Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

Ħidma internazzjonali

L-UE impenjat ruħha f'bosta ftehimiet internazzjonali maħsuba biex iħarsu l-ambjent dinji, bħall-moratorju dwar il-kaċċa għall-balieni, li hi pprojbita fl-ilmijiet tal-UE.

L-UE tippromwovi l-ħarsien ambjentali permezz ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali ma’ stati oħra. Dawn ikopru oqsma bħall-bijodiversità globali, il-kummerċ fil-pjanti u l-annimali selvaġġi, l-evitar tal-kummerċ fi njam maħsud b’mod illegali, il-ġestjoni sikura ta’ sustanzi kimiċi, u l-iskart.

L-UE tappoġġa l-proċess internazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli, u kellha rwol ewlieni fil-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li saret f’Rio de Janeiro fl-2012. Dik il-konferenza tat spinta lill-iżvilupp sostenibbli f’oqsma bħall-ħarsien tal-bijodiversità tal-baħar, id-degradazzjoni tal-art, l-ilma u l-enerġija.

Bħala firmatarja għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, l-UE tappoġġa l-ħidma tagħha dwar iż-żoni protetti, it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità. Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċijiet Ipperikolati (CITES) tillimita jew tipprojbixxi n-negozju fi speċijiet ipperikolati u prodotti relatati.

L-UE qed tistinka biex issaħħaħ is-CITES, li timplimenta permezz tar-Regolamenti dwar il-Kummerċ fil-Fawna u l-Flora Selvaġġi.

Il-qtugħ illegali tas-siġar u d-deforestazzjoni jikkawżaw ħsara kbira lill-ambjent, inkluż it-telf tal-bijodiversità u l-impatti fuq it-tibdil fil-klima. L-injam kollu fis-suq tal-UE issa jrid jiġi minn sorsi legalment sodi. L-UE ffirmat ftehimiet ma’ pajjiżi fl-Afrika u fl-Asja biex tgħinhom itejbu l-governanza tal-foresti tagħhom, biex tagħmilha aktar faċli għalihom li jikkummerċjaw injam maħsud b’mod legali mal-UE.

Il-kaċċa għall-balieni hija illegali fl-ilmijiet tal-UE, iżda l-balieni jiċċaqalqu bejn l-oċeani u għalhekk jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. L-UE tappoġġa l-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni.

Fl-2002 il-mexxejja dinjin qablu li jġeddu l-impenn tagħhom favur ġestjoni tajba tal-kimiċi biex sal-2020, is-sustanzi kimiċi jintużaw u jiġu prodotti b’modi li jitnaqqsu l-effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. L-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tilħaq dan l-għan permezz ta’ politiki bħal REACH.

Il-prevenzjoni tal-iskart hu qasam ieħor fejn l-UE qed tagħti kontribuzzjoni dinjija. Aħna nagħmlu pressjoni biex ngħollu r-rati tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u l-irkupru tal-iskart. Kwantitajiet kbar ta’ skart – xi wħud minnhom perikolużi – huma mċaqalqa bejn il-pajjiżi, u l-UE għandha rwol attiv fit-titjib tal-kontrolli fuq iċ-ċaqliq ta' dan l-iskart perikoluż bejn il-fruntieri.

L-UE qed taħdem ukoll biex tiżviluppa qafas globali li jiżgura li l-iskart kollu jiġi ġestit b’mod ambjentalment xieraq.