Is-Semestru Ewropew / L-analiżi tal-pajjiż

Matul is-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni twettaq analiżi tal-pajjiżi f’diversi oqsma ta’ politika biex tappoġġja tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan jinkludi l-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Dwar xiex inhi?

Filwaqt li r-responsabbiltà għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija tal-Istati Membri, l-UE għandha rwol importanti fl-appoġġ tal-isforzi għat-titjib u l-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni nazzjonali. 

F’ekonomija globalizzata u bbażata fuq l-għarfien, l-Ewropa teħtieġ forza tax-xogħol b'livell għoli ta' ħiliet sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ tikkompeti f’termini ta’ produttività u innovazzjoni. Dan hu saħansitra iktar rilevanti matul żminijiet ta’ tibdil teknoloġiku u soċjetali b’pass mgħaġġel ħafna. 

Madankollu, evidenza reċenti tissuġġerixxi li hemm diskrepanza dejjem tikber bejn il-ħiliet tal-impjegati u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, fatturi li jikkontribwixxu għall-qgħad u jillimitaw it-tkabbir ekonomiku.

Skont l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-prijoritajiet tal-UE f’dan il-qasam jinkludu:

  • l-allinjament tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol;
  • it-tnaqqis tan-numru ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola għal inqas minn 10% 
  • iż-żieda tas-sehem ta' gradwati mill-edukazzjoni terzjarja għal tal-inqas 40%.

Kif taħdem?

Il-Kummissjoni twettaq analiżijiet tal-pajjiżi f’firxa ta’ oqsma ta’ politika, inklużi fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, bħala parti mis-Semestru Ewropew

Dawn l-analiżijiet jippermettu lill-Istati Membri tal-UE li jindirizzaw l-isfidi identifikati fil-livell tal-UE, nazzjonali u/jew reġjonali. Huma jgħinu wkoll lill-gvernijiet nazzjonali biex jivvalutaw il-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa, kif ukoll fl-oqsma li jeħtieġu aktar investiment. 

Fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, tinħareġ serje ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fl-ewwel nofs tas-sena (is-Semestru Ewropew) biex jgħinu lill-Istati Membri jindirizzaw l-iktar sfidi urġenti. 

Barra minn hekk, kull sena l-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ jagħti analiżi aġġornata tal-isfidi, abbażi ta' sett ta' punti ta’ riferiment. Il-Monitor jikkontribwixxi wkoll lejn l-isforz tal-UE għal tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza.