Djalogu ta’ politika ma’ reġjuni u pajjiżi speċifiċi madwar id-dinja.

Permezz tad-djalogu ta' politika, l-UE taqsam l-aqwa prattiki, tapprofondixxi l-kooperazzjoni u, f’xi każijiet, tappoġġja l-pajjiż jew ir-reġjun sieħeb fl-isforzi tiegħu biex jirriforma l-edukazzjoni għolja.

Kif taħdem il-Kummissjoni ma’ pajjiżi oħrajn f’dan il-qasam? 

L-UE stabbilixxiet numru ta’ fora għal djalogu dwar il-politika tal-edukazzjoni għolja ma’ pajjiżi u reġjuni barra l-UE. 

Dawn it-taħdidiet ilaqqgħu uffiċjali għolja u esperti mill-UE u mill-pajjiż jew reġjun speċifiku, u spiss jinkludu konferenzi, seminars, u studji dwar suġġetti speċifiċi. 

Id-djalogu ta' politika għandu jwitti t-triq għal aktar kooperazzjoni u mobbiltà bejn l-UE u l-pajjiżi jew ir-reġjuni sħab. Skedi ta’ informazzjoni dwar il-pajjiżi u r-reġjuni juru kif il-programm Erasmus+ qed jiffinanzja l-mobbiltà u l-kooperazzjoni bejn l-Ewropa u partijiet oħrajn tad-dinja.

Kuntest tal-politika

Is-Sħubija tal-Lvant hi inizjattiva konġunta ta’ politika li għandha l-għan li tkabbar u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (UE), l-Istati Membri tagħha u s-sitt pajjiżi sħab tal-Lvant: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna. 

Il-kwistjonijiet ta’ politika jiġu diskussi f’erba’ pjattaformi tematiċi: 

  • It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba
  • L-Iżvilupp ekonomiku u l-opportunitajiet tas-suq
  • Il-konnettività, l-effiċjenza enerġetika, l-ambjent u t-tibdil fil-klima
  • Il-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni

Djalogu ta’ politika

L-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kultura huma indirizzati fil-Pjattaforma 4, li tkopri wkoll id-djalogi ta’ politika dwar il-migrazzjoni, il-mobbiltà, l-immaniġġjar tal-fruntieri integrati u r-riċerka u l-innovazzjoni. 

Il-Panel dwar l-Edukazzjoni, il-Kultura u ż-Żgħażagħ ġie approvat mis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant fl-2017. Il-Panel jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-riżultati tanġibbli 18 u 19 fil-qafas tal-Pakkett taż-Żgħażagħ u l-Edukazzjoni, u jwassal għal diskussjoni dwar l-edukazzjoni, il-kultura u s-setturi kreattivi, il-ħiliet taż-żgħażagħ, l-intraprenditorija u l-impjegabbiltà. 

Il-Panel jippromwovi l-modernizzazzjoni, l-internazzjonalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni (tagħlim elettroniku) tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Jaħdem ukoll fuq ir-rikonoxximent usa' tal-edukazzjoni mhux formali, u jappoġġja l-iżvilupp tas-setturi kulturali u kreattivi fil-pajjiżi sħab tal-Lvant. 

Tingħata prijorità akbar lil: 

  • l-appoġġ u l-għoti ta’ setgħa lill-ġenerazzjoni żagħżugħa permezz tal-kontribuzzjoni lejn l-istabbiliment ta’ politika dwar iż-żgħażagħ inklużiva u bbażata fuq l-evidenza 
  • id-djalogu ta’ tagħlim bejn il-pari dwar il-politiki u l-istituzzjoni bħala appoġġ liż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tranżizzjoni lejn is-suq tax-xogħol

Kuntest tal-politika

Bħala parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) imsaħħa mill-Komunikazzjoni tal-2011 u tar-rieżami tal-PEV tal-2016, il-Kummissjoni Ewropea hi impenjata li: 

  • tappoġġja l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja
  • iżżid l-appoġġ għall-mobbiltà għat-tagħlim għall-istudenti, l-għalliema, l-istaff tal-università u ż-żgħażagħ minn pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran

Għodod ta’ kooperazzjoni tal-UE

Il-Kummissjoni tippromwovi l-objettivi għall-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni vokazzjonali, it-taħriġ u ż-żgħażagħ permezz ta’ numru ta’ programmi u inizjattivi ta’ kooperazzjoni internazzjonali, inklużi:

Kuntest tal-politika

L-inizjattiva tal-UE għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni mal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo*, il-Montenegro u s-Serbja tnediet fl-2012. 

Huma organizzati laqgħat Ministerjali annwali biex jidentifikaw prijoritajiet komuni, jiddiskutu l-politika u l-miżuri ta’ riforma l-aktar reċenti, u biex jiddeċiedu dwar suġġetti għall-kooperazzjoni reġjonali u l-assistenza tal-UE. 

Id-9 Laqgħa Ministerjali tal-Pjattaforma tal-Balkani tal-Punent dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ ġiet organizzata online flimkien mal-Pjattaforma tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fit-2 ta’ Diċembru 2020. L-għan ewlieni tal-Pjattaforma Ministerjali konġunta ta’ din is-sena kien li tiddiskuti u taqbel dwar it-test tal-Aġenda l-ġdida tal-Balkani tal-Punent dwar l-Innovazzjoni, ir-Riċerka, l-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport

Il-pjattaforma Ministerjali tħeġġeġ il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni reġjonali, inkluż il-ġbir flimkien tar-riżorsi u l-qsim tal-aħjar prattiki ma’ stati oħrajn tal-Balkani tal-Punent, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri. Tipprovdi wkoll segwitu f’termini ta’ proġetti, studji u avvenimenti konġunti. 

L-għan fit-tul ta’ dan id-djalogu hu li jassisti l-Balkani tal-Punent bl-isforzi ta’ riforma tagħhom u biex jippreparahom għar-responsabbiltajiet tagħhom bħala Stati Membri futuri tal-UE – inkluża l-parteċipazzjoni sħiħa fil-programmi tal-edukazzjoni tal-UE.

* Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni ta' Indipendenza tal-Kosovo.

Kuntest tal-politika

It-tema globali tas-Summit tal-2017 bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE kienet “Ninvestu fiż-Żgħażagħ għal Tkabbir Inklużiv Aċċellerat u Żvilupp Sostenibbli”. It-tkabbir demografiku, il-migrazzjoni, iż-żgħażagħ, l-impjiegi u l-ħiliet kienu fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet. 

Il-Kapijiet ta’ Stat taż-żewġ kontinenti kkonfermaw l-impenn tagħhom lejn l-investiment fiż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-ħiliet fil-perjodu li ġej. L-UE diġà qed tipprovdi riżultati abbażi ta’ dan l-impenn bl-adozzjoni ta’ Programm Pan-Afrikan ta’ €400 miljun għall-2018-2020. 

Bl-involviment ta’ 107 università f'41pajjiż Afrikan, korpi reġjonali u studenti, is-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika u l-UE hi eżempju mill-aqwa tar-relazzjoni kollaborattiva bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana. Id-djalogu rriżulta fl-inizjattivi li ġejjin:

  • Tuning Africa - proċess kollaborattiv li jirrevedi l-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa għal dixxiplina partikulari. Il-proċess jirrevedi l-programmi ta’ studju, sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jiksbu kompetenzi li jrawmu s-suċċess fis-suq tax-xogħol.
  • L-Armonizzazzjoni tal-Assigurazzjoni u tal-Akkreditazzjoni tal-Kwalità tal-Edukazzjoni Għolja fl-Afrika (HAQAA) tappoġġja l-Qafas Pan-Afrikan ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità u l-Akkreditazzjoni. B’mod partikulari, l-HAQAA għandha l-għan li tiżviluppa standards Pan-Afrikani u linji gwida għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja, il-bini tal-kapaċità f’organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali ta’ edukazzjoni għolja, u t-titjib tal-valutazzjoni istituzzjonali.

Dawn iż-żewġ inizjattivi ġew imġedda taħt il-qafas attwali b’żewġ inizjattivi ewlenin ġodda biex jibdew fl-2019. L-UE se tappoġġja “Assoċjazzjoni tal-Istudenti u tal-Alumni Afrikani”, bl-għan li tiżgura li l-opinjonijiet taż-żgħażagħ jidħlu fil-proċessi, il-politiki u l-prattiki innovattivi fil-qasam tal-edukazzjoni. Ġie allokat aktar finanzjament mill-UE għal inizjattiva pilota ta’ mobbiltà bejn provvedituri u istituti Afrikani u Ewropej tal-ETV. L-għanijiet tal-inizjattiva huma li jissaħħaħ l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u tal-managers tal-ETV, u b’hekk jiżdiedu l-ħiliet tal-istudenti.

L-Afrika qed tipparteċipa wkoll b’mod attiv fil-programm Erasmus+ u qed jiġi pprovdut appoġġ lir-riċerkaturi Afrikani permezz tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie. Il-Programm ta’ Mobbiltà Akkademika Intra-Afrika jiffinanzja s-sħubijiet u l-mobbiltà bejn l-universitajiet fl-Afrika.

Djalogu ta’ politika

L-UE u l-Brażil ikkonkludew Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ. Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet Brażiljani għall-edukazzjoni u t-taħriġ lestew żewġ djalogi ta’ politika fil-livell kemm ta’ gvern, kif ukoll simpożju.

Kuntest tal-politika

Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ġappun jinkludi numru ta’ djalogi ta’ politika biex ikomplu jissaħħu r-rabtiet mill-qrib bejn l-UE u l-Ġappun. Wieħed minn dawn hu d-Djalogu Politiku bejn l-UE u l-Ġappun dwar l-edukazzjoni, il-kultura u l-isport.

L-ewwel edizzjoni ta’ dan id-djalogu ta’ politika saret f’Budapest f’Lulju 2018, u dan irriżulta f’żewġ riżultati tanġibbli: ftehim biex titnieda sejħa kofinanzjata għal programmi konġunti ta’ masters bejn l-UE u l-Ġappun bl-użu tal-mudell Erasmus Mundus. Fis-sajf tal-2019 intgħażlu tliet programmi konġunti.

Il-Ministeru Ġappuniż għall-Edukazzjoni, il-Kultura, l-Isport, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MEXT) organizza t-tieni laqgħa tad-Djalogu Politiku UE-Ġappun dwar l-edukazzjoni, il-kultura u l-isport fl-10 ta’ Mejju 2021 f’format online. 

Il-laqgħa involviet il-Kummissarju Ewropew għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, Mariya Gabriel, u s-Sur Koichi Hagiuda, il-Ministru Ġappuniż għall-Edukazzjoni, il-Kultura, l-Isport, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MEXT). 

Dan ippermetta lill-UE tiddeskrivi l-prijoritajiet attwali għall-politiki u l-inizjattivi fl-edukazzjoni, il-kultura u l-isport, u tisma’ dwar dawk mill-Ġappun. 

Din il-laqgħa tat attenzjoni partikolari lill-miżuri għar-reżiljenza u l-irkupru tal-COVID-19 f’dawn it-tliet setturi milqutin ħafna. 

Il-kooperazzjoni mal-Ġappun taħt il-programmi tal-UE sal-lum, primarjament Erasmus+, hi rikonoxxuta sew u ż-żewġ naħat laħqu ftehim dwar kooperazzjoni ġdida għall-mobbiltà tar-riċerkaturi.

Stqarrija Konġunta għall-Istampa
 

Kuntest tal-politika

Matul l-aħħar għaxar snin l-UE u ċ-Ċina kkooperaw mill-qrib fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kultura, il-multilingwiżmu u ż-żgħażagħ. 

Din il-kooperazzjoni kkonsistiet fi djalogi ta’ politika regolari fil-livell ta’ gvern, kif ukoll f’eżiti konkreti f’termini ta’ proġetti u avvenimenti konġunti.

Mill-2012 ’l hawn, dawn l-attivitajiet kollha ġew integrati taħt id-Djalogu ta’ Livell Għoli bejn il-Persuni (HPPD) bejn l-UE u ċ-Ċina – it-tielet pilastru tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina.

Dan jikkomplementa ż-żewġ pilastri l-oħrajn: id-djalogu Ekonomiku u Kummerċjali ta’ Livell Għoli u d-Djalogu Strateġiku ta’ Livell Għoli. 

Il-laqgħat tal-HPPD isiru bejn wieħed u ieħor kull sentejn u jiġu ospitati b’mod alternat mill-UE u ċ-Ċina. Id-DĠ EAC organizza l-ħames laqgħa tad-Djalogu Interpersonali ta’ Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina (HPPD) fid-9 u l-10 ta’ Novembru 2020. Il-laqgħa preċedenti saret f’Shanghai fl-2017.

L-HPPD hu l-mekkaniżmu ġenerali li jakkomoda l-inizjattivi konġunti kollha bejn l-UE u ċ-Ċina fil-qasam tal-iskambji bejn il-popli. Dawn l-inizjattivi joħorġu mill-konklużjonijiet tad-djalogi tal-mexxejja u l-laqgħat tal-uffiċjali għolja – li fihom jiġu stabbiliti l-objettivi fit-tul, isir skambju tal-aħjar prattika u jiġu esplorati l-oqsma għal kooperazzjoni futura.

L-HPPD għandha l-għan li tibni l-fiduċja reċiproka u li tikkonsolida l-fehim interkulturali bejn l-UE u ċ-Ċina.

Stqarrija Konġunta għall-Istampa

Kuntest tal-politika

L-UE u l-Indja jikkooperaw fuq medda ta’ kwistjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni, inklużi: 

  • il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja
  • l-eċċellenza akkademika
  • il-mobbiltà tal-fakultà u l-istudenti
  • l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
  • it-tagħlim tul il-ħajja
  • it-trasparenza
  • il-kwalità u l-ekwità fl-edukazzjoni 
  • ir-rikonoxximent tal-kwalifiki

Fis-summit bejn l-UE u l-Indja tal-2008, l-UE u l-Indja ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jippromwovu d-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura. L-oqsma identifikati jinkludu: it-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni teknika, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja b'enfasi fuq il-kwalità, it-trasparenza u s-sħubija, u l-promozzjoni tal-lingwi.

Kuntest tal-politika

Mill-2010 ’l hawn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet rilevanti Messikani għall-edukazzjoni u t-taħriġ kellhom żewġ djalogi ta’ politika fil-livell ta’ gvern.

L-għan ta’ dawn id-djalogi kien li jiġu diskussi suġġetti ta’ interess komuni f'livell għoli, u b’hekk ikun hemm skambju tal-aqwa prattiki u jiġu identifikati oqsma konkreti għal kooperazzjoni futura. Minn perspettiva aktar fit-tul, id-djalogu għandu l-għan li jinkuraġġixxi l-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, u l-mobbiltà bejn l-UE u l-Messiku.

Kuntest tal-politika

Fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Mejju 2012, l-UE u r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel irrikonoxxew il-kontribuzzjoni kruċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-iżvilupp ta’ soċjetajiet u ekonomiji msejsa fuq l-għarfien kif ukoll ir-rwol kruċjali li għandhom fit-titjib tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

Minn dan il-punt ’l hawn, erba’ laqgħat tal-Uffiċjali Għolja bejn l-UE u l-Afrika t’Isfel iffukaw fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar suġġetti li jvarjaw mill-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja, l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni tat-tagħlim (edukazzjoni għolja) u r-riċerka. 

Id-djalogu strateġiku kien l-okkażjoni biex jiġu diskussi temi ta’ interess komuni, jiġu skambjati l-aqwa prattiki, tiġi analizzata l-kooperazzjoni fil-programmi u jiġu identifikati oqsma konkreti ta’ interess reċiproku għall-perjodu li jmiss.

Kuntest tal-politika

L-UE u r-Repubblika tal-Korea (ROK) jikkooperaw, b’mod partikulari fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, huma u jirrikonoxxu l-kontribuzzjoni kruċjali tagħha għall-iżvilupp ta’ ekonomija kompetittiva b’mod globali, imsejsa fuq l-għarfien u li ttejjeb it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. 

Sal-lum, il-programmi ta’ kooperazzjoni u l-iskambju ta’ studenti u ta’ staff kellhom suċċess. Madankollu, ġie identifikat aktar skop għall-interazzjoni. L-UE u l-ROK, għalhekk, ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni billi jippromwovu djalogu politiku u proġetti ta’ kooperazzjoni konġunti fl-edukazzjoni għolja fis-Summit UE-ROK tal-2013. 

L-ewwel djalogu ta’ politika ddiskuta metodi prattiċi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki, tar-reviżjoni tal-politika u tal-bini tal-għarfien. It-tieni djalogu sar fil-Korea t’Isfel fl-aħħar tliet xhur tal-2018.

Kuntest tal-politika

Il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerka hi appoġġjata permezz tal-programmi tal-UE għall-kooperazzjoni akkademika miftuħa għall-parteċipazzjoni mad-dinja kollha, u appoġġjata minn inizjattivi oħrajn kumplementari – inkluża fergħa bilaterali tal-Programm Fulbright għall-kooperazzjoni mal-UE. 

Programm Fulbright-Schuman

Amministrat mill-Kummissjoni għall-Iskambju Edukattiv bejn l-Istati Uniti u l-Belġju, il-Programm Fulbright-Schuman hu ffinanzjat b’mod konġunt mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti u d-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura (DĠ EAC) tal-Kummissjoni Ewropea. Mill-1992 ’l hawn, il-programm konġunt iffinanzja l-istudji gradwatorji u postgradwatorji, ir-riċerka u l-proposti ta’ lectures fil-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-UE, il-politika tal-UE, jew l-istituzzjonijiet tal-UE għaċ-ċittadini Amerikani u tal-UE interessati. http://www.fulbrightschuman.eu/

Seminar tal-Mexxejja Żgħażagħ UE-US

Is-Seminar tal-Mexxejja Żgħażagħ UE-Stati Uniti hu pjattaforma li tippromwovi l-kuntatti bejn il-popli tal-UE u l-Istati Uniti li jirriżultaw mill-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti. L-ewwel edizzjoni ta’ dan is-seminar laqqgħet flimkien ħamsin mexxej żagħżugħ mill-Istati Uniti u l-Ewropa, u ffukat fuq l-isfidi u l-opportunitajiet ippreżentati mill-integrazzjoni ekonomika, edukattiva u kulturali tal-migranti u r-refuġjati. It-tieni seminar ġabar flimkien grupp simili biex jiddiskuti l-futur tax-xogħol u ffoka fuq ir-rwol tat-teknoloġija, il-ħiliet tal-forza tax-xogħol tal-futur u l-implikazzjonijiet soċjali tal-ambjent tax-xogħol li jinbidel.

Modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja: studju komparattiv tat-Tuning għall-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka

Bħala parti mill-Proċess ta' Bolonja għar-riforma tal-edukazzjoni għolja, il-Ministri Ewropej qablu li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jiddefinixxu mill-ġdid il-programmi tal-lawrji tagħhom fuq termini bbażati fuq l-eżiti, u jaraw li dawn il-programmi huma aktar iċċentrati madwar l-istudent biex jippreparaw bl-aħjar mod il-gradwati għar-rwol futur tagħhom fis-soċjetà. Ġie stabbilit proġett – Tuning Educational Structures in Europe – biex jiġu żviluppati l-istrumenti li jippermettu l-istudenti jkunu mħejjijin aħjar għad-dħul fis-suq tax-xogħol, b’metodoloġija simili użata b’mod dejjem jiżdied madwar id-dinja.