<i>Data</i> u privatezza

Is-SELFIE tiġbor b’mod anonimu l-perspettivi tal-istudenti, tal-għalliema u tal-kapijiet tal-iskola.

Ħarsa ġenerali

  • Is-SELFIE hija għodda għall-iskola biss u ma tinġabar l-ebda data personali.
  • It-tweġibiet kollha pprovduti permezz tas-SELFIE huma anonimi. L-istudenti individwali, l-għalliema, il-kapijiet tal-iskejjel jew membri oħra tal-istaff li jwieġbu l-mistoqsijiet u d-dikjarazzjonijiet ma jistgħux jiġu identifikati personalment.
  • Kull skola hija s-sid tar-rapport tas-SELFIE tagħha, li ma jinqasam ma ħadd iżjed sakemm l-iskola ma tagħżilx li tagħmel dan.
  • L-ebda organizzazzjoni oħra, inkluża l-Kummissjoni Ewropea, ma tista’ ssegwi t-tweġibiet għal skola jew parteċipant individwali.
  • Is-SELFIE hija ospitata fuq server tal-Kummissjoni Ewropea li hu mmaniġġat minnha stess, u d-data li tinġabar hija soġġetta għar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data tal-Kummissjoni.
  • Id-data anonimizzata u aggregata tista’ tintuża għal skopijiet ta’ politika u riċerka biss u qatt ma tintuża għal skopijiet kummerċjali.

Stqarrija ta’ Privatezza tas-SELFIE

Din l-istqarrija tal-privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

Operazzjoni tal-ipproċessar: Awtoriflessjoni dwar l-Apprendiment Effettiv permezz tat-Trawwim tal-Innovazzjoni permezz ta’ Teknoloġiji edukattivi

Kontrollur tad-Data: JRC.B.4

Referenza tar-reġistru: DPR-EC-01019.1

1. Introduzzjoni

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data tiegħek?

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data tiegħek?

4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw iktar?

5. Għal kemm żmien inżommu d-data personali tiegħek?

6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek, u kif tista’ teżerċitahom?

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

10. Fejn tista’ ssib informazzjoni iktar dettaljata?

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hija impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa iktar id-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001) 1.

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega għaliex nipproċessaw id-data personali tiegħek, kif niġbru u nittrattaw id-data personali kollha li tiġi pprovduta kif ukoll kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif tintuża dik l-informazzjoni, u liema drittijiet għandek b’rabta mad-data personali tiegħek. Tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni tal-ipproċessar “Awtoriflessjoni dwar l-Apprendiment Effettiv permezz tat-Trawwim tal-Innovazzjoni permezz ta’ Teknoloġiji edukattivi” li saret mill-JRC.B.4 hija ppreżentata hawn taħt.

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

L-għan tal-operazzjoni tal-ipproċessar: JRC.B.4 jiġbor u juża l-informazzjoni personali tiegħek ipprovduta fuq bażi anonima u volontarja permezz ta’ sensiela ta’ mistoqsijiet biex jiġġeneraw b’mod awtomatiku (permezz tal-għodda SELFIE) rapport imfassal apposta li juri r-riżultati aggregati b’mod viżiv u interattiv għall-iskejjel biex jgħinuhom jużaw it-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim, l-apprendiment u l-valutazzjoni. Is-sejbiet jistgħu jgħinu lill-iskola tara fejn tinsab u, minn hemm, tibda konversazzjoni dwar l-użu tat-teknoloġija u tiżviluppa pjan ta’ azzjoni. Imbagħad is-SELFIE tista’ tintuża fi stadju aktar tard biex jitkejjel il-progress u jiġi adattat il-pjan ta’ azzjoni.

Dawn ir-riżultati huma kompletament anonimizzati u ma jinkludu l-ebda informazzjoni personali bħall-ġeneru jew l-età. L-istudenti individwali, l-għalliema, il-kapijiet tal-iskejjel jew membri oħra tal-istaff li jwieġbu l-mistoqsijiet tas-SELFIE ma jistgħux jiġu identifikati personalment f’dawn ir-rapporti. Is-SELFIE ma tkejjilx jew ma tqabbilx l-għarfien jew il-ħiliet tal-mexxejja tal-iskejjel, l-għalliema jew l-istudenti u mhijiex imfassla biex tivvaluta jew tqabbel l-iskejjel. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tuża d-data aggregata mill-pjattaforma tas-SELFIE bil-modi li ġejjin: tiddawnlowdja data aggregata u anonimizzata f’sistemi oħra tal-Kummissjoni Ewropea għall-analiżi, tipproduċi rapporti pubbliċi u preżentazzjonijiet ibbażati fuq data aggregata u anonimizzata u l-analiżi tagħha. Il-parteċipanti individwali qatt mhuma se jiġu identifikati f’dawn ir-rapporti u l-analiżijiet.

Fl-ebda ħin mhuma se jinqasmu jew isiru pubbliċi t-tweġibiet individwali mill-iskola, jew tinqasam data aggregata li tista’ twassal biex jiġu identifikati studenti jew membri tal-istaff individwali. Barra minn hekk, id-data personali tiegħek mhix se tintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati inkluż it-tfassil ta’ profili.

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Is-SELFIE tappoġġja l-iżvilupp ta’ politiki dwar l-edukazzjoni ta’ kwalità, li huma previsti taħt l-Art. 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Hi ġiet żviluppata bħala azzjoni speċifika tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali COM (2018) 22 final. Il-parteċipazzjoni tas-suġġetti tad-data hija volontarja (l-Art. 5(d) tar-Regolament (UE) 2018/1725). Aħna nipproċessaw id-data personali tiegħek, għax tajt il-kunsens tiegħek għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal fini speċifiku wieħed jew aktar.

Ma nipproċessawx kategoriji speċjali ta’ data; għalhekk l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/1725 ma japplikax.

4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw iktar?

Sabiex titwettaq din l-operazzjoni tal-ipproċessar JRC.B.4 jiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin: is-sena tat-twelid (għall-istudenti biss); il-grupp ta’ età (għall-mexxejja tal-iskejjel u l-għalliema); it-total ta’ snin ta’ esperjenza ta’ xogħol (għall-mexxejja tal-iskejjel u l-għalliema); l-attendenza u l-utilità ta’ attivitajiet ta’ żvilupp professjonali (għall-għalliema biss); l-użu ta’ apparat għat-tagħlim (għall-għalliema biss); il-kunfidenza fl-użu tat-teknoloġija (għall-għalliema biss); il-perċentwal ta’ ħin tal-użu tat-teknoloġija diġitali (għall-għalliema biss); il-ħin tal-użu tat-teknoloġija (għall-istudenti biss). L-għażla li “nippreferi ma ngħidx” hija dejjem disponibbli.

Informazzjoni addizzjonali mhux obbligatorja hija l-ġeneru, indirizz tal-email addizzjonali, il-persuna ta’ kuntatt fl-iskola (l-isem u l-kunjom), ir-rwol tal-persuna ta’ kuntatt, is-sit web jew il-kont tal-media soċjali.

5. Għal kemm żmien inżommu d-data personali tiegħek?

JRC.B.4 iżomm id-data personali biss għaż-żmien neċessarju biex jiġi ssodisfat l-iskop ta’ ġbir jew aktar ipproċessar, għal tul massimu ta’ 4 snin wara li jintemm il-proġett tas-SELFIE.

6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data personali kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet tad-data, settijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) tinħażen fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet ta’ pproċessar kollha jitwettqu skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ numru ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, huwa u jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzazzjonali jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għal persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek huwa pprovdut lill-istaff tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar u lill-istaff awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Tali staff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn ikun meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

L-informazzjoni li niġbru mhux se tingħata lil xi parti terza, ħlief sal-limitu u għall-fini li nistgħu nkunu meħtieġa nagħmlu dan bil-liġi.

8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek, u kif tista’ teżerċitahom?

Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa, tikkoreġi jew tħassar id-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Fejn applikabbli, għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Inti tajt il-kunsens tiegħek li tipprovdi d-data personali tiegħek lill-JRC.B.4 għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar. Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma tkun irtirajt il-kunsens.

Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew, f’każ ta’ kunflitt, lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tinsab fl-Intestatura 9 hawn taħt.

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ pproċessar speċifika waħda jew aktar, fit-talba tiegħek ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-referenza/i tar-reġistrazzjoni tagħhom kif speċifikat fl-Intestatura 10 hawn taħt).

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, ikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, JRC.B.4, fuq JRC-EAC-SELFIE-TOOL@ec.europa.eu.

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni

Inti tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)

Għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) lill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 inkisru b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek mill-Kontrollur tad-Data.

10. Fejn tista’ ssib informazzjoni iktar dettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data personali kollha mill-Kummissjoni, li jkunu ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru b'dan il-link: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD b’din ir-Referenza tar-rekord: DPR-EC-01019 Awtoriflessjoni dwar l-Apprendiment Effettiv permezz tat-Trawwim tal-Innovazzjoni permezz ta’ Teknoloġiji edukattivi

1 Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (ĠU L 8, 12/01/2001).