It-tagħlim tal-lingwi

Il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona appella għal azzjonijiet “sabiex tittejjeb il-ħakma tal-ħiliet bażiċi, b'mod partikolari billi jiġu mgħallma almenu żewġ lingwi barranin minn età bikrija ħafna" u għal indikatur tal-kompetenza lingwistika. Minn dakinhar 'l hawn, il-Kummissjoni appoġġjat l-isforzi biex tiġi żviluppata politika tat-tagħlim tal-lingwi u indikaturi tar-riżultati.

Dwar xiex?

Il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona appella għal azzjonijiet “sabiex tittejjeb il-ħakma tal-ħiliet bażiċi, b'mod partikolari billi jiġu mgħallma almenu żewġ lingwi barranin minn età bikrija ħafna" u għal indikatur tal-kompetenza lingwistika. Minn dakinhar 'l hawn, il-Kummissjoni appoġġjat l-isforzi biex tiġi żviluppata politika tat-tagħlim tal-lingwi u indikaturi tar-riżultati.

L-istħarriġ 2011-12 tal-UE dwar il-ħiliet lingwistiċi (li sar f'14-il pajjiż tal-UE) wera li:

  • 42% tal-studenti ta' 15-il sena ttestjati kienu kisbu livell ta' "utent indipendenti" (B1/B2 skont il-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi) fl-ewwel lingwa barranija tagħhom.
  • 25% kienu leħqu dan il-livell fit-tieni lingwa barranija.
  • 14% tal-istudenti ma kellhomx għarfien bażiku f'lingwa barranija waħda.

Fil-Konklużjonijiet tal-2014 tal-Kunsill dwar il-multilingwiżmu u l-iżvilupp tal-kompetenzi lingwistiċi, il-pajjiżi tal-UE għamlu impenn sod biex itejbu l-effiċjenza tat-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel,

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2018 dwar approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-apprediment tal-lingwi tiddeskrivi l-isfidi attwali u tipproponi pjan ta’ azzjoni mmirat biex:

  • jissaħħaħ l-apprendiment tal-lingwi billi ssir enfasi li jintlaħqu livelli ta’ kompetenzi speċifiċi, abbażi tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi tal-Kunsill tal-Ewropa, sat-tmiem tal-edukazzjoni obbligatorja;
  • jiġi introdott il-kunċett tal-għarfien tal-lingwi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li jipprovdi qafas inklużiv għall-apprendiment tal-lingwi, billi titqies il-varjetà tal-kompetenzi lingwistiċi tal-istudenti.
  • jiġi żgurat li aktar għalliema tal-lingwi jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ apprendiment u ta’ studju barra l-pajjiż;
  • jiġu identifikati u promossi pedagoġiji innovattivi, inklużivi u multilingwi, bl-użu ta’ għodda u ta’ pjattaformi bħal School Education Gateway u l-eTwinning.

X'sar s’issa?

Bejn l-2011 u l-2013 il-grupp ta' ħidma tematiku dwar il-lingwi fl-edukazzjoni u t-taħriġ iffoka fuq modi possibbli biex jittejbu r-riżultati tat-tagħlim tal-lingwi. Mexxew analiżi komparattiva, u wara fasslu rapport dwar metodi innovattivi ppruvati xjentifikament kif jitħaffef it-tagħlim tal-lingwi. Iż-żewġ suġġetti ewlenin tar-rapport huma:

  • tagħlim bil-kontenut u l-lingwa integrati
  • tagħlim tal-lingwi assistit bil-kompjuter

Ir-rapport jinkludi sejbiet mill-proġett ICT-Rev dwar metodi innovattivi fit-tagħlim tal-lingwi.

L-isforzi biex jitjieb it-tagħlim tal-lingwi jeħtieġ li jmorru id f’id ma’ sforzi biex jiġu żviluppati metodi moderni ta’ valutazzjoni. Ħafna sistemi tal-edukazzjoni m'għandhomx tali metodi. L-inizjattiva RELANG initiative tiffoka fuq l-assistenza lill-awtoritajiet edukattivi biex jorbtu l-eżamijiet tal-lingwa mal-livelli ta’ profiċjenza definiti fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (QKERL).

Il-kapaċità li wieħed jikkomunika f'diversi lingwi hi fost il-ħiliet ewlenin meħtieġa biex jintlaħqu d-domandi tas-suq tax-xogħol. Bħal ħiliet trasferibbli oħra, din tagħmel kemm l-individwi kif ukoll l-ekonomija aktar kompetittivi. Fuq l-esperjenza tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi, l-esperti tat-tagħlim tal-lingwi qed jieħdu sehem fil-grupp ta' ħidma ET2020 minn Settembru 2014 u se jgħinu jiżviluppaw oqsfa għal ħiliet diġitali u imprenditorjali.

Il-programm Erasmus+ joffri opportunitajiet ġodda, bħall-esperimentazzjoni ta' politika u sħubijiet fuq skala kbira, biex jiżviluppa strateġiji ġodda għat-tagħlim tal-lingwi fi klassijiet multilingwi.