Inizjattivi tal-lingwa Ewropej

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi u t-Tikketta Ewropea għal-Lingwi huma żewġ inizjattivi stabbiliti sew li jgħinu fil-promozzjoni tat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, u d-diversità lingwistika rikka tal-Ewropa.

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi hu avveniment annwali li jsir fis-26 ta' Settembru. Din hi opportunità sabiex:

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi ġie stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa, li jirrappreżenta 800 miljun Ewropew minn 47 pajjiż. Jieħdu sehem fih ħafna lingwi u istituti kulturali, assoċjazzjonijiet, universitajiet u, b'mod partikulari, l-iskejjel. Il-Jum tal-Lingwi ilu jiġi ċċelebrat kull sena minn meta ġie stabbilit fl-2001, is-Sena Ewropea tal-Lingwi.

Madwar u fis-26 ta’ Settembru se jiġu organizzati fl-Ewropa bosta avvenimenti fil-qasam tal-lingwi fosthom klassijiet tal-lingwa, logħob, taħditiet, konferenzi u programmi tar-radju.

Aktar informazzjoni dwar l-aħħar avvenimenti tinsab fis-sit web tal-Jum Ewropew tal-Lingwi tal-Kunsill tal-Ewropa. L-uffiċċji ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea jorganizzaw firxa wiesgħa ta’ avvenimenti f’kollaborazzjoni mas-sħab tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-UE.

It-Tikketta Ewropea għal-Lingwi

It-Tikketta Ewropea għal-Lingwi tingħata biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ tekniki u inizjattivi ġodda fil-qasam tat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, kif ukoll it-tisħiħ tal-għarfien interkulturali fl-Ewropa kollha. 

Kull sena, it-Tikketta tingħata darba jew darbtejn għall-aktar inizjattivi innovattivi għat-tagħlim tal-lingwi f’kull pajjiż tal-programm Erasmus+ li jkun qed jipparteċipa fl-iskema. It-Tikketta tkopri s-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ. 

It-Tikketta tfittex li, b’mod partikolari, tgħolli l-istandards tat-tagħlim tal-lingwi fl-Ewropa kollha, billi tappoġġja inizjattivi bħal dawn kemm fil-livell lokali kif ukoll dawk nazzjonali. It-Tikketta Ewropea għal-Lingwi tipikament tingħata mill-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+.

Dawn huma xi eżempji ta’ inizjattivi tal-lingwa li ngħataw it-Tikketta Ewropea għal-Lingwi.

Riċerka reċenti tissuġġerixxi li l-multilingwiżmu huwa wieħed mill-aħjar modi biex il-moħħ jibqa’ attiv. Dawk li huma multilingwi għandhom it-tendenza li jkunu aħjar fil-multi-tasking, ikollhom memorja aħjar u jkunu aktar preċiżi fl-użu tal-lingwa tagħhom. Din hija l-premessa bażika tal-inizjattiva “Wise Words” (id-Danimarka), li għandha l-għan li tinforma lill-istudenti, il-ġenituri u l-għalliema dwar il-vantaġġi li wieħed ikun multilingwi u li jirrikonoxxu l-ħiliet lingwistiċi avvanzati. Bħala parti mill-kampanja, l-istudenti jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom stess li huma multilingwi, l-isfidi u l-opportunitajiet li din il-kompetenza tipprovdi fil-kuntest ta’ skola u dak edukattiv.

L-inizjattiva “Happy together” (Malta) tfittex li tgħin lill-istudenti ta’ kull livell ta’ abbiltà biex isaħħu l-għarfien tagħhom tal-lingwa Maltija. L-iskola għandha 1,100 student u 170 membru tal-istaff. L-istudenti għandhom 55 nazzjonalità differenti mid-dinja kollha. Aktar minn 70 fil-mija tal-istudenti tal-iskola mhumiex Maltin. Peress li dejjem kienet ir-realtà tal-iskola, huma żviluppaw atmosfera u politiki fejn kulħadd iħossu komdu, u tirrappreżenta sors ta’ ispirazzjoni għal skejjel oħra. 

L-inizjattiva “Limba nostra” (l-Italja) hija mmexxija minn konsorzju ta’ skejjel, li ħoloq kurrikuli ġodda tal-lingwi ta’ Sardinja u ta’ Gallura implimentati fi stadji skolastiċi konsekuttivi - mill-iskola preprimarja sal-edukazzjoni primarja u sekondarja. Il-proġett offra approċċ multidixxiplinarju, li ppermetta lill-istudenti jitgħallmu kontenut ġeografiku, ambjentali, storiku u antropoloġiku permezz tat-tagħlim tal-lingwa.

Sabiex tiġi indirizzata l-isfida taż-żieda fl-immigrazzjoni u biex tinkiseb integrazzjoni aktar profonda, ir-reġjun tal-Umbria għandu network li ilu stabbilit ta’ universitajiet, skejjel għall-adulti u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, li jaqsmu bejniethom l-għanijiet, l-għodod u l-fondi biex jiżviluppaw programmi tal-lingwa għall-migranti u ċ-ċittadini barranin: “Corsi Integrati di Cittadinanza - Conoscere l’Italiano per Comunicare!