Klassijiet multilingwi

Numru dejjem jiżdied ta’ tfal tal-iskola fl-Unjoni Ewropea għandhom lingwa materna li mhijiex il-lingwa ewlenija tat-tagħlim użata fl-iskola.

Id-diversità lingwistika tqajjem il-kwistjoni ta’ kif l-iskejjel jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minn dan il-potenzjal.

Dwar xiex inhi?

Numru dejjem jiżdied ta’ tfal tal-iskola fl-Unjoni Ewropea għandhom lingwa materna li mhijiex il-lingwa ewlenija tat-tagħlim użata fl-iskola. Il-proporzjon ivarja b’mod konsiderevoli bejn il-pajjiżi tal-UE, minn 1% fil-Polonja għal 40% fil-Lussemburgu.

Tfal migranti jġibu numru kbir ta’ lingwi u ħiliet lingwistiċi fil-klassi. Dan huwa vantaġġ potenzjali għall-individwu, l-iskejjel u s-soċjetà inġenerali. Id-diversità lingwistika tqajjem il-kwistjoni ta’ kif l-iskejjel jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minn dan il-potenzjal.

Għaliex hu meħtieġ?

Hemm evidenza li t-tfal migranti b’mod ġenerali ma jmorrux tajjeb fil-ħiliet bażiċi daqs l-oħrajn. L-iskejjel għandhom jadattaw il-metodi ta' tagħlim biex jikkomunikaw b'mod kostruttiv u b’mod pożittiv ma' tfal li ġejjin minn sfondi lingwistiċi differenti. Dan jippermetti lill-istudenti jirnexxu fl-iskola.

X'sar s'issa?

Il-Kummissjoni ħadmet flimkien mal-pajjiżi tal-UE biex jidentifikaw strateġiji ta’ suċċess għat-tagħlim tal-lingwi f’ambjenti multilingwi u biex jiffaċilitaw it-tixrid tal-aħjar metodi fil-qasam. Ir-riżultati ta' din il-kollaborazzjoni u ta' eżami ta' letteratura komprensiva dwar is-suġġett, wasslu għal rapport intitolat Strateġiji ġodda għat-tagħlim tal-lingwi fi klassijiet multilingwi.

Bħala segwitu għall-ewwel rapport dwar il-klassijiet multilingwi u bħala kontribut għar-reviżjoni tal-Qafas tal-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, fl-2016 u l-2017 ġew organizzati serje ta’ sessjonijiet ta’ ħidma tematiċi u Attivitajiet ta’ Tagħlim bejn il-Pari dwar l-integrazzjoni ta’ tfal migranti permezz tal-edukazzjoni skolastika. Fost l-esperti rinomati li ressqu dokumenti ta’ informazzjoni għad-diskussjonijiet kien hemm Emmanuelle le Pichon-Vorstmann, Dina Mehmedbegovic, Ellen-Rose Kambel u Teresa Tinsley. Il-grupp ipproduċa żewġ rapporti: Reviżjoni tal-edukazzjoni dwar il-lingwi u d-diversità lingwistika fl-iskejjel u Il-Migranti fl-iskejjel Ewropej. Tagħlim u żamma tal-lingwi.

X’inhuma l-passi li jmiss?

Il-programm Erasmus+ joffri opportunitajiet ġodda, bħall-esperimentazzjoni ta' politika u sħubijiet fuq skala kbira, biex jiżviluppa strateġiji ġodda għat-tagħlim tal-lingwi fi klassijiet multilingwi.

Flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa u ċ-Ċentru għal-Lingwi Moderni tiegħu, il-Kummissjoni se ssostni l-iżvilupp u t-tixrid ta' metodi ġodda għat-tagħlim tal-lingwi fi klassijiet multilingwi.

Bħala parti mill-istrateġija għall-professjonijiet tat-tagħlim ġenerali tal-Kummissjoni, se jiġu żviluppati riżorsi u appoġġ għall-għalliema li jaħdmu ma' studenti ta' nazzjonalitajiet differenti.