1. Introduzzjoni

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar, il-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif tintuża dik l-informazzjoni, u liema drittijiet tista’ teżerċita b’rabta mad-data tiegħek (id-dritt għall-aċċess, għar-rettifika, għall-imblukkar, eċċ.).

L-istituzzjonijiet Ewropej huma marbutin li jipproteġu u jirrispettaw il-privatezza tiegħek. Peress li dan is-servizz/applikazzjoni online tiġbor u tkompli tipproċessa d-data personali, hu applikabbli r-Regolament (KE) Nru 45/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.

Din l-istqarrija ta’ privatezza tikkonċerna l-ipproċessar tad-data neċessarja għall-funzjonament xieraq tal-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment (PEPI). Il-PEPI nħoloq mill-Kummissjoni Ewropea abbażi tar-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1942 tal-4 ta’ Novembru 2016 (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 86), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/919 tad-29 ta’ Mejju 2017, (ĠU L 139, 30.5.2017, p. 78) li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-PEPI bħala bażi tad-data trasparenti ta’ proġetti ta’ investiment attwali u potenzjali fl-Unjoni Ewropea.

2. Għaliex nipproċessaw id-data tiegħek?

Skop tal-operazzjoni tal-ipproċessar:

Persunal operazzjonali inkarigat mill-organizzazzjoni prattika tal-funzjonament tal-PEPI, taħt is-superviżjoni tal-Kap tal-Unità ECFIN.DDG2.03 (imsemmi minn hawn ’il quddiem bħala Kontrollur tad-Data) jiġbor u juża l-informazzjoni personali tiegħek b’għan uniku biex jappoġġja u jikkontribwixxi għall-immaniġġjar tal-PEPI skont l-Artikolu 15 tar-Regolament 2015/2017 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1942, kif emendata.

Legalità tal-operazzjoni tal-ipproċessar:

L-ipproċessar tad-data hu kkunsidrat bħala legali peress li hu meħtieġ għat-twettiq ta’ kompiti li jsiru fl-interess pubbliku abbażi tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej. B’mod aktar speċifiku, biex jippermetti funzjonament xieraq tal-PEPI bħala portal tal-web disponibbli b’mod pubbliku ta’ proġetti ta’ investiment, li jaġixxi bħala pjattaforma biex jiġu promossi proġetti għal investituri potenzjali mad-dinja kollha, b’konformità mar-Regolament 2015/2017 u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1942. L-għan ewlieni tal-PEPI hu li jikkatalizza u jaċċellera l-iżvilupp u r-riżultati tal-proġetti ta’ investiment fl-Unjoni, u permezz ta’ dan, jikkontribwixxi għal aktar impjiegi u tkabbir ekonomiku, kif deskritt fit-Taqsima 1 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1942.

3. Liema data niġbru u nipproċessaw?

Id-data personali miġbura u pproċessata aktar hi:

  • ismijiet ta’ persuni fiżiċi,
  • indirizzi tal-email ta’ investituri potenzjali u promoturi ta’ proġetti,
  • informazzjoni addizzjonali tista’ tiġi pprovduta b’mod voluntarju fil-minibijografija ta’ persuni fiżiċi (din il-karatteristika tal-PEPI hi purament fakultattiva).

4. Għal kemm żmien inżommu d-data tiegħek?

Inżommu biss id-data għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-iskop tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri. Id-data personali relatata ma’ promotur jew ma’ investituri ta’ proġett tinżamm fis-servizz responsabbli għal sentejn wara talba espliċita għat-tneħħija jew it-tneħħija awtomatika tal-proġett mill-Portal.

5. Kif nipproteġu d-data tiegħek?

Id-data kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, lottijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) jinħażnu jew fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea jew fuq dawk tal-kuntratturi tagħha: l-operati tagħhom huma konformi mad-deċiżjoni tas-sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea tas-16 ta’ Awwissu 2006 [C(2006) 3602] dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ informazzjoni użati mill-Kummissjoni Ewropea;

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbutin bi klawsola kuntrattwali speċifika għal kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, u bl-obbligi tal-kunfidenzjalità li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 95/46/KE.

6. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data tiegħek jingħata lil persunal awtorizzat speċifikat hawn taħt skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan il-persunal jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

  1. Persunal ta’ unitajiet operattivi tal-Kummissjoni Ewropea li jimmaniġġjaw l-implimentazzjoni tal-PEPI u servizzi inkarigati b’ħidma ta’ monitoraġġ jew kontroll fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni (eż. il-kontroll intern, l-awditjar intern).
  2. Persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE u rappreżentanti tal-Istati Membri li jittrattaw l-implimentazzjoni tal-PEPI skont l-Artikolu 15 tar-Regolament 2015/2017.
  3. Kemm il-persunal tal-OLAF, l-IDOC u s-Servizz Legali tal-Kummissjoni kif ukoll il-persunal ta’ DĠ oħrajn (SG u d-DĠ BUDG) fuq talba neċessarja fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet uffiċjali jew għal skopijiet ta’ awditjar.

7. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001, int intitolat taċċessa d-data personali tiegħek u tirrettifikaha, timblukkaha jew tħassarha f’każ li d-data ma tkunx eżatta jew ma tkunx kompluta. Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-kontrollur tad-data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u, jekk ikun meħtieġ, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, billi tuża l-informazzjoni ta’ kuntatt mogħtija fil-punt 8 hawn taħt.

8. Informazzjoni ta’ kuntatt

Jekk għandek xi kumment jew mistoqsija, tħassib jew ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, ħossok liberu li tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data permezz tad-dettalji ta’ kuntatt li ġejjin:

Kontrollur tad-Data:

  • Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Ekonomija u l-Finanzi (ECFIN), Kap tal-Unità DDG2.03
  • +352 4301-1
  • EIPP@ec.europa.eu

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni: DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD): edps@edps.europa.eu.

9. Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni dettaljata

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar ta’ data personali. Tista’ taċċessa r-reġistru bil-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register

Dan l-ipproċessar speċifiku ġie nnotifikat lill-UPD bir-referenza li ġejja: DPO-3919-ECFIN.