknoloġiji ekoloġiċi u l-enerġija rinnovabbli, l-industriji ekoloġiċi u r-riċiklaġġ ilkoll jistgħu jgħinu. Bir-riżultat li kulħadd ikun jaqbillu: jekk inkomplu nużaw ir-riżorsi bir-rata attwali, sal-2050 se jkun jeħtiġilna l-ekwivalenti ta' aktar minn żewġ pjaneti biex isostnuna.

Tliet kwarti tal-impatt tagħna ġej mis-settur tal-ikel u x-xorb, mill-bini u t-trasport. Dan hu għaliex jeħtiġilna nibdlu l-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw l-ikel, jeħtiġilna infrastruttura aħjar u trasport aktar nadif. It-tfassil mill-ġdid tal-prodotti se jagħmilhom aħjar għalina u għall-ambjent.

Biex issir il-bidla, għandhom jiġu implimentati s-sinjali ġusti tal-prezzijiet. L-Ewropa teħtieġ politiki ċari li jippermettu li jseħħu dawn il-bidliet.

Il-viżjoni tal-UE hi ta’ ekonomija li tikber u li fl-istess ħin tirrispetta d-diffikultajiet tar-riżorsi u l-limiti tal-pjaneta. Sabiex issir aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, miljuni ta’ kumpaniji u ta' konsumaturi jeħtiġilhom li jibdlu l-mod kif jipproduċu u jikkunsmaw. Kull min hu involut jeħtieġlu jiżgura li l-politika, il-finanzjament, l-investiment, ir-riċerka u l-innovazzjoni jiġbdu ħabel wieħed.

Ewropa 2020, l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir ekonomiku, timmira li tibdel l-UE f’ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva. Wieħed mill-elementi ta’ din l-inizjattiva hu l-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi. Dan juri t-triq lejn ekonomija aktar sostenibbli, b’inizjattivi ta’ politika li jimmiraw li jistimolaw aktar innovazzjoni għal benefiċċji ekonomiċi u ambjentali immedjati u fit-tul.