Edukazzjoni inklużiva

Il-Kummissjoni Ewropea adottat tliet proposti biex jgħinu jinbnew soċjetajiet koeżivi u inklużivi permezz tal-edukazzjoni u l-kultura.

Dwar xiex inhu?

F'Diċembru 2017, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea approvaw bi sħiħ l-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-ftehim jenfasizza l-importanza tad-dimensjonijiet soċjali, edukazzjonali u kulturali tal-politiki tal-UE billi jlaqqa’ flimkien l-Ewropej biex jibnu l-futur komuni tagħna.

L-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali jiddikjara li "kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jikseb ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b’suċċess transizzjonijiet fis-suq tax-xogħol."

Il-promozzjoni tal-ugwaljanza, tal-koeżjoni soċjali u taċ-ċittadinanza attiva hi waħda mill-objettivi strateġiċi għal kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell tal-UE. Ir-rapport konġunt tal-2015 tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-hekk imsejħa strateġija ''ET2020'’ stabbilixxa l-“Edukazzjoni inklużiva, ugwaljanza, ekwità, nondiskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-kompetenzi ċiviċi” bħala qasam ta’ prijorità għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

L-istrateġija Ewropa 2020 u l-ET2020 stabbilew żewġ miri ewlenin li jindirizzaw l-edukazzjoni inklużiva li għandha titwettaq fl-Ewropa kollha sal-2020:

Fil-kontribuzzjoni tagħha għas-Summit Soċjali ta’ Gothenburg ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet il-viżjoni tagħha għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Din l-inizjattiva tenfasizza l-valur ta’ edukazzjoni inklużiva, ta’ kwalità tajba – mit-tfulija – billi tinfirex is-sodda għall-koeżjoni soċjali, il-mobbiltà soċjali u soċjetà ekwa. Il-viżjoni kienet appoġġjata aktar f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li wieħed mill-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għandu jkun li jingħata appoġġ lill-Istati Membri biex tittejjeb in-natura inklużiva tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom.

Wara l-proposti mill-Kummissjoni, diġà ġew adottati diversi inizjattivi ta’ politika:

F'Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għal programm Erasmus ġdid, li tirdoppja l-baġit tal-programm. Billi l-programm Erasmus+ kurrenti diġà jagħmilha possibbli għal miljuni ta’ żgħażagħ Ewropej li jistudjaw, jitħarrġu jew jitgħallmu barra pajjiżhom, il-programm il-ġdid hu mistenni li jilħaq numru saħansitra akbar ta’ nies – mill-isfondi soċjali kollha.

Kif inhu miksub?

Il-progress tal-Istati Membri lejn it-twettiq ta’ edukazzjoni inklużiva hu mmonitorjat permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew u tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ. Il-Monitoraġġ jipprovdi wkoll evidenza dwar ir-rwol tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali.

Il-Kummissjoni qed timplimenta wkoll firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet f’dan il-qasam, fosthom:

  • twaqqif ta’ Grupp ta’ Ħidma espert dwar il-Promozzjoni ta’ Valur Komuni u l-Edukazzjoni Inklużiva, li pproduċa kompendju online ta’ prattiki tajba f'dan il-qasam;
  • inizjattiva li tinvolvi “mudelli ta’ rwoli” pożittivi biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, u biex ikunu impeduti l-esklużjoni u r-radikalizzazzjoni vjolenti fost iż-żgħażagħ;
  • sett ta’ għodod għal ħaddiema fost iż-żgħażagħ li jaħdmu ma’ żgħażagħ b’riskju ta’ marġinalizzazzjoni;
  • il-Premju Ewropew għall-Inklużjoni Soċjali permezz tal-Isport.

Barra minn hekk, il-programm Erasmus+ jappoġġja l-inizjattivi u l-attivitajiet biex jiġu żviluppati politiki u prattiki innovattivi fil-livell bażiku li jipprijoritizzaw l-inklużjoni soċjali.

Xi jmiss?

Il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-iżviluppi li ġejjin:

  • l-espansjoni tal-Għodod Ewropej għall-Iskejjel, pjattaforma online għall-iskejjel u l-għalliema. Is-sett ta’ għodod joffri eżempji ta' prattika tajba u riżorsi għall-introduzzjoni ta’ approċċi kollaborattivi fl-iskejjel, biex titjieb l-inklużjoni u jiġu pprovduti opportunitajiet ugwali;
  • l-espansjoni tal-pjattaforma online ta’ eTwinning - li għandha l-għan li tlaqqa’ flimkien l-għalliema u l-klassijiet fl-Ewropa kollha, u li tappoġġja korsijiet ta’ taħriġ għall-għalliema dwar l-edukazzjoni fil-qasma taċ-ċittadinanza;
  • l-inċentivi għal istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja sabiex jagħtu kredits għall-volontarjat u għall-iżvilupp tal-kurrikuli li jikkombinaw il-kontenut akkademiku mal-impenn ċiviku;
  • l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà - inizjattiva tal-Unjoni Ewropea li toħloq l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ sabiex jivvolontarjaw jew jaħdmu fi proġetti, f’pajjiżhom jew barra pajjiżhom, li għandhom benefiċċju komunitarju jew reġjonali;
  • l-ippilotjar u t-tnedija tal-Iskambju Virtwali Erasmus+. Din l-inizjattiva se tagħmilha possibbli għaż-żgħażagħ fl-Ewropa u fin-Nofsinhar tal-Mediterran li jiskambjaw opinjonijiet u ideat permezz ta’ konferenzi strutturati u ffaċilitati fuq il-web – bl-għan li jissaħħu l-għarfien u t-tolleranza interkulturali.