×

Grazzi talli żort is-sit web il-ġdid tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.  Bħalissa l-maġġoranza tal-paġni huma disponibbli bl-Ingliż.  Madankollu, bħalissa qiegħda ssir it-traduzzjoni tas-sit fit-23 lingwa l-oħra tal-UE.  Naġġornaw il-paġni jekk kif ikollna f’idejna t-traduzzjonijiet.

Id-Diversità Lingwistika

Il-programm kulturali tal-UE Ewropa Kreattiva jappoġġja t-traduzzjoni letterarja biex jingħata aktar aċċess lin-nies għal xogħlijiet letterarji u biex tinżamm id-diversità lingwistika fl-UE.

Il-koeżistenza armonjuża ta’ ħafna lingwi fl-Ewropa hija simbolu qawwi tal-aspirazzjoni tal-UE li tkun magħquda fid-diversità, wieħed mill-pedamenti tal-proġett Ewropew.

Dwar xiex inhi?

Il-koeżistenza armonjuża ta’ ħafna lingwi fl-Ewropa hija simbolu qawwi tal-aspirazzjoni tal-UE li tkun magħquda fid-diversità, wieħed mill-pedamenti tal-proġett Ewropew.

L-ilsna jiddefinixxu l-identitajiet personali, iżda jagħmlu wkoll parti minn wirt komuni. Jistgħu jservu ta’ pont għal persuni oħra u jagħtu aċċess għal pajjiżi u kulturi oħra, filwaqt li jippromwovu l-fehim reċiproku. Politika tal-multilingwiżmu li tirnexxi tista’ ssaħħaħ l-opportunitajiet tal-ħajja taċ-ċittadini: tista’ żżid l-impjegabbiltà tagħhom, tiffaċilita l-aċċess għas-servizzi u d-drittijiet, u tikkontribwixxi għas-solidarjetà permezz ta’ djalogu interkulturali u koeżjoni soċjali mtejba.

L-UE issa għandha 440 miljun ċittadin, 27 Stat Membru, 3 alfabetti u 24 lingwa uffiċjali, uħud minnhom b’kopertura dinjija. Madwar 60 lingwa oħra jagħmlu wkoll parti mill-wirt tal-UE u huma mitkellma f’reġjuni speċifiċi jew minn gruppi speċifiċi. Barra minn hekk, l-immigranti ġabu magħhom firxa wiesgħa ta’ lingwi magħhom; huwa stmat li minn tal-inqas 175 nazzjonalità jinsabu fil-konfini tal-UE.

Id-diversità lingwistika hija minquxa fl-Artikolu 22 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali (“Ir-rispett għad-“drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi” jikkostitwixxi wieħed mill-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sħubija ta’ minoranza nazzjonali u teħtieġ ir-rispett mill-Unjoni tad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

Madankollu, il-Kummissjoni m’għandha l-ebda setgħa ġenerali fir-rigward tal-minoranzi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda kompetenza dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw id-definizzjoni ta’ x’inhi minoranza nazzjonali, ir-rikonoxximent tal-istatus tal-minoranzi, l-awtodeterminazzjoni u l-awtonomija tagħhom jew ir-reġim li jirregola l-użu tal-lingwi reġjonali jew minoritarji, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri.”).

X'qed isir?

Kull sena fis-26 ta’ Settembru, fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Lingwi, il-Kummissjoni Ewropea tingħaqad mal-Kunsill tal-Ewropa, iċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni, l-istituzzjonijiet lingwistiċi u ċ-ċittadini madwar l-Ewropa biex tippromwovi d-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-lingwi permezz ta’ avvenimenti.

Il-programmi tal-Edukazzjoni tal-UE dejjem ipprovdew u se jkomplu jappoġġjaw il-finanzjament għal proġetti għat-tagħlim tal-lingwi. Il-programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (2007-2013) kellu fergħa ddedikata għat-tagħlim tal-lingwi u għad-diversità lingwistika. Dan appoġġja networks li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ politiki lingwistiċi kif ukoll proġetti multilaterali li jiżviluppaw materjal għat-tagħlim tal-lingwi, li jagħmluhom disponibbli għal udjenzi wesgħin.

Fil-programm Erasmus + attwali (2014-2020) il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin. Il-lingwi kollha jistgħu jiġu appoġġjati permezz ta’ proġetti u sħubijiet strateġiċi, kofinanzjati minn Erasmus+. Eżempji ta’ proġetti tal-lingwa jistgħu jinstabu fil-bażi tad-data tar-riżultati tal-Proġett.

Il-programm kulturali tal-UE Ewropa Kreattiva jappoġġja t-traduzzjoni letterarja biex jingħata aktar aċċess lin-nies għal xogħlijiet letterarji u biex tinżamm id-diversità lingwistika fl-UE.