Il-Proċess ta’ Bolonja u ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja

Il-Proċess ta’ Bolonja hu mekkaniżmu li jippromwovi l-kooperazzjoni intergovernattiva ta’ 48 pajjiż Ewropew fil-qasam tal-edukazzjoni għolja.

X’inhu l-Proċess ta’ Bolonja?

Il-Proċess ta’ Bolonja jfittex li jġib aktar koerenza fis-sistemi tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa kollha. 

Hu stabbilixxa ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja biex jiffaċilita l-mobilità tal-istudenti u l-istaff, biex l-edukazzjoni għolja ssir aktar inklużiva u aċċessibbli, u biex l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa tkun aktar attraenti u kompetittiva fid-dinja kollha. 

Bħala parti miż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, il-pajjiżi parteċipanti kollha qablu li:

Għaliex hu importanti l-Proċess ta’ Bolonja?

Skont il-Proċess ta’ Bolonja, il-gvernijiet Ewropej jidħlu f’diskussjonijiet rigward ir-riformi ta’ politika tal-edukazzjoni għolja u jagħmlu ħilithom biex jegħlbu l-ostakli għall-ħolqien ta’ Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja. 

Ir-riforma ta’ Bolonja hija kruċjali biex tinbena l-fiduċja meħtieġa għal mobilità tat-tagħlim li tirnexxi, kooperazzjoni akkademika transfruntiera u r-rikonoxximent reċiproku tal-perjodi ta’ studju u l-kwalifiki miksuba barra l-pajjiż. It-tisħiħ tal-kwalità u r-rilevanza tat-tagħlim u l-apprendiment huwa wkoll missjoni ewlenija tal-Proċess ta’ Bolonja. Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi hija irregolari fit-48 pajjiż parteċipant

Il-Proċess ta’ Bolonja jipprovdi wkoll forum għal djalogu mal-pajjiżi ġirien rigward riformi tal-edukazzjoni għolja u mistoqsijiet relatati ma’ prinċipji akkademiċi kondiviżi, bħall-indipendenza tal-universitajiet u l-parteċipazzjoni tal-istudenti f’attivitajiet tas-soċjetà ċivili. Dan sar spazju importanti għad-diplomazija mhux vinkolanti mal-pajjiżi ġirien fil-Balkani tal-Punent (bl-eċċezzjoni tal-Kosovo), il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, it-Turkija u r-Russja, kif ukoll ħafna pajjiżi oħra.

X’qed tagħmel l-UE biex tappoġġja r-riforma tal-edukazzjoni għolja?

Mit-tnedija tal-programm Erasmus madwar 30 sena ilu, il-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-istudenti u partijiet ikkonċernati oħra, tat bidu għal kooperazzjoni aktar intensiva u strutturata fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Ewropej. 

Hekk kif id-domanda għall-mobilità tal-istudenti kibret malajr, sar ċar kemm kien diffiċli għall-istituzzjonijiet individwali li jirrikonoxxu perjodi ta’ studju f’sistemi nazzjonali differenti ta’ edukazzjoni għolja bi strutturi ta’ lawrji universitarji differenti u bi tradizzjonijiet akkademiċi differenti.

Il-Proċess ta’ Bolonja, li beda permezz tad-Dikjarazzjonijiet ta’ Sorbonne u ta’ Bolonja, kien ir-reazzjoni tal-gvernijiet nazzjonali għall-isfidi li jirriżultaw mill-mobilità tal-istudenti u l-gradwati Ewropej.

Il-Kummissjoni hija membru sħiħ tal-Grupp ta’ Segwitu ta’ Bolonja u l-bord tiegħu, li jappoġġja l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Konferenzi Ministerjali ta’ Bolonja.

Sar ħafna progress fir-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja fl-Istati Membri tal-UE u lil hinn, kif indikat minn rapporti ta’ implimentazzjoni regolari.

Il-Ministri tal-Edukazzjoni adottaw ukoll il-Communiqué ta’ Pariġi li jenfasizza l-attivitajiet prijoritarji f’dan il-qasam għas-snin li ġejjin. Il-Communiqué jiddeskrivi l-viżjoni konġunta tal-ministri tal-edukazzjoni minn 48 pajjiż Ewropew għal Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja aktar ambizzjuża sal-2020.

Hu jitlob għal 

  • approċċ inklużiv u innovattiv għat-tagħlim u l-apprendiment
  • kooperazzjoni transnazzjonali integrata fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni
  • l-assikurazzjoni ta’ futur sostenibbli permezz tal-edukazzjoni għolja

Barra minn hekk, il-Communiqué jiddeskrivi fil-qosor il-ħtieġa għal appoġġ aħjar biex il-gruppi vulnerabbli u sottorappreżentati jkunu jistgħu jaċċessaw u jeċċellaw fl-edukazzjoni għolja. Dawn l-ambizzjonijiet huma konformi mal-għan tal-UE li toħloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, li tippromwovi l-mobilità u r-rikonoxximent akkademiku tal-kwalifiki għaċ-ċittadini kollha tal-UE. 

Il-Konferenza Ministerjali li jmiss tal-Proċess ta' Bolonja se sseħħ f’Ġunju 2020, f’Ruma. 

Għal aktar informazzjoni dwar ir-rwol tal-UE fl-iżvilupp tal-Proċess ta’ Bolonja u l-progress tagħha lejn il-ħolqien ta’ Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, ara l-fuljett L-UE b’appoġġ għall-Proċess ta’ Bolonja