Gruppi ta’ Ħidma tal-ET 2020

Il-Gruppi ta’ Ħidma huma mfassla biex jgħinu lill-Istati Membri tal-UE jindirizzaw l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom, kif ukoll il-prijoritajiet komuni miftiehma fil-livell Ewropew.

X’inhuma l-Gruppi ta’ Ħidma?

Il-Gruppi ta’ Ħidma huma stabbiliti bħala parti mill-proċess ta’ kooperazzjoni fil-politika tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ li jappoġġjaw l-objettivi ta’ politika komuni. 

Il-gruppi jappoġġjaw it-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u joffru forum għall-iskambju ta’ esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar modi kif jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. 

Il-membri tal-Gruppi ta’ Ħidma huma uffiċjali tal-gvern maħturin mill-Istati Membri tal-UE u pajjiżi parteċipanti oħrajn. Numru ta’ rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u sħab soċjali jinħatru wkoll fil-gruppi. 

Is-seba’ Gruppi ta’ Ħidma nħolqu f’Lulju 2018 u se jkomplu l-ħidma tagħhom sakemm il-mandat attwali tagħhom jiskadi f’Ġunju 2020. 

Il-gruppi huma organizzati madwar it-temi li ġejjin: Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal; Skejjel; Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali; Edukazzjoni Għolja; Tagħlim għall-Adulti; Valuri Komuni u Edukazzjoni Inklużiva; u Edukazzjoni Diġitali: Apprendiment, Tagħlim u Valutazzjoni. 

Għar-rapporti tal-laqgħat, jekk jogħġbok ikkonsulta r-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni Ewropea. Għal aktar informazzjoni dwar il-Gruppi ta’ Ħidma, jekk jogħġbok irreġistra fuq il-pjattaforma Yammer.

Dan il-Grupp ta’ Ħidma jiddiskuti kif jiġu żviluppati sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) ta’ kwalità għolja fl-Ewropa kollha. Dan jibni fuq ir-riżultati miksuba mill-Grupp ta’ Ħidma preċedenti (2012–2014), li żviluppa l-Qafas Ewropew tal-Kwalità għal dan is-settur. L-oqsma ta' prijorità ewlenin tiegħu huma:

  • Il-professjonalizzazzjoni tal-istaff bħala element ewlieni fil-ħolqien ta’ professjoni attraenti, sostenibbli u kompetenti. Din il-parti tal-ħidma tiffoka kemm fuq l-iżvilupp professjonali inizjali kif ukoll fuq dak kontinwu, il-mogħdijiet u l-opportunitajiet tal-karriera, id-diversità tal-istaff (eż. l-indirizzar tad-disparità bejn il-ġeneri, l-iżgurar tad-diversità tal-isfond etniku), kif ukoll il-kondizzjonijiet tax-xogħol.
  • L-inklużjoni soċjali li tiffoka fuq il-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni wiesgħa fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, li għandha l-għan li tnaqqas id-distakk fil-ħiliet bejn it-tfal bi sfondi differenti (inklużi tfal bi bżonnijiet speċjali), ittejjeb il-koeżjoni soċjali u tappoġġja t-tagħlim bikri tal-lingwi ta’ tfal minn migranti jew gruppi minoritarji li jkunu għadhom kif waslu.

Il-Grupp ta’ Ħidma se jirrifletti wkoll dwar kif titkejjel il-kwalità f’livelli differenti tas-sistemi tal-ECEC.

Għal aktar tagħrif dwar il-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, jekk jogħġbok ikkonsulta l-paġna tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal.

Dan il-Grupp ta’ Ħidma jiddiskuti l-governanza tas-sistemi tal-edukazzjoni skolastika biex tiġi żviluppata edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni kollha. L-oqsma ta’ ffukar kurrenti tiegħu huma: 

  • L-assigurazzjoni tal-kwalità : kif is-sistema edukattiva fl-iskejjel tista’ tappoġġja l-iżvilupp ta’ kompetenzi wesgħin taż-żgħażagħ u tippromwovi approċċ ta’ skola sħiħa, ibbażat fuq l-involviment tal-persuni kollha involuti fil-ħajja skolastika;
  • Il-karrieri tal-għalliema u tal-mexxejja tal-iskola: kif jiġu żviluppati u appoġġjati karrieri attraenti u sostenibbli – b’mod partikolari dwar l-evalwazzjoni tal-istaff, il-kompetenzi meħtieġa, l-iżvilupp professjonali u l-kapaċità għat-tmexxija.

Għal messaġġi ewlenin ta’ politika tal-Iskejjel tal-Grupp ta’ Ħidma preċedenti (2016–18), ara r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-ideat Ewropej għal tagħlim aħjar: Il-governanza tas-sistemi edukattivi tal-iskejjel

Għal aktar tagħrif dwar il-ħidma tal-Kummissjoni fil-politika tal-edukazzjoni skolastika, jekk jogħġbok ikkonsulta l-paġni dwar il-politika dwar l-iskejjel.

Għall-aħħar aħbarijiet Ewropej, pubblikazzjonijiet, videos, opportunitajiet għall-iskejjel tal-Erasmus+, u korsijiet ta’ żvilupp akkademiku professjonali tal-għalliema, jekk jogħġbok żur l-iSchool Education Gateway.

Dan il-grupp ta’ ħidma jiddiskuti r-rwol u l-potenzjal tal-innovazzjoni, b’enfasi fuq id-diġitalizzazzjoni biex jinħolqu sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) aktar flessibbli, sostenibbli u ta’ kwalità għolja. Dan jinvolvi l-eżami tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fl-ETV u r-rabta tiegħu ma’ perkorsi oħrajn, iżda jirrifletti wkoll l-impatt ta’ xejriet usa’ ta’ innovazzjoni u diġitalizzazzjoni fl-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol fuq l-ETV (eż. l-industrija 4.0, l-awtomatizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali). 

Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan huwa li jissaħħu l-impjegabbiltà u l-iżvilupp personali tal-istudenti żgħażagħ u l-persuni fl-età tax-xogħol fl-ETV, biex jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-kumpaniji, kif ukoll għat-tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni soċjali. 

L-oqsma ta' prijorità ewlenin tiegħu huma: 

  • L-istabbiliment ta’ stili ta’ tagħlim innovattivi għall-għalliema u t-trainers
  • It-tisħiħ tal-kompetenzi ewlenin billi jiġu adattati l-kurrikuli u/jew il-programmi u r-regolamenti ta’ taħriġ li jirreaġixxu għal swieq tax-xogħol li qed jinbidlu b’mod rapidu
  • Il-ħolqien ta’ ambjenti ġodda ta’ tagħlim u żviluppi organizzattivi fl-istituzzjonijiet u l-kumpaniji tat-taħriġ
  • L-iżgurar tal-użu ta’ teknoloġiji moderni tat-tagħlim fl-ETV u ETV ogħla
  • It-trawwim ta’ sistemi tal-ETV proattivi u flessibbli li jappoġġjaw l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u l-kooperazzjoni permezz ta’ raggruppamenti tal-industrija
  • Il-promozzjoni tal-kwalità u l-eċċellenza fl-ETV
  • It-tisħiħ tal-governanza u l-finanzjament permezz tal-qsim tal-ispejjeż u l-investiment fl-infrastruttura
  • L-appoġġ għall-mobbiltà fit-tagħlim tal-ETV, il-karrieri mingħajr fruntieri u l-internazzjonalizzazzjoni tal-ETV

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreġistra fuq il-pjattaforma Yammer u segwi #ET2020VET fuq Twitter.

Dan il-Grupp ta’ Ħidma jiddiskuti kif tista’ tiġi massimizzata l-provvista ta’ edukazzjoni għolja ta’ kwalità, it-tħejjija tal-gradwati għas-swieq tax-xogħol u soċjetajiet li qed jinbidlu. Għandu wkoll l-għan li jżid il-kapaċità tal-Ewropa għall-innovazzjoni u l-kontribut għat-tkabbir sostenibbli u għas-soċjetajiet inklużivi. 

Il-grupp ta’ Ħidma jsegwi l-prijoritajiet identifikati fl-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja u fil-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura.
L-oqsma ta' prijorità ewlenin tiegħu huma: 

Dan il-Grupp ta’ Ħidma jiddiskuti l-għażliet ta’ politika għall-iżvilupp ta’ sistemi moderni ta’ tagħlim għall-adulti li jappoġġjaw it-titjib kontinwu tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-individwi meħtieġa biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol tal-lum u fis-soċjetà. L-oqsma ta' prijorità ewlenin tiegħu huma: 

  • l-għoti tas-setgħa lill-individwi biex iwettqu titjib tal-ħiliet u/jew taħriġ mill-ġdid 
  • l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ tagħlim kontinwu fuq il-post tax-xogħol (kemm privat kif ukoll pubbliku)

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE).

Dan il-Grupp ta’ Ħidma jiddiskuti soluzzjonijiet ta’ politika dwar kwistjonijiet ewlenin li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar il-Promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni tal-2015. Il-grupp jippromwovi wkoll valuri komuni, notevolment fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva, u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim

L-oqsma ta' prijorità ewlenin tiegħu huma:

  • Il-promozzjoni tal-valuri komuni u tal-kompetenzi interkulturali, inklużi l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza u ċ-ċittadinanza diġitali
  • L-appoġġ għall-edukazzjoni inklużiva għall-istudenti kollha
  • It-trawwim ta’ dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni u t-taħriġ
  • L-appoġġ lill-istaff edukattiv fit-tħeġġiġ tad-diversità u l-ħolqien ta’ ambjent ta’ tagħlim miftuħ

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreġistra fuq il-pjattaforma Yammer.

Dan il-Grupp ta’ Ħidma jiddiskuti l-użu bi skop u innovattiv tat-teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali. Huwa jeżamina kif is-sistemi edukattivi jistgħu jirrispondu bl-aħjar mod għall-bidliet fis-soċjetà u suq tax-xogħol immexxi mit-trasformazzjoni diġitali, jippromwovi prattiki tajbin u l-kożvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ politika. 

F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, l-oqsma prijoritarji ewlenin tiegħu huma:

  • L-użu aħjar tat-teknoloġija diġitali għat-tagħlim, l-apprendiment u l-valutazzjoni
  • L-iżvilupp ta’ kompetenzi u ħiliet diġitali rilevanti
  • It-titjib tal-edukazzjoni b’analiżi u t-tbassir aħjar tad-data

Il-grupp ta’ ħidma jiffoka l-ħidma tiegħu fuq it-temi ewlenin li ġejjin:

  • Il-monitoraġġ u l-kejl tal-impatt
  • L-edukazzjoni tal-għalliema, il-prattika u it-tagħlim tal-istudenti
  • Il-valutazzjoni u r-rikonoxximent
  • Il-paradimma u l-bdil sostenibbli
  • L-edukazzjoni diġitali li tappoġġja t-tagħlim tul il-ħajja
  • Is-sħubijiet (privati, it-tielet settur) u l-kollaborazzjoni