Il-lingwi għat-tkabbir u l-impjiegi

Biex tiżviluppa ħiliet għad-dinja tax-xogħol, il-Kummissjoni Ewropea tikkoopera ma’ partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol.

Dwar xiex inhi?

Ħiliet lingwistiċi u ta’ komunikazzjoni tajbin huma importanti kemm għall-individwi kif ukoll għan-negozji.

Bosta negozji jitilfu kuntratti ta' negozju minħabba nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi u nuqqas ta’ għarfien ta’ kulturi oħra. Huwa ċar li hemm bżonn ta' metodu aktar strateġiku fejn tidħol il-komunikazzjoni multilingwi.

Iż-żgħażagħ li jitgħallmu l-lingwi barranin jistgħu jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom. Mhux biss jitħarrġu f'dixxiplini speċifiċi, iżda jtejbu wkoll il-ħiliet ta’ komunikazzjoni interkulturali tagħhom - punt pożittiv għal dawk li jħaddmu.

Studju dwar l-impatt ta' Erasmus, il-programm ta' skambju tal-istudenti tal-Unjoni Ewropea juri li gradwati b'esperjenza internazzjonali jirnexxilhom aktar fis-suq tax-xogħol.

X'qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea?

Biex tiżviluppa l-ħiliet għad-dinja tax-xogħol, il-Kummissjoni Ewropea tikkoopera ma’ partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol. Permezz tal-Panorama ta' Ħiliet tal-Kummissjoni (Pjattaforma tal-UE li tipprovdi data aġġornata u affidabbli dwar is-suq tax-xogħol), il-gvernijiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, u t-tradeunions jikkontribwixxu għal tbassir dwar il-bżonnijiet ta' ħiliet f'setturi differenti, inklużi projezzjonijiet tal-bżonn ta' ħiliet lingwistiċi.

Proġett ewlieni ieħor hu l-ESCO, li jikklassifika l-Ħiliet, il-Kompetenzi, il-Kwalifiki u l-Impjiegi Ewropej. L-ESCO jagħmel parti mill-istrateġija Ewropa 2020. Dan jipprovdi informazzjoni ċara (f’24 lingwa) dwar il-ħiliet, il-kapaċitajiet u l-kwalifiki meħtieġa għal diversi impjiegi fl-UE. Huwa appoġġjat miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali u ġie mniedi fl-2010.

Il-Kummissjoni tiġbor ukoll data minn studji mmexxija fl-UE dwar ir-rabtiet bejn il-ħiliet lingwistiċi, il-kompetittività u l-impjegabbiltà. Id-domanda għal lingwisti speċjalizzati qed tiżdied fil-professjonijiet tal-lingwa. Il-Kummissjoni qed tipprova ssawwar rabtiet bejn l-universitajiet u dawk li jużaw is-servizzi tal-lingwi, eż. permezz tal-Forum Nittraduċu għall-Ewropa.

X'sar s'issa?

Mill-2011-2013 il-Kummissjoni kkoordinat pjattaforma tan-negozju li tat input lin-Network dwar il-Promozzjoni tal-Istrateġiji Lingwistiċi għall-Kompetittività u l-Impjegabbiltà (CELAN). L-għan kien li jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-lingwa tal-impriżi u l-impjegati tal-UE u jiġu pprovduti l-għodod biex dawn jintlaħqu.

F'Lulju 2011 il-grupp Lingwi għall-Impjiegi ppubblika rapport dwar it-twassil ta' ħiliet ta' komunikazzjoni multilingwi għas-suq tax-xogħol.

Is-sejbiet tal-aktar rapporti komprensivi riċenti dwar il-lingwi u l-impjegabbiltà: Studju dwar il-Profiċjenza u l-Impjegabbiltà fil-Lingwi Barranin u Il-Lingwi u l-impjegabbiltà (it-tnejn li huma mill-2015), jindikaw li hemm rabta diretta bejn il-ħiliet lingwistiċi u l-probabbiltà li wieħed jiġi impjegat. Ġie rikonoxxut li l-fatt li wieħed ikun jaf lingwi barranin u li jkun profiċjenti fihom huwa fattur importanti li jsawwar l-iżvilupp professjonali taċ-ċittadini tal-UE. Ir-rapporti jipprovdu wkoll analiżi tad-domanda għal ħiliet fil-lingwi barranin fis-suq tax-xogħol, kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jiġu appoġġjati l-impjegaturi u l-impjegati.

Erasmus+ hu mod ieħor kif il-Kummissjoni tappoġġja l-lingwi bħala mutur tat-tkabbir.