Edukazzjoni għolja inklużiva u konnessa

L-edukazzjoni għolja trid tagħmel il-parti tagħha billi tindirizza l-isfidi soċjali u demokratiċi tal-Ewropa. Dan ifisser li jiġi żgurat li l-edukazzjoni għolja tkun inklużiva u li l-istituzzjonijiet tagħha jkunu konnessi tajjeb mal-komunitajiet tagħhom.

Lejn edukazzjoni għolja inklużiva u konnessa

Biex is-sistemi tal-edukazzjoni għolja jsiru inklużivi u konnessi mas-soċjetà jeħtieġ li jkun hemm il-kundizzjonijiet adatti għall-istudenti li jkunu ġejjin minn sfondi differenti biex dawn ikunu jistgħu jirnexxu. Dan imur lil hinn mill-kwistjoni tal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju għal gruppi żvantaġġati, għalkemm dan huwa vitali għal dawk li ġejjin minn sfondi bi dħul baxx.

Biex jiġi żgurat li l-grupp ta’ studenti li jidħlu u jiggradwaw mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Ewropej jirrifletti d-diversità tal-popolazzjoni tal-Ewropa, fil-mira jrid ikun hemm rati mtejba ta’ aċċess u tlestija tal-edukazzjoni minn gruppi żvantaġġati u sottorappreżentati. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja għandhom:

  • iqisu b’mod olistiku l-mod kif huma organizzati l-ammissjoni, it-tagħlim u l-valutazzjoni
  • jimplimentaw miżuri li jiggwidaw lill-istudenti
  • jipprovdu appoġġ akkademiku u mhux akkademiku.

L-istrateġiji biex jgħinu lill-istudenti żvantaġġati u sottorappreżentati sabiex ikollhom aċċess għall-edukazzjoni għolja u jlestuha huma mod inkoraġġanti kif jistgħu jintlaħqu dawn l-objettivi. Huma meħtieġa wkoll għażliet ta' studju flessibbli (part-time jew online) u rikonoxximent aktar estensiv ta' tagħlim preċedenti sabiex l-edukazzjoni għolja ssir aktar aċċessibbli, b'mod partikolari għall-istudenti adulti.

Għaliex l-inklużività u l-konnettività huma importanti?

L-edukazzjoni għolja trid tagħmel il-parti tagħha fl-indirizzar tal-isfidi soċjali u demokratiċi tal-Ewropa. Dan ifisser li jiġi żgurat li l-edukazzjoni għolja tkun inklużiva u li l-istituzzjonijiet tagħha jkunu konnessi tajjeb mal-komunitajiet tagħhom.

Il-gruppi soċjali li huma l-anqas rappreżentati fl-edukazzjoni għolja huma aktar probabbli li ma jkollhomx ħiliet bażiċi (il-litteriżmu, in-numeriżmu u l-kompetenza diġitali), esperjenza ta' tagħlim indipendenti u idea ċara ta' dak li tinvolvi l-edukazzjoni għolja. Barra minn hekk, iċ-ċittadini li ġejjin minn sfondi soċjoekonomiċi żvantaġġati u dawk bi sfondi ta’ migranti jibqgħu dawk bl-inqas probabbiltà li jidħlu fl-edukazzjoni għolja u li jlestuha. Is-segregazzjoni tas-sessi skont il-qasam ta' studju għadha wkoll komuni ħafna.

X'għamlet l-UE s'issa?

Il-Kummissjoni Ewropea timmonitorja l-isfidi relatati mal-kisba tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi tal-UE, kif ukoll il-progress magħmul sabiex jintlaħqu l-miri ta' kisba, permezz tal-qafas tas-Semestru Ewropew. It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja huwa wkoll pilastru importanti tal-Proċess ta’ Bolonja, kif ikkonfermat mill-ġdid fil-Communiqué ta’ Pariġi tal-2018.

Fl-Aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja, il-Kummissjoni impenjat ruħha li:

  • Tagħti appoġġ dirett ta’ Erasmus+ biex jgħin lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs) jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji istituzzjonali integrati għall-inklużjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-suċċess tal-istudju mill-ammissjoni għall-gradwazzjoni; inkluż permezz tal-kooperazzjoni mal-iskejjel u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
  • Tippromwovi l-iżvilupp u l-ittestjar tat-tfassil ta' programmi ta’ studji flessibbli u modulari biex jiġi appoġġjat l-aċċess għall-edukazzjoni għolja permezz ta' prijoritajiet speċifiċi għal sħubiji strateġiċi ta' Erasmus+
  • Tappoġġja lill-HEIs li jixtiequ jagħtu punti tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) lill-istudenti għal attivitajiet ta’ volontarjat u fil-komunità, abbażi ta' eżempji pożittivi eżistenti.
  • Tappoġġja r-rikonoxximent tal-kwalifiki tar-rifuġjati biex tiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni għolja.

Il-Kummissjoni tikkofinanzja l-proġett Eurostudent biex tinġabar evidenza dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja. Dan jiddokumenta l-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-ħajja tal-istudenti fl-Ewropa. Il-Eurostudent iwettaq stħarriġiet regolari fost aktar minn 320,000 student u awtovalutazzjonijiet fi 27 pajjiż parteċipant miż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja. 

Studju tal-Kummissjoni analizza l-impatt tas-sistemi ta’ ammissjoni fuq l-eżiti tal-edukazzjoni għolja, u b’mod partikolari l-mod kif l-iskejjel, l-HEIs u l-istudenti jagħżlu huma stess il-programmi ta’ studju. Abbażi tal-politiki u l-istrateġiji tal-pajjiżi dwar l-istreaming fl-edukazzjoni sekondarja u l-awtonomija tal-HEIs, twettqet attività tal-immappjar tas-sistemi ta’ ammissjoni “selettivi”, “miftuħa” u “mħallta”. 

L-istudji ta’ każijiet fil-fond fi tmien pajjiżi rriżultaw f’għaxar rakkomandazzjonijiet ta’ politika biex jappoġġjaw l-iskejjel u l-HEIs biex jagħżlu studenti potenzjali u biex jgħinu lill-istudenti jagħżlu l-HEIs u l-programmi ta’ studju. Nofs dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu adottati fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, filwaqt li oħrajn jistgħu jirriżultaw f’inizjattivi pilota b’aktar riċerka li takkumpanjawhom.

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni Għolja ET2020 organizza attività ta’ tagħlim bejn il-pari f’April 2019, li kkonkludiet li filwaqt li l-inklużjoni soċjali hija prijorità għolja fuq l-aġenda fl-Istati Membri tal-UE, hemm ftit ħafna strateġiji nazzjonali u approċċi komprensivi b’impenji ta’ politika fit-tul dwar l-inklużjoni soċjali fl-edukazzjoni għolja. Il-politiki ta’ inklużjoni tal-edukazzjoni għolja għandhom ikunu parti minn qafas usa’ ta’ politiki transsettorjali. L-iżvilupp, it-tisħiħ u l-espansjoni tar-rabtiet tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja mal-iskejjel huma essenzjali biex titjieb l-inklużjoni. 

Politiki bbażati fuq l-evidenza għat-titjib tal-inklużjoni fl-edukazzjoni għolja jeħtieġu investiment fl-identifikazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati u fil-mira, fil-kejl tal-progress lejn il-miri, il-monitoraġġ tal-effetti intenzjonati u mhux intenzjonati ta’ politiki ta’ inklużjoni, u fl-analiżi tal-kumplessità ta’ fatturi sottostanti. Hemm bżonn ukoll ta’ investiment akbar fit-taħriġ tal-istaff tal-edukazzjoni għolja biex itejjeb u jadatta l-prattiki ta’ tagħlim għall-istudenti minn gruppi żvantaġġati.

Kif nistgħu ngħinu lill-istudenti jagħżlu l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-programmi ta’ studju?

  • Intejbu l-informazzjoni, il-pariri u l-gwida disponibbli dwar l-edukazzjoni għolja. Il-Kummissjoni qed tappoġġja l-U-Multirank, għodda mmexxija mill-utent biex tqabbel l-universitajiet
  • Intejbu l-firxa tal-għażliet mogħtija lill-istudenti. Il-Kummissjoni tappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet biex iwessgħu l-għażliet ta’ studju li joffru, permezz tal-programm Erasmus+

Kif nistgħu nassistu lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja fl-għażla tal-istudenti?

  • Niżviluppaw approċċi aktar komprensivi għal politiki ta’ inklużjoni tal-edukazzjoni għolja b’impenji fit-tul u pjan ta’ azzjoni li jinkludi prijoritajiet u miri ta’ politika
  • Norbtu l-politika tal-ammissjoni mad-domanda tal-istudenti u tas-suq tax-xogħol. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati titlob lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistema ta’ monitoraġġ tal-gradwati biex jipprovdu data dwar ir-rilevanza tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja tagħhom
  • Ninċentivaw lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jimpenjaw ruħhom favur l-inklużjoni soċjali permezz tas-sistemi ta’ finanzjament. L-attività ta’ tagħlim bejn il-pari organizzata fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma ET2020 dwar il-finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni pprovdiet tagħrif utli dwar kif l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jistgħu jiġu involuti fit-tfassil ta’ għanijiet strateġiċi
  • Nużaw l-għodod żviluppati bħala parti mill-Proċess ta’ Bolonja biex titħaffef it-tranżizzjoni fl-edukazzjoni għolja
  • Għandu jkun disponibbli appoġġ għall-istaff akkademiku u amministrattiv fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex titjieb il-kwalità tat-tagħlim. Il-proġett Forum Ewropew għal Kollaborazzjoni Msaħħa (EFFECT), appoġġjat mill-programm Erasmus+, iħares lejn il-modi li bihom it-tagħlim fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jistgħu jiġu appoġġjati aħjar