Il-prijoritajiet tal-UE għall-edukazzjoni għolja
Il-ħames prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-qasam tal-edukazzjoni għolja huma:
- Biex tippromwovi l-UE bħala ċentru ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ
- Biex tagħti appoġġ lil pajjiżi sħab barra l-UE fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw is-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tagħhom
- Biex tippromwovi valuri komuni u akter fehim bejn il-popli u l-kulturi differenti
- Biex tappoġġja l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Istati Membri u lil hinn fl-isforzi tagħhom biex jinternazzjonalizzaw is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ
- Biex ittejjeb il-kwalità tas-servizzi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE u lil hinn permezz ta’ tagħlim, tqabbil u skambji reċiproċi ta’ prattika tajba.
Kif il-kooperazzjoni tibni edukazzjoni globali aħjar
Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE ttejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE u lil hinn permezz tal-promozzjoni tat-tagħlim bejn il-pari u analiżi komparattiva tas-sistemi ta’ edukazzjoni fid-dinja kollha. Hija tixpruna l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-mobilità, u toffri opportunitajiet għall-istaff u għall-istudenti biex iwessgħu l-orizzonti tagħhom billi jipparteċipaw fi programmi tal-UE.
L-universitajiet Ewropej għandhom rekord pożittiv ta’ internazzjonalizzazzjoni. Huma ffaċilitaw l-iżvilupp ta’ kurrikuli internazzjonali u lawrji konġunti, rawmu proġetti internazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni, u appoġġjaw l-iskambju tal-istudenti, tal-istaff , u tal-għarfien.
Dan kollu sar possibbli permezz tal-proċess ta’ Bolonja, li skontu l-pajjiżi Ewropej qablu li jirristrutturaw is-sistemi tal-edukazzjoni għolja tagħhom sabiex il-kooperazzjoni transkonfinali tkun aktar fattibbli u aktar effettiva.
Għalhekk, id-djalogi dwar il-politika internazzjonali tal-UE ma’ pajjiżi barra l-Ewropa ta’ spiss jużaw dan l-għarfien espert u l-esperjenza tal-ħtieġa għall-internazzjonalizzazzjoni timxi id f’id mar-riforma tal-politika.