Nagħmlu l-UE aktar attraenti għall-istudenti barranin

Bħalissa, l-Ewropa tattira 45% tal-istudenti internazzjonali kollha mid-dinja kollha, iżda hekk kif jiżdiedu n-numri ta’ studenti mobbli, jiżdiedu wkoll l-għażliet ta’ studju. Għalhekk l-universitajiet Ewropej se jkollhom isiru aktar kompetittivi biex jattiraw l-aqwa talent mid-dinja kollha.

Kif il-Kummissjoni tippromwovi l-edukazzjoni għolja Ewropea

L-istudenti u r-riċerkaturi minn pajjiżi barra l-Ewropa jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE bl-għarfien u l-ħiliet żviluppati fl-Ewropa. Il-Lawrji ta' Master Konġunt tal-Erasmus Mundus jużaw il-boroż ta’ studju ffinanzjati mill-UE biex jattiraw l-aqwa studenti mid-dinja kollha biex isegwu programm ta’ studju konġunt tal-ogħla kwalità f’żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jew aktar.

Studja fl-Ewropa 

Ħafna Stati Membri jippromwovu b’mod attiv is-sistemi ta’ edukazzjoni għolja tagħhom stess. L-inizjattiva tal-Kummissjoni Studja fl-Ewropa tipprovdi pjattaforma biex tippromwovi u tagħti informazzjoni dwar is-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tal-pajjiżi Ewropej. Il-pjattaforma – u l-attivitajiet tal-midja soċjali tagħha – tgħin lill-istudenti biex jagħmlu għażla infurmata dwar id-destinazzjonijiet u l-programmi ta’ studju fl-Ewropa, inklużi dawk li forsi mhumiex magħrufa daqs oħrajn barra pajjiżhom. 

Barra minn hekk, Studja fl-Ewropa tippermetti lill-UE u lill-pajjiżi Ewropej individwali jieħdu parti f’fieri tal-istudju mad-dinja kollha biex jippromwovu l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll f’network ma’ aġenziji nazzjonali mal-Ewropa kollha biex taqsam il-kalendarji u l-ideat dwar kif l-edukazzjoni għolja Ewropea tista’ ssir aktar viżibbli.

Alumni 

L-organizzazzjonijiet tal-alumni huma ambaxxaturi attivi għall-edukazzjoni għolja Ewropea f’pajjiżhom. Huma jipparteċipaw f’fieri u avvenimenti ta’ studju, u jservu biex ixerrdu informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ studju jew riċerka fl-Ewropa; pereżempju, permezz tal-programm Erasmus+

Il-Kummissjoni tappoġġja l-Alleanza tal-Istudenti u l-Alumni ta’ Erasmus+, l-ESAA, li tirrikonoxxi r-rwol ħafna aktar usa’ li l-alumni jista’ jkollhom flimkien ma’ dak kollu li ntqal hawn fuq, u biex tiżviluppa u taqsam il-ħiliet professjonali u/jew l-għarfien akkademiku tagħhom permezz ta’ attivitajiet ta’ networking. Qed jitwaqqfu wkoll assoċjazzjonijiet ġodda għall-alumni f’reġjuni oħrajn (s’issa fil-Balkani tal-Punent u l-Afrika).