×

Grazzi talli żort is-sit web il-ġdid tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.  Bħalissa l-maġġoranza tal-paġni huma disponibbli bl-Ingliż.  Madankollu, bħalissa qiegħda ssir it-traduzzjoni tas-sit fit-23 lingwa l-oħra tal-UE.  Naġġornaw il-paġni jekk kif ikollna f’idejna t-traduzzjonijiet.

Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS)

L-ECTS hi ddisinjata biex tagħmilha eħfef għall-istudenti biex jiċċaqalqu minn pajjiż għal ieħor u biex ikollhom il-kwalifiki akkademiċi u l-perjodi ta’ studju tagħhom barra mill-pajjiż rikonoxxuti.

X’inhi s-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti? 

Is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) hi għodda taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja  biex l-istudji u l-korsijiet isiru aktar trasparenti. Din tgħin lill-istudenti biex jiċċaqalqu minn pajjiż għal ieħor u biex ikollhom il-kwalifiki akkademiċi u l-perjodi ta’ studju tagħhom barra mill-pajjiż rikonoxxuti. 

L-ECTS tippermetti li krediti meħuda f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja jingħaddu lejn kwalifika studjata f'istituzzjoni oħra. Il-krediti tal-ECTS jirrappreżentaw tagħlim ibbażat fuq riżultati ta’ tagħlim definiti u l-ammont ta’ xogħol assoċjat tagħhom. 

L-ECTS ittejjeb il-flessibbiltà tal-programmi ta’ studju għall-istudenti. Hi tappoġġja wkoll l-ippjanar, it-twassil u l-evalwazzjoni ta’ programmi ta’ edukazzjoni għolja. Hi għodda ċentrali fil-Proċess ta’ Bolonja, li għandha l-għan li tagħmel is-sistemi edukattivi nazzjonali aktar komparabbli fuq livell internazzjonali. L-ECTS tgħin ukoll sabiex dokumenti oħrajn bħas-Suppliment tad-Diploma jkunu aktar ċari u aktar faċli li jintużaw f’pajjiżi differenti. 

L-ECTS ġiet adottata mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja bħala s-sistema nazzjonali ta’ kreditu u qed tintuża dejjem aktar f’postijiet oħra. 

Għaliex hi meħtieġa l-ECTS?

Id-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni għolja jistgħu jwasslu għal problemi fir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-perjodi ta’ mobbiltà barra mill-pajjiż. Din il-kwistjoni hi indirizzata parzjalment billi jitjieb il-fehim tar-riżultati tat-tagħlim u l-ammont ta’ xogħol ta’ programmi ta’ studju. 

L-ECTS tagħmilha wkoll possibbli li jingħaqdu flimkien stili differenti ta’ tagħlim, bħat-tagħlim universitarju u dak ibbażat fuq ix-xogħol, fl-istess programm ta’ studju jew f’perspettiva ta’ tagħlim matul il-ħajja.

Kif taħdem?

60 kreditu tal-ECTS huma l-ekwivalenti ta’ sena sħiħa ta’ studju jew ta’ xogħol. F’sena akkademika standard, dawn il-krediti normalment jinqasmu f’diversi moduli iżgħar. Tipikament, “kwalifika ta’ ċiklu qasir” tipiku tinkludi 90–120 kreditu tal-ECTS. Lawrja “tal-ewwel ċiklu” (jew baċellerat) tikkonsisti f’180 jew f’240 kreditu tal-ECTS.

Lawrja “tat-tieni ċiklu” (jew masters) tikkonsisti f’90 jew f’120 kreditu tal-ECTS. L-użu tal-ECTS fit-“tielet ċiklu”, jew fil-livell tal-Ph.D, ivarja. 

L-ECTS hi applikata biex tappoġġja l-mobbiltà tal-istudenti bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Il-katalgi tal-korsijiet, il-Ftehimiet ta’ Tagħlim u dawk tat-Traskrizzjoni ta’ Rekords jgħinu fir-rikonoxximent u t-trasferiment ta’ krediti miksubin minn studenti matul il-perjodu ta’ mobbiltà barra mill-pajjiż. Il-Gwida tal-Utenti tal-ECTS tiddeskrivi s-sistema u kif tintuża f’aktar dettall.