Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Segwina

Facebook

L-applikazzjoni tal-liġi tal-UE

L-isfidi ambjentali bħall-arja nadifa u l-ilma mhumiex limitati mill-fruntieri, għalhekk jagħmel sens li japplikaw liġijiet madwar l-Ewropa kollha – l-UE qed tiffissa ħafna mill-istandards li l-Istati Membri jridu jikkonformaw magħhom.

Leġiżlazzjoni madwar l-Ewropa għandha ħafna vantaġġi f’qasam bħall-ambjent. Ix-Xmara Danubju, pereżempju, tgħaddi minn 10 pajjiżi differenti – għalhekk jagħmel sens għall-pajjiżi li jaqblu dwar standards komuni. Tinsab fejn tinsab fl-Ewropa, tista’ tkun ċert li proporzjon kbir ta’ liġijiet ambjentali f’pajjiżek jistgħu jiġu traċċati lura għal-leġiżlazzjoni Ewropea.

Madwar 200liġi ambjentali tal-Ewropa issa jkopru l-biċċa l-kbira tal-eventwalitajiet. Id-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja tistabbilixxi limiti għal ħafna sustanzi u partiċelli li jniġġsu, u dan jikkostrinġi lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni jekk il-limiti jinqabżu. Id-direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi jobbliga lill-gvernijiet biex jistabbilixxu sistemi għall-ġbir u l-purifikazzjoni tad-dranaġġ, u l-leġiżlazzjoni REACH dwar il-prodotti kimiċi tobbliga lill-manifatturi biex juru li l-prodotti kimiċi tagħhom huma sikuri.

Il-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni li neħtieġu biex inżommu l-ambjent tagħna sikur issa tinsab fis-seħħ. L-isfida li jmiss hi li din titqiegħed fil-prattika fil-post. Wieħed mill-kompiti tal-Kummissjoni Ewropea hu li tiżgura li dawn il-liġijiet jiġu mħarsa.

L-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE kważi dejjem twassal għall-iffrankar tal-flus f'terminu twil ta’ żmien. Iżda jekk dawn il-liġijiet ma jiġux implimentati jista' jkun ta' dannu għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent u l-industriji li niddependu fuqhom. U ħafna drabi, dan ifisser li xi ħadd ieħor ikollu jħallas il-prezz.

Stħarriġiet juru li l-maġġoranza kbira tan-nies jippreferu li jkun hemm l-istess liġijiet ambjentali fl-UE kollha kemm hi. L-istandards huma għoljin, u meta l-pajjiżi japplikaw biex jissieħbu fl-UE, xi kultant ikun diffiċli għalihom li jirnexxilhom jikkonformaw mal-liġijiet ambjentali tal-UE. Iżda hi parti essenzjali tal-proċess ta’ adeżjoni, peress li naqsmu suq uniku bi standards komuni maqsuma, b’vantaġġi għal kulħadd.