Mobilità u Kooperazzjoni

Il-Ministri tal-UE qablu li jirduppjaw il-proporzjon ta’ studenti tal-edukazzjoni għolja li jwettqu perjodu ta’ studju jew taħriġ barra l-pajjiż għal 20% sal-2020. L-appoġġ għall-mobilità jibqa’ l-fokus prinċipali tal-Erasmus+, il-programm tal-Unjoni Ewropea għall-edukazzjoni u t-taħriġ.

X’inhi?

Il-“mobilità tat-tagħlim” hija opportunità għall-istudenti biex jiżviluppaw ħiliet siewja u jwessgħu l-orizzonti tagħhom billi jsiefru biex jistudjaw jew jitħarrġu. Il-benefiċċji kbar ta’ mobilità huma rikonoxxuti sew. Stħarriġ fost iż-żgħażagħ Ewropej (bejn il-15 u t-30 sena) juri li aktar minn 90% minnhom iqisu li huwa importanti li jkollhom opportunitajiet għall-esperjenzi ta’ mobilità.

Il-Ministri tal-UE qablu li jirduppjaw il-proporzjon ta’ studenti tal-edukazzjoni għolja li jwettqu perjodu ta’ studju jew taħriġ barra l-pajjiż għal 20% sal-2020. L-appoġġ għall-mobilità jibqa’ l-fokus prinċipali tal-Erasmus+, il-programm tal-Unjoni Ewropea għall-edukazzjoni u t-taħriġ.

Jekk int student lest biex taħtaf l-opportunità li tistudja jew titħarreġ barra l-pajjiż, ibda l-vjaġġ tiegħek billi tiddawnlowdja l-App Mobbli tal-Erasmus+ – il-gwida pass pass tiegħek għal qabel, matul u wara l-mobilità.

Għaliex hu meħtieġ?

Li wieħed imur barra minn pajjiżu biex jistudja jew jitħarreġ hu ta’ għajnuna biex jiżviluppa l-ħiliet professjonali, soċjali u interkulturali tiegħu filwaqt li jżid il-kapaċità tiegħu li jsib impjieg. Fil-fatt, studenti mobbli tal-edukazzjoni għolja għandhom darbtejn iżjed iċ-ċans li jkollhom impjieg sena wara l-gradwazzjoni meta mqabbel mal-istudenti mhux mobbli. 93% tal-studenti mobbli tal-edukazzjoni għolja jgħidu li japprezzaw il-valur ta’ kulturi oħra aktar wara l-mobilità tagħhom; 84% itejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom; u 80% iħossu li l-kapaċità li jsolvu l-problemi tagħhom tjiebet wara l-mobilità tagħhom. Skont l-Istudju dwar l-Impatt tal-Erasmus, 9 minn kull 10 impjegaturi qed ifittxu ħiliet trasversali (soluzzjoni ta’ problemi, xogħol f’tim, il-kurżità) meta jirreklutaw – l-istess ħiliet li jinkisbu mill-istudenti wara esperjenza edukattiva barra l-pajjiż.

Il-mobilità u l-kooperazzjoni transkonfinali jistgħu jgħinu wkoll biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet billi tingħata spinta lill-ħiliet speċifiċi meħtieġa fis-suq tax-xogħol modern. Eżempju ta’ tali kooperazzjoni huwa “The Digital Opportunity traineeship initiative” li għandha l-għan li tagħti lill-istudenti tad-dixxiplini kollha l-opportunità li jiksbu esperjenzi diġitali prattiċi.

L-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ kooperazzjoni transkonfinali se jgħin ukoll biex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni għolja u se tgħin biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi miksuba barra l-pajjiż.

X'sar s'issa?

Iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (il-Proċess ta’ Bolonja) ġabet magħha tibdil estensiv li jagħmilha aktar faċli biex wieħed jistudja u jitħarreġ barra l-pajjiż: kemm l-istruttura tal-baċċellerat, tal-masters u tad-dottorat kif ukoll l-avvanzi fl-assigurazzjoni tal-kwalità ffaċilitaw il-mobilità tal-istudenti u l-persunal u saħħew l-istituzzjonijiet u s-sistemi.

L-użu ta' għodod għall-mobilità u l-assigurazzjoni tal-kwalità Ewropej bħall-ECTS, is-Suppliment tad-Diploma u r-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità jiffaċilita l-fiduċja reċiproka, ir-rikonoxximent akkademiku u l-mobilità.

Il-programm Erasmus+ jipprovdi appoġġ dirett lil min jixtieq jistudja jew jitħarreġ barra pajjiżu u lill-proġetti li jappoġġjaw il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

Madankollu, għad hemm iktar xi jsir biex jiġu żgurati opportunitajiet ta’ mobilità tat-tagħlim għal kulħadd. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi u l-eżiti ta’ perjodi ta’ tagħlim barra l-pajjiż. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa wkoll il-kunċett ta’ Kard Ewropea tal-Istudenti, li se tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni għall-istudenti, u l-ħolqien ta’ networks tal-Universitajiet Ewropej, li se jkollhom l-għan li jżidu l-kompetittività, il-kwalità u l-eċċellenza fit-tagħlim,fir-riċerka u l-innovazzjoni.