Dwar il-politika dwar l-edukazzjoni għolja

L-attivitajiet tal-UE huma maħsuba biex jagħtu dimensjoni internazzjonali addizzjonali għall-istudju, it-tagħlim, ir-riċerka jew it-tfassil tal-politika fl-edukazzjoni għolja.

Ħarsa ġenerali

L-edukazzjoni u l-kultura huma essenzjali biex niżviluppaw Ewropa aktar inklussiva, koeżiva u kompetittiva. Fl-2017, fis-Summit Soċjali f’Gothenburg , il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet il-viżjoni tagħha għall-2025 ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni fejn il-moviment liberu tal-istudenti huwa garantit: “Kontinent fejn il-fatt li wieħed iqatta’ żmien fi Stat Membru ieħor – biex jistudja, jitgħallem jew jaħdem – sar l-istandard u fejn, minbarra l-lingwa materna tiegħu, li wieħed jitkellem żewġ lingwi oħra saret in-norma. Kontinent li fih in-nies għandhom sens qawwi tal-identità tagħhom bħala Ewropej, tal-wirt kulturali tal-Ewropa u tad-diversità tagħha.”

Biex tmexxi ‘l quddiem din il-ħidma fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qiegħda taħdem fuq tliet prijoritajiet ewlenin li se jixprunaw il-mobilità u l-iskambji tal-istudenti għal kulħadd:

  1. Network ta’ Universtitajiet Ewropej
  2. Ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi
  3. Kard Ewropea tal-Istudenti

Għaliex l-edukazzjoni għolja hi importanti?

L-edukazzjoni għolja u r-rabtiet tagħha mar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-individwu u tas-soċjetà, kif ukoll fil-provvediment ta’ kapital uman b'ħiliet ta' livell għoli u ta’ ċittadini impenjati meħtieġa mill-Ewropa biex toħloq l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-prosperità.

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huma sħab kruċjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea biex jitmexxa 'l quddiem u jinżamm it-tkabbir sostenibbli. L-istrateġija Ewropa 2020 stipulat mira li sal-2020 40% taż-żgħażagħ Ewropej ikollhom kwalifika tal-edukazzjoni għolja.

Kif tista’ l-Unjoni Ewropea tappoġġja l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa?

Hu meħtieġ investiment sostnut u sostanzjali sabiex l-edukazzjoni tinbidel f’mutur ta’ żvilupp. L-awtoritajiet fl-Istati Membri se jibqgħu responsabbli għall-mod kif tiġi organizzata u kif titwassal l-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi tagħhom. L-attivitajiet tal-UE huma maħsuba biex jagħtu dimensjoni internazzjonali addizzjonali għall-istudju, it-tagħlim, ir-riċerka jew it-tfassil tal-politika fl-edukazzjoni għolja.

Permezz tal-programmi Erasmus+ u Orizzont 2020 tagħha, l-UE tappoġġja skambji internazzjonali ta’ studenti, persunal akkademiku u riċerkaturi, kif ukoll kooperazzjoni strutturata bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet pubbliċi f’pajjiżi differenti.

L-għan huwa li jinħolqu opportunitajiet ġodda għal nies fl-edukazzjoni għolja biex jitgħallmu minn xulxin bejn il-fruntieri nazzjonali u biex jaħdmu flimkien fuq proġetti konġunti biex jiġu żviluppati taħriġ u tagħlim tajjeb, titwettaq riċerka eċċellenti u tiġi promossa l-innovazzjoni.

X'qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea?

Il-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib ma' min ifassal il-politika biex tappoġġja l-iżvilupp ta' politiki tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi tal-UE f'konformità mal-istrateġija 2020 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020). L-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja, adottata mill-Kummissjoni f’Mejju 2017, tidentifika erba’ għanijiet ewlenin għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni għolja:

Biex tgħin fil-kisba ta’ kull wieħed minn dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet speċifiċi fil-livell tal-UE, prinċipalment appoġġjati minn taqsimiet differenti ta’ Erasmus+ u Orizzont 2020. B’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja:

  1. L-indirizzar tal-ispariġġ fil-ħiliet futuri u l-promozzjoni tal-eċċellenza fl-iżvilupp tal-ħiliet
  2. Il-bini ta' sistemi ta' edukazzjoni għolja inklużivi u konnessi
  3. L-iżgurar li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jikkontribwixxu għall-innovazzjoni
  4. L-appoġġ ta' sistemi ta' edukazzjoni għolja effettivi u effiċjenti.

Biex tgħin fil-kisba ta’ kull wieħed minn dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet speċifiċi fil-livell tal-UE, prinċipalment appoġġjati minn taqsimiet differenti ta’ Erasmus+ u Orizzont 2020. B’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja:

  • l-iskambju ta’ prattiki ta’ politika tajbin bejn pajjiżi differenti permezz tal-grupp ta’ ħidma dwar l-edukazzjoni għolja ET2020;
  • il-proċess ta’ Bolonja, imfassal biex jippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa permezz ta’ aktar mobbiltà, rikonoxximent aktar faċli tal-kwalifiki u mekkaniżmi simplifikati ta’ assigurazzjoni tal-kwalità;
  • l-iżvilupp u l-użu ta’ għodod ta’ mobbiltà u ta’ rikonoxximent, bħas-sistema tal-ECTS u s-Suppliment għad-Diploma, biex tiżdied it-trasparenza u l-faċilità ta’ skambji fl-Ewropa.

Aktar reċentement, fil-kuntest taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ħadet għadd ta’ inizjattivi ulterjuri:

  • il-kunċett ta’ Network ta’ Universitajiet Ewropej iġib bidla kbira fil-prattiki tal-edukazzjoni għolja permezz ta’ kurrikuli u mobilità integrati, u b’hekk irawwem il-kwalità, l-eċċellenza u l-innovazzjoni;
  • ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi tal-iskola sekondarja u tal-edukazzjoni għolja proposta tgħin biex jitneħħew l-ostakoli għall-mobilità tal-istudenti fl-Ewropa;
  • il-Kard Ewropea tal-Istudenti futura se tiffaċilita l-iskambju sigur ta’ informazzjoni dwar l-istudenti u se tnaqqas il-piż amministrattiv għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, u se sservi ta’ eżempju konkret taż-Żona Ewropea għall-Edukazzjoni emerġenti.