It-tagħlim bikri tal-lingwi

Minbarra li jwitti t-triq għat-tagħlim aktar tard, it-tagħlim bikri tal-lingwi jista’ jinfluwenza l-attitudnijiet lejn lingwi u kulturi oħra. Din hija l-motivazzjoni ewlenija tal-inizjattivi differenti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi promoss it-tagħlim bikri tal-lingwi u tiġi appoġġjata aktar riċerka f’dan il-qasam.

Dwar xiex inhu?

Li nressqu t-tfal żgħar qrib ta' ilsna barranin jista' jirriżulta f'tagħlim eħfef tal-lingwa, titjib fil-lingwa nattiva u kompetenza aħjar f'oqsma oħra. Hu minħabba f'hekk li l-ministri tal-edukazzjoni tal-UE jappoġġjaw it-tagħlim ta' mill-anqas żewġ ilsna barranin f’età bikrija.

Għaliex hu meħtieġ?

Minbarra li jwitti t-triq għat-tagħlim aktar tard, it-tagħlim bikri tal-lingwi jista’ jinfluwenza l-attitudnijiet lejn lingwi u kulturi oħra. Din hija l-motivazzjoni ewlenija tal-inizjattivi differenti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi promoss it-tagħlim bikri tal-lingwi u tiġi appoġġjata aktar riċerka f’dan il-qasam.

X'sar s'issa?

Fi ħdan il-Kummissjoni hemm grupp magħmul minn esperti nazzjonali fil-qasam tat-tagħlim bikri tal-lingwi qabel l-iskola primarja. Dan il-grupp jiskambja l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżi differenti u jfassal rakkomandazzjonijiet ta’ politika u linji gwida dwar kif jiġu implimentati dawn il-politiki. L-eżiti tal-ħidma u d-diskussjonijiet tal-grupp ta’ ħidma ġew ippubblikati f'Manwal tal-Politika fl-2011.

F’Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja. Din il-proposta hija bbażata fuq ħidma preċedenti f’dan il-qasam, speċjalment il-Prinċipji Ewlenin ta’ Qafas ta’ Kwalità għall-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal kif propost minn grupp ta’ ħidma ta’ esperti nazzjonali fl-2014.

X’inhuma l-passi li jmiss?

Il-programm Erasmus+ jintroduċi opportunitajiet ġodda biex jinħolqu sħubijiet strateġiċi fil-qasam tat-tagħlim bikri tal-lingwi.

It-tagħlim bikri tal-lingwi huwa diskuss ukoll bħala parti mill-istrateġija ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal.