Dwar is-SELFIE

Is-SELFIE (Awtoriflessjoni dwar l-Apprendiment Effettiv bit-Trawwim tal-Innovazzjoni permezz ta’ Teknoloġiji Edukattivi) hija għodda bla ħlas maħsuba biex tgħin lill-iskejjel jinkorporaw teknoloġiji diġitali fit-tagħlim, fl-apprendiment u fil-valutazzjoni. Is-SELFIE għandha bażi b’saħħitha fir-riċerka u ġiet żviluppata abbażi tal-qafas dwar il-promozzjoni tat-tagħlim fl-era diġitali f’organizzazzjonijiet edukattivi tal-Kummissjoni Ewropea.

Is-SELFIE tiġbor b’mod anonimu il-fehmiet tal-istudenti, tal-għalliema u tal-kapijiet tal-iskola dwar kif tintuża t-teknoloġija fl-iskola tagħhom. Dan isir permezz ta’ dikjarazzjonijiet u mistoqsijiet qosra u skala ta’ risposti sempliċi minn 1 sa 5. Il-mistoqsijiet u d-dikjarazzjonijiet jieħdu madwar 20 minuta biex jimtlew.

Abbażi ta’ dan l-input, l-għodda tiġġenera rapport – ritratt (“SELFIE” :-)) tal-punti tajbin u tan-nuqqasijiet ta’ skola fl-użu tagħha tat-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment.

Is-SELFIE hija disponibbli għall-iskejjel primarji, sekondarji u vokazzjonali fl-Ewropa u lil hinn minnha, b’aktar minn 30 lingwa. Din tista’ tintuża minn kwalunkwe skola – mhux biss minn dawk b’livelli avvanzati ta’ infrastruttura, tagħmir u użu ta’ teknoloġija.

Imfassal mill-iskejjel u għalihom

Is-SELFIE hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u hija ffinanzjata permezz tal-programm Erasmus. Hija bla ħlas għall-iskejjel kollha.

L-għodda ġiet żviluppata ma’ tim ta’ esperti minn skejjel, ministeri tal-edukazzjoni u istituzzjonijiet ta’ riċerka fl-Ewropa kollha. Fost l-istituzzjonijiet sħab hemm il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) u l-Istitut tal-UNESCO għat-Teknoloġiji tal-Informatika fl-Edukazzjoni.

Il-kapijiet tal-iskola, l-għalliema u l-istudenti kienu involuti fil-ħolqien u fl-ittestjar tas-SELFIE:

  • 5,000 membru tal-istaff u student taw l-input tagħhom fid-disinn bikri tal-għodda.
  • 67,000 persuna, minn 650 skola fl-Ewropa kollha, ħadu sehem fit-test pilota.
  • Is-SELFIE ġiet ttestjata fl-iskejjel primarji biex jiġi żgurat li tista’ tinftiehem minn studenti iżgħar fl-età

Involvi ruħek

Kun parti minn komunità ta’ skejjel li qed tikber fl-Ewropa kollha li qed jużaw is-SELFIE biex tgħinhom idaħħlu t-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim u l-apprendiment tagħhom.

Benefiċċji

  • Is-SELFIE tinvolvi l-komunità skolastika kollha – il-kapijiet tal-iskejjel, l-għalliema u l-istudenti – fi proċess ta’ 360 grad li jkopri ħafna oqsma ta’ prattika skolastika.
  • Peress li kull skola hija unika, l-għodda hija adattabbli. L-iskola tiegħek tista’ tagħżel u żżid mistoqsijiet u dikjarazzjonijiet li huma adatti għall-bżonnijiet tiegħek.
  • Is-SELFIE tippermetti lill-parteċipanti kollha jwieġbu mistoqsijiet li jaqblu mal-esperjenza tagħhom, bħal studenti, għalliema jew kapijiet tal-iskola.
  • Is-SELFIE hija bla ħlas. It-tweġibiet huma anonimizzati u d-data hija sigura.
  • Tista’ tagħmel il-valutazzjoni minn kompjuter, tablet jew smartphone.
  • Ladarba tlesti s-SELFIE, kull skola tirċievi rapport interattiv imfassal speċifikament għaliha li jipprovdi kemm data dettaljata kif ukoll għarfien ta’ malajr dwar il-punti tajbin u n-nuqqasijiet.