Żvilupp tal-ħiliet

L-UE għandha bosta inizjattivi biex tgħin l-Istati Membri jattrezzaw l-istudenti b’ħiliet, b’kompetenzi u bi kwalifiki dinamiċi.

Dwar xiex inhu?

Is-suq tax-xogħol qed jevolvi l-ħin kollu. Il-ħiliet, il-kompetenzi, u l-kwalifiki li n-nies ikollhom bżonn jinbidlu biż-żmien. Biex jiġu indirizzati dawn il-bidliet hemm bżonn li n-nies ikunu mgħammra b’varjetà ta’ ħiliet, inklużi l-qari u l-kitba, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali. Huma jeħtieġu wkoll sett usa’ ta’ kompetenzi – inklużi l-ħsieb kritiku, il-kreattività u x-xogħol f’tim – sabiex jibnu karrieri sostenibbli u jsiru ċittadini indipendenti u attivi li jikkontribwixxu lejn is-soċjetà. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol kruċjali kemm biex jippermettu liż-żgħażagħ jiżviluppaw dawn il-ħiliet u l-kompetenzi – kif ukoll biex jippermettulhom l-aħjar bidu possibbli fil-ħajja.

Sabiex jiġu identifikati u mmaniġġjati aħjar id-disponibbiltà tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki meħtieġa – u għalhekk jiġu jevitati d-diskrepanzi fil-ħiliet u n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet – hi vitali l-komunikazzjoni effettiva bejn is-suq tax-xogħol u s-settur tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

X'sar s'issa?

Inizjattivi Ewropej għal ħiliet li qed jiżviluppaw

  • L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa tal-2016, tenfasizza 10 azzjonijiet biex it-taħriġ, il-ħiliet u l-appoġġ xierqa jkunu disponibbli għaċ-ċittadini fl-UE;
  • F’Mejju 2018, il-Kunsill Ewropew iddeskriva sett ta’ kompetenzi ewlenin li l-individwi kollha jeħtieġu għat-twettiq u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi;
  • Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi 11-il azzjoni biex isir użu aħjar mit-teknoloġija diġitali għat-tagħlim, l-apprendiment u l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali;
  • Il-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali hi sħubija bejn bosta partijiet ikkonċernati li ngħatat l-inkarigu li tittratta n-nuqqasijiet ta' ħiliet fl-ICT u l-eluf ta' impjiegi disponibbli li mhumiex meħudin relatati mal-ICT;
  • Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 hu mudell biex jitwettaq il-potenzjal intraprenditorjali tal-Ewropa bit-tneħħija ta’ ostakli eżistenti u biex b’hekk tinbidel ta’ taħt fuq il-kultura tal-intraprenditorija fl-Ewropa.
  • Ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-monitoraġġ tal-gradwati tal-2017 tal-Kunsill Ewropew ħeġġu lill-Istati Membri biex jiżviluppaw sistemi komprensivi ta’ traċċjar għall-gradwati terzjarji fil-livell nazzjonali biex titjieb id-disponibbiltà ta’ data komparabbli u biex tkun tista’ ssir analiżi komparattiva aktar dettaljata tal-eżiti tal-gradwati.

Inizjattivi Ewropej għall-immaniġġjar tad-disponibbiltà ta’ ħiliet meħtieġa

  • L-ESCO hi l-klassifikazzjoni multilingwi tal-Ħiliet, il-Kompetenzi, il-Kwalifiki u l-Okkupazzjonijiet Ewropej. Hi tintroduċi terminoloġija standard b'25 lingwa Ewropea u tikkategorizza ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u okkupazzjonijiet rilevanti kemm għas-suq tax-xogħol kif ukoll għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE;
  • Il-Panorama tal-Ħiliet Ewropej timmonitorja b’mod regolari l-antiċipazzjoni tal-ħiliet u l-valutazzjoni tal-ħiliet fil-livell nazzjonali u Ewropew. Hi tipprovdi d-data, l-informazzjoni u l-intelliġenza dwar it-tendenzi tal-ħiliet fil-livell nazzjonali u tal-UE.

X’inhuma l-passi li jmiss?

  • L-aġġornar kontinwu tal-ESCO biex jiġu riflessi t-tibdiliet bejn is-swieq tax-xogħol u l-edukazzjoni u t-taħriġ
  • L-implimentazzjoni tal-ESCO fis-CV Europass, il-Panorama Ewropea tal-Ħiliet, u EURES
  • Il-monitoraġġ kontinwu tat-tendenzi tal-ħiliet u d-domanda – Panorama tal-Ħiliet tal-UE